Aħbarijiet | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69
Julia Farrugia tagħmel ġurnata tiġri ma’ Charles Mangion
Li tqum fis-6 ta’ filgħodu u tagħmel ġirja ta’ xi tliet mili żgur mhux l-ideali meta tkun ilek imsaddad mill-ġiri għal aktar minn xahrejn. Imma la ftehimna li se nagħmlu ġurnata miegħu biex ngħixu l-ħajja ta’ kandidat fl-eqqel tal-kampanja elettorali kont rassenjatha għaliha. Sakemm tard bil-lejl daħlet telefonata u qaluli: “Charles Mangion għandu griżmejh juġgħuh u l-ġirja se nwaqqgħuha.”
Kull deni ħudu b’ġid, jew aħjar ġiet waħda tajba.
Anke jekk b’għajnejja mpexpxa fl-għodwa tal-għada nistenbħu fl-uffiċju tan-nutar f’Ħal Luqa u l-ġirja se tkun differenti: għall-voti.
Mas-7 ta’ filgħodu n-nies ikunu diġà fil-kju biex jaraw lid-deputat. F’ħakka t’għajn, f’kamra oħra, voluntiera li qed jgħinuh fil-kampanja elettorali jispjegawli s-sistema kif taħdem.
“B’kollox għandna tim ta’ 300 voluntier u kulħadd għandu x-xogħol speċifiku tiegħu.
“Apparti dan għandna tliet uffiċini oħra: wieħed f’Ħal Farruġ, ieħor f’Ħal Qormi u ieħor is-Siġġiewi. Kull uffiċċju għandu kap li jikkoordina x-xogħol. Minn kull uffiċċju jsir xogħol importanti ta’ kuntatt man-nies. Il-kunċett jissejjaħ telephone banking. Għamilna studju biex insiru nafu min huma l-persuni li se jivvutaw għall-ewwel darba. Dawn huma fost il-persuni milħuqa bit-telefon.”
Wara kull telefonata timtela formola għal ta’ l-apposta li fiha jitniżżlu l-ilmenti u l-problemi li jkunