Aħbarijiet | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69
Therese* għandha kanċer tas-sider imma m’għandhiex flus biex tixtri l-mediċina m’ogħla s-smewwiet li għandha bżonn. Sabrina Agius tirrapporta
Herceptin. Għal ħafna din il-kelma ma tfisser xejn. Għal oħrajn hi mediċina li sservi ta’ ħajja jew mewt.
Il-Herceptin tintuża minn pazjenti milquta minn tip ta’ kanċer tas-sider. Ma tingħatax b’xejn mill-Gvern u tiswa’ ħafna flus. Trattament ta’ darba jiswa’ madwar €3,000 (Lm1,300). Il-kura fuq medda ta’ sena ttella’ spiża ta’ madwar €45,400 (Lm19,500).
Pazjent jispiċċa jiġġieled mhux biss mal-marda imma wkoll mal-flus li jkollu bżonn biex jikkuraha.
Nies li jinstabilhom kanċer tat-tip HER2, magħruf ukoll bħala Human Epidermal growth factor Receptor-2, bilfors iridu jieħdu l-herceptin bħala l-unika rimedju li hawn fis-suq. Pazjenti li għandhom polza ta’ assigurazzjoni medika huma l-unika nies li jibbenefikaw mit-trattament għax l-ispiża titħallas mill-assigurazzjoni.
Iżda l-bqija, kulmin jaqbdu dan it-tip ta’ kanċer, m’għandu l-ebda tip ta’ sussidju mill-Gvern u jrid jara kif se jaqdef għal rasu.
Kelliem mill-Ministeru tas-Saħħa ikkonferma li “din il-mediċina għadha ma ġietx inkluża mal-formultorja tal-Gvern.”
Hu sostna li “s’issa l-Gvern għadu qed jara l-eventwalità li jintroduċiha fil-formutlorja.”
Il-kliem tal-Ministeru tas-saħħa qajla jikkonsla lil Therese, mara ta’ 40 sena, li skopriet li għandha kanċer tas-sider u li biex tikkurah għandha bżonn din il-mediċina għalja ħafna.
Therese indunat bil-marda għal ħabta ta’ Mejju tas-sena l-oħra.
“L-aħbar innifisha diġà hi trawmatika. Tibda taħseb ħafna affarijiet u ma tkunx taf minn fejn se taqbad tibda. L-ewwel ħaġa li taħseb, ovvjament hi li hemm possibiltà li se tmut,” tgħid Therese.
“B’kollox se nkun ħallast Lm19,500 fi żmien ta’ sena. Kull shot jiswa’ madwar Lm1,300 u dan irrid nieħdu kull tliet ġimgħat. In-nies mingħalihom li kollox b’xejn. Bilkemm jemmnuk,” tgħid Therese.
Il-piż finanzjaru li din il-mediċina toħloq awtomatikament tikkawża wkoll problemi soċjali fil-familji. Tqerr li għal min għandu t-tfal bħalha diffiċli jkampa.
“Għandi tifla ta’ età żgħira. In-neċessitajiet dejjem jiżdiedu u jien m’għandix min jagħtini. Xi kultant lanqas ikolli biex nixtrilha ċerti affarijiet bħal ħwejjeġ. Dawn l-affarijiet lili jweġġgħuni.”
Tirrakkonta kif il-ħbieb tagħha li qed jagħmlu t-trattament bħala l-Isptar Boffa waslu biex kellhom ibigħu d-dar u l-karozza biex ikunu jistgħu jixtru l-mediċina. “Dan kollu biex jieħdu t-trattament bit-tama li ma jerġa’ jinqala’ xejn,” tinsisti Therese.
F’każijiet bħal dawn kulħadd hu eliġibbli li jieħu 50 fil-mija ta’ l-ispejjeż mingħand il-Community Chest Fund. Madankollu Therese ssostni li tiltaqa’ ma’ ħafna nies li lanqas biss jafu li kulħadd hu eliġibbli.
“Is-sistema taħdem billi toħdilhom l-irċevuti u jagħtuk nofs l-ammont. Iżda l-problema hi li l-ewwel pagament tieħdu mill-inqas wara tliet xhur. U jekk ma jkollokx flus x’tagħmel? Ħafna nies xorta m’għandhomx dak l-ammont ta’ flus fl-idejn.”
