MediaToday

Aħbarijiet | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69

Ġemma Portelli: l-attriċi li kienet tfawwar l-Istitut Kattoliku

Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt

Ilbieraħ ngħatat l-aħħar tislima lil Ġemma Portelli, attriċi u “kummidjanta ta’ era minn kullana ta’ kummidjanti”, kif iddiskriha Joe Farrugia, id-Dulli. Il-Parroċċa ta’ l-Imsida kienet mimlija daqs bajda minn qrabatha, mill-atturi sħabha u ħbiebha, xi politiċi u mill-udjenza tagħha stess li xtaqu juru l-apprezzament tagħhom lil mara “b’karattru tal-ġenn, mhux biss bħala attriċi imma anki bħalha omm. Kienet tħobb lil kulħadd”, kif qal l-attur Joe Borg.
Il-quddiesa qaddisha Dun Ġorġ Dalli li kien jafha sew minħabba li kien jieħu ħsieb l-Istitut Kattoliku u semma kif Ġemma mhux l-ewwel darba fdalha tifel f’idejha biex tgħallmu li tista’ fejn jidħol il-qasam tal-palk. Id-Dulli, li ħadem ma’ l-attriċi għal 20 sena, tkellem dwar Dun Ġorġ li kien hu li jħeġġiġhom itellgħu xi ħaġa meta jkun hemm data vojta. Kull ħmistax kienu jtellgħu reċta.
“L-Istitut Kattoliku kien ifur meta jkun hemm hi. Ġemma kienet tħobbha l-udjenza. Tat dak li taf,” qal b’ċerta nostalġija Farrugia. Żied jgħid, “Bħala kummidjant, meta tonqos waħda minna, tinkwieta. Ġemma kienet tagħmel parti minn kullana ta’ kummidjanti bħal Vitorin Galea.”
Carmen Azzopardi, attriċi veterana magħrufa, ħasset li “hu dulur kbir. Il-komunità teatrali tilfet ġojjell. Barra milli kienet tiddeverti lin-nies, kienet tiddeverti lilha nnifisha wkoll.” Azzopardi, minbarra li tilfet kollega, tilfet ħabiba wkoll.
“Konna nċemplu lil xulxin meta miet ir-raġel. Issa tgawdi hi wkoll. Hi ferrħet lin-nies. Għamlet dak kollu li għandu jagħmel il-proxxmu llum.”
L-attur Joe Borg, li ħadem magħha fl-aħħar serje ta’ Baħar Wieħed bħala t-tieni raġel ta’ Ġoma, se jibqa’ jiftakar “il-karattru ferrieħi li kellha minkejja li dejjem kienet muġugħa. Meta ġġieldet mal-marda li kellha u ġiet f’tagħha kien mitilha żewġha. Baqgħet tirreċta għax meta kienet tidħol f’karattru kienet tinsa l-uġigħ.”
Żied jgħid li hu tgħallem ħafna minnha fi żmien Baħar Wieħed u dik kienet l-ewwel darba li rreċta magħha. Bil-metodu li kienet taħdem hi bih kienu jitgħallmu kollox bl-amment u b’dak il-mod kienu jħossuhom aktar komdi li jidħlu fil-karattru.
“Dawn insibuhom bħala l-kolonni tal-palk u jkun nuqqas kbir meta jiġi nieqes xi ħadd minnhom. Il-palk ikun tilef ħafna għax dejjem hemm x’titgħallem,” tenna Borg.
Fost l-atturi li tawha l-aħħar tislima kien hemm oħtha Connie Azzopardi li qrat it-talb tal-fidili b’ċertu ton ta’ kuraġġ għall-ħajja ġdida li bdiet Ġemma. Fl-istess talbiet ingħaqdu magħha Hector Bruno, Charles Thake, Ġorġ Micallef, Fabian Scerri de Carlo u Nadette de Carlo (bintha Sunta f’Ta’ Ħorrox Borrox).
Il-funeral intemm b’ċapċipa twila sakemm ħareġ it-tebut mill-knisja b’ħutha u qrabatha jibku warajha. Ġemma Portelli kellha 75 sena.

Intervista
Il-libertà u s-serħan tal-moħħ

Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici



Il Punt
Koalizzjoni
Arnold Cassola




Emmanuel Micallef
X'qed jaqra l-polz??!


Carmelo Mifsud Bonnici

Iċ-ċavetta li biddlet lil dan il-pajjiż



X'kien Jgħid
Viljakkeriji



Wenzu Mintoff
Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan