Aħbarijiet | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69
Din il-ġimgħa Sabrina Agius marret l-Università ta’ Malta biex tħoss il-polz ta’ l-istudenti dwar il-kampanja elettorali
Wara l-agħa li nqala’ din il-ġimgħa meta l-erba’ kapijiet tal-partiti politiċi kienu mistiedna għal dibattitu fl-Università ta’ Malta, lil hinn mill-istorbju ridt nara x’jaħsbu l-istudenti fuq il-proposti ewlenin li qed jagħmlu l-partiti.
Ikolli ngħid li għall-kuntrarju ta’ dak li ħsibt ma tantx iltqajt ma’ studenti li kienu lesti jagħtu l-opinjoni tagħhom.
Nidħol il-canteen ta’ l-Università. Studenti Maltin nilmaħ bil-waħdiet. Ninnota ġuvni bilqiegħda waħdu u mort fuqu mill-ewwel.
Nistaqsih direttament x’jaħseb dwar il-kampanja elettorali. Ir-risposta ta’ Manuel Vella ta’ 25 sena kienet sempliċi: “Jien naraha bħala kampanja elettorali, full stop.”
Nistaqsih biex jelabora. Fil-fehma tiegħu l-politika hi kollha l-istess.
“L-iktar li qed iżżommni ’l bogħod hi l-attitudni tagħhom. Kultant nitħassar lil dawk li jemmnuhom. Xi kultant inħoss li mhemmx ġenwinità mill-politiċi,” jistqarr Manuel. Nistaqsih jikkunsidrax jivvota lil Azzjoni Nazzjonali bħala l-iktar partit ġdid fosthom iżda fil-fehma tiegħu ma jħossuhomx ippreparati għall-elezzjoni.
Nilmaħ ġuvni ieħor jilgħab logħba tal-karozzi fuq il-laptop. Nistaqsih x’inhuma ħsibijietu dwar il-kampanja elettorali. Bi ftit vuċi mistħija jlissen: “Kollha għandhom ideat differenti. L-AN il-ħin kollu jitkellmu fuq l-immigranti u dawk mhux l-unika problema li għandu l-pajjiż. Inħoss li l-MLP u l-PN jolqtu iktar suġġetti għall-pajjiż.”
Nara x’jaħseb dwar ir-riforma tal-MEPA. Skond Kenneth “kien hemm xi taħwid jew korruzzjoni għalhekk jagħmel tajjeb joħodha taħt idejh Gonzi forsi l-affarijiet imorru għall-aħjar.”
Jgħidli wkoll li ma jaqbilx mal-proposta tas-sahra ta’ l-MLP għax “iddaħħal inqas flus, għallinqas minn kif ikkalkulajtha jien.”
Niltaqa’ wkoll ma’ Michael Debono ta’ 19-il sena, student ta’ l-IT. Jibda jirrakkuntali kif qed jara l-branding u r-reklamar tal-partiti.
“Il-PN, kif għamlu r-riklami qed isemmu lill-oħrajn, iktar qishom qed jenfasizzaw fuqhom milli fuq il-proposti tagħhom stess. Bħala branding tal-kampanja tal-PN tajba. Tal-Labour ftit inqas. Anki bħala dehra tal-manifest, tal-PN aħjar. Ta’ l-oħrajn, inklużi l-AD u l-AN, qisu ta’ kafkaf, ejja ħa mmorru,” jgħidli Michael.
Mil-lat ta’ proposti Michael isostni li t-tnejn għandhom punti tajbin, anki l-AD u l-AN. “Jekk imbagħad se nitkellmu fuq stipendji t-tnejn għandhom tagħhom,” isostni.
Nara jekk kienx wieħed mill-istudenti li ipparteċipa waqt id-dibattitu fl-Università. Iżda jgħidli: “Jien barra kont. Naħseb li l-Labour għamlu għaġeb wisq.”
Fuq is-suġgett, Maria, ħabiba ta’ Michael, ukoll kellha xi tgħid. “Tistenna naqra iktar edukazzjoni imma jekk tkun irrabjat għal xi ħaġa imbagħad trid issemma leħnek. U naħseb hekk kienu qed jagħmlu dawk iż-żgħażagħ.”
Maria tisħaq: “Tara kemm qabel kienu jżommu ma’ li jgħidu. Mill-ħażin u l-eħżen tagħżel il-ħazin. Imma trid tagħti każ il-futur.”
Maria u Michael jaqblu mal-proposta tal-PN biex jitħaffew it-tax bands u ma jaqblux mal-proposta tal-MLP biex ma jintaxxax is-sahra. “Ma tantx tagħmel sens,” jgħiduli.
Ma tridx tkun għaref biex tinduna li l-alma mater hi iktar inklinata lejn il-PN. Imma mill-ftit ħin li għamilt fil-canteen indunajt ukoll li teżisti ħafna apatija politika. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici
Il Punt
Arnold Cassola
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|