Anki jekk il-Community Chest Fund jagħtu 50 fil-mija tas-somma xorta jibqa’ ammont sostanzjali li jrid jitħallas mill-individwu. Therese għad trid tħallas kważi €23,000 (Lm10,000) minn butha. “Dawn il-flus m’għandix,” tisħaq Therese.
Imma l-flus mhumiex l-uniku nkwiet. Tirrakkonta kif biex tmur għat-trattament trid taqla’ ħafna nies.
“Ikun hemm żmien fejn lanqas tista’ tqum mis-sodda. L-uġigħ fiżiku fih innifsu jkissrek. F’din it-tbatija kelli nibqa’ naħdem xorta. Ma nistax nibqa’ mistrieħa għax naf li fl-aħħar tax-xahar irrid inħallas il-kontijiet. U assistenza m’għandi xejn. Mela minn banda għandek marda u trid tiġġildilha u min-naħa l-oħra moħħok irid jibqa’ jhewden kif se tgħajjex il-familja.”
Id-diffikultà tas-sitwazzjoni wasslet lil Therese biex tikteb liż-żewġ kapijiet tal-partiti fuq is-sitwazzjoni.
“Ktibt lil Lawrence Gonzi u lil Alfred Sant biex forsi jsir xi ħaġa biex jibda jkun hemm tip ta’ sussidju jew benefiċċji imma bla risposta bqajt. Ma teżisti l-ebda skema. Nitkellmu fuq prevenzjoni. Hu tajjeb imma x’jiġri lin-nies li qabadhom il-kanċer? Naħseb xi ħaġa għandu jsir. Nemmen li l-piż għandu jitnaqqas.”
Tissuġġerixxi li għandu jkun hemm xi forma ta’ rebate fuq it-taxxa. “Jew inkella min jaqbdu l-kanċer ikollu iżjed sick leave biex ikun jista’ jistrieħ sew wara kull trattament,” tgħid Therese, b’diskors mibni fuq l-esperjenza tagħha.
Hi tispjega li l-kumpanija ta’ l-assigurazzjoni tagħha irrifjutat li taċċetta l-każ u allura spiċċat mingħajr il-possibbiltà li tiffinanzja l-kura tagħha. Tistqarr li tinsab urtata li qalulha li l-marda kienet xi ħaġa li kienet taf biha meta għamlet il-polza.
Iweġġagħha l-fatt li ħarġuha ta’ giddieba. “Qalu li kellmu xi tobba imma jien ma nafx min huma dawn it-tobba. U meta kellmu lit-tabib tiegħi naf li qalilhom li lili dejjem f’saħħti jafni.”
Tkompli tistqarr li “kienet sitwazzjoni li dak iż-żmien ma flaħtx niġġilidha. Kelli wisq fuq moħħi.”
Il-kanċer ikissrek psikoloġikament u l-għajnuna hi kruċjali biex wieħed ma jaqtax qalbu.
“Il-konsegwenzi psikoloġiċi huma koroh. Il-fatt li jaqagħlek xagħrek kollu diġà xokk. Taffettwalek ir-relazzjonijiet personali. Jiġu mumenti ta’ disperazzjoni. Diffiċli ħafna. Tħossok waħdek, abbandunat u impotenti. Inħoss li hawn bżonn ħafna għajnuna.
“Jgħaddulek ħafna biżgħat u ħsibijiet minn moħħok. Ikollok mumenti fejn tibda taqta’ qalbek mill-ħajja u tippreferi li tmut.”
“Billi l-psikologa tal-Gvern tgħidlek ‘ikun tajjeb li taħseb fit-testment u affarijiet tal-Bank’ mhux soluzzjoni,” tgħid b’ton irrabbjat.
Intant il-ħajja għal Therese tkompli għaddejja. Ma tistax tieqaf tiġġieled imma tibqa’ tispera li mhux biss il-kuraġġ ma jonqoshiex imma li ssib il-flus biex it-tama tkompli tixxettel.
*L-isem mibdul biex tkun rispettata l-privatezza tal-persuna |
|
Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici
Il Punt
Arnold Cassola
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|