MediaToday

Joe Cassar | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69

Tifkiriet ta’ kandidat

Trab, ħajja, ilma. Xbiha tiegħi mqattgħa biċċiet f’għadira ċkejkna ta’ ilma. Xi ħadd qatta’ ritratt li tajtu jien jew bgħattlu. Lanqas ħaqq iż-żmien li għaddew marti u n-nisa tal-gruppi jsibuli ritratt xieraq għall-elezzjoni. Ritratti suwed u bojod, wara daħlu l-ilwien. Ħsibijiet fuq għadira.
Inħaffef. Ma ġara xejn kbir. Il-lejla se jsir mass meeting. Irrid inkun ma’ kandidati oħra fuq it-trakk. L-għajjat, il-mużika, il-brijju. Ħbieb jerfgħuni fuq spallejhom u jġerruni qalb il-folla. Iċ-ċapċip…
Niftakar meetings ta’ ħemda. Nitlaq għalihom kmieni biex ħadd ma jfixkilni fi triqti. Qed jiġri xi ħaġa fil-bogħod, fit-truf tal-folla. Żagħżugħ, bid-demm ħiereġ minn rasu, jittella’ fuq il-palk. Fejn riġlejja d-demm jistagħdar. Inixxi minn bniedem mhux minn xbiha fuq ritratt. Kandidat tabib idewwieh. Dan iż-żagħżugħ, kull sena, jibgħatli djarju. Fuqu qed inħażżeż dawn il-ġrajjiet.
Fil-każin ta’ Raħal Ġdid sibt munzelli ta’ ritratti ta’ kandidat ieħor. Dehru mitluqa. Bħalhom ma nistax nagħmel. Jien u ħabib ġbarna ftit minnhom. Fuq ix-xbiha ta’ sieħbi waħħalt tiegħi u hekk kelli ritratt bħal ħaddiehor. Lil dan sieħbi li ħdimna flimkien għal snin qatt m’għidtlu fuq din is-serqa. F’ħalq l-avukati: “Ir-reat hu preskritt”.
X’imkien dawn ir-ritratti jridu jitwaħħlu. Hekk qaluli erbat iħbieb li ġew miegħi għall-ewwel elezzjoni. Tlabt id-dqiq lil ommi li rajtha tinkwieta, tarana nħejju. La hi u lanqas missieri ma riduni noħroġ għall-politika.
Fid-dlam tal-lejl ingħaqadna grupp u ħriġna bi tliet karozzi. Mhux ritratti tiegħi biss. Kandidati oħra ma ġewx u mexxejt jien. Wasalna fit-truf tal-Gudja. Bdew jitwaħħlu l-karti mal-palazz ta’ Bettina. Mit-torri fil-palazz lemħitna Bettina Dorelle jew xi ħadd li kien imexxi l-kwartieri fit-taqtigħa kontra l-Franċiżi. F’daqqa tfaċċa surġent tal-pulizija. Għidt bejni u bejn ruħi, “Magħmula tagħna”. Aħjar nerfa’ jien bis-sabar. Ersaqt fuq is-surġent li kien kalm. Staqsieni kellix permess biex jitwaħħlu karti fuq proprjetà privata. Weġibtu li ma kellix. X’ħin ħareġ ktejjeb minn sidru tlabtu jieħu ismi biss. Ħa d-dettalji u qalli li jekk Bettina kienet tiddejjaq bil-karti kien jgħarrafni u jien inneħħihom. Waqqaft il-ħidma u morna lura lejn djarna. Ma ġara xejn aktar u nisel Bettina dejjem xeħtu l-vot għalija.
La qed nikteb ħajti rrid ngħid is-sewwa kollha. Il-linka hi safja. Kont wettaqt it-tieni ‘reat’. Maż-żmien tgħallimt li karti fuq il-ħitan ma jiksbux voti. Barra dan, billi ħafna kienu jwaħħlu karti fl-istess post fuq karti diġà mwaħħlin, seta jinqala’ l-inkwiet fis-sigħat tal-lejl. Ix-xandir jista’ jikseb voti għal min għadu ħiereġ l-ewwel darba. Fis-snin 1970/71 bdejt imur f’isem “Il-Poplu” għall-Konferenzi Stampa biex nistaqsi. Il-mistoqsijiet kienu jintbagħtu qabel u min kien se jwieġeb seta’ jħejji. Kien hemm iċ-ċensura ta’ l-Awtorità tax-Xandir. Mistoqsija qasira. It-tweġiba. Orbot mistoqsija oħra u fajjarha, b’din l-Awtorità ma kinitx tkun taf.
Darba sibt ruħi quddiem il-Perit Mintoff. Waqt li qed iwieġeb mistoqsija ta’ ħaddieħor, dħalt fin-nofs: “Onorevoli, għaliex fl-1958 tlaqt mill-Gvern u Malta saret kolonja għal kollox?”
Tmasħan kif stennejt. Qalli li dalwaqt se jweġibni u hekk jgħallimni. Għadda l-ħin. Bi tbissima ressaqt il-mistoqsija tiegħi. Weġibni imma kien diġà nesa l-mistoqsija l-oħra. Fuq ix-xandir, il-politiku mhux qiegħed f’każin jew f’meeting. Qed jarawh in-nies minn darhom. Meta l-program għalaq għajjatli: “Int mhux it-tifel ta’ Ċikku?”
Mintoff u missieri kienu ħbieb sewwa. Politikament qatt ma qablu. Dik il-lejla iddubbajt programm tal-Partit Laburista li tlabt lil Mintoff jiffirmali. Staqsieni biex kont sejjer lura d-dar. Meta għidtlu li b’tal-linja offrieli li jwassalni. Salvu Sant għafas kemm felaħ imma jien u Mintoff wasalna Ħal Tarxien qawwijin u sħaħ. Ġriet l-aħbar fil-PN li l-Perit Dom Mintoff wassal lil Peppinu Cassar id-dar. L-għada gazzetta ġabet li l-Avukat Cassar irid jagħmilha tal-bravu u tkessaħ fuq ix-Xandir. Avukat xiħ qalli li jmissni għafast aktar.
Meta l-Perit Mintoff sar backbencher konna nitkellmu ta’ sikwit. Meta miet missieri kien sejjaħli: “Ibni, missierek xi ħaġa fuqi qallek. Kun raġel bħalu”. Meta mietet martu, mara ta’ qalb kbira, mort jien nagħtih l-għomor. It-tnejn intemmejna mill-Parlament fl-1998. Hu, kif darba qalli meta staqsejtu, kien daħal fl-1944, jien kont dħalt fl-1981. F’għeluq il-50 sena tiegħu fil-Parlament iż-żewġ naħat kienu qablu li jieħu seduta bħala tifkira.
F’isem ‘Il-Poplu’ dehert għall-aħħar konferenza stampa qabel l-elezzjoni ta’ l-1971. Miss lil Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier. Il-gazzetti li kienu joħorġu kienu ftit. Aħna li nistaqsu konna nistaqsu wara xulxin skond il-polza. Missni l-aħħar post. Quddiem bniedem ta’ l-istess partit il-mistoqsija tkun mod, quddiem bniedem ta’ partit iehor tkun mod ieħor. Il-ħin beda jgħaġġel u jgħaġġel. Il-ħin ried jinżamm. Il-mistoqsija tiegħi baqgħet fuq il-karta. Wara Borg Olivier skuża ruħu miegħi.
Meta l-PN safa fl-Oppożizzjoni bqajt immur. Daqqa jien u daqqa Louis Galea. Għall-ewwel konferenza stampa li għamel Eddie Fenech Adami kont mort ‘nassistih’. Snin wara Leo Brincat, li kien Segretarju Parlamentari għad-Djar, deher fuq ix-xandir u ‘ma mexiex mar-regolamenti’ ta’ l-Awtorità. Il-PN ingħata l-jedd li jwieġeb f’seba’ minuti. Jiena kont id-dell ta’ Leo Brincat kif qablu kont ta’ Lorry Sant fil-Parlament. Ħejjejt sewwa l-aktar biex ma jaqbiżx l-imberkin seba’ minuti. Ġibtha żewġ.
Darba sibt ruħi fin-nofs. Kienet ġejja l-elezzjoni ta’ l-1992. Konferenza Stampa tal-Prim Ministru Fenech Adami, l-aħħar waħda fis-sensiela. Kont qed naraha d-dar ma’ marti. Min deher għall-Orizzont jew għat-Torċa staqsa waħda dwar id-djar daqsxejn below the belt. It-tweġiba kienet qawwija: “Hawn xi ħadd f’dan il-pajjiż li jiddubita mill-onestà ta’ Joe Cassar?”
L-għada sħabi qaluli: “Lilek biss iddefenda.” Mur għidilhom li 21 sena qabel kont sraqt posters tal-kandidat Fenech Adami biex għamilt ir-ritratt tiegħi fuq tiegħu.
Kitba mżewqa. Il-valuri sisien biex jinbena l-ideal, ir-resqa lejh, dejjem qrib, il-wasla qatt. Il-ħidma tal-bniedem li huma kollha xorta, imma żgur li jridu jkunu xorta, jemmnu x’jemmnu, jaħsbu x’jaħsbu. Ħadd m’għandu jitwarrab. Ħafif il-kliem. Iebes it-twettiq. L-għażla tal-qasam fejn isir id-dris.
Se nieqaf għax qed iħabbat il-bieb. Ġabuli d-dokument għall-votazzjoni. Inrodd ħajr lil Frar li qed jgħini f’dawn il-kitbiet, fost bard u xita. Il-qawl mhux hekk: “Frar kull ħaxixa bl-inwar, jekk ma toħroġx ix-xemx filgħodu, toħroġ wara nofsinhar”.
Daqt jgħaddi dan it-tieni xahar. Ma nafx kif ġie n-numru tiegħu.

Intervista
Il-libertà u s-serħan tal-moħħ

Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici



Il Punt
Koalizzjoni
Arnold Cassola




Emmanuel Micallef
X'qed jaqra l-polz??!


Carmelo Mifsud Bonnici

Iċ-ċavetta li biddlet lil dan il-pajjiż



X'kien Jgħid
Viljakkeriji



Wenzu Mintoff
Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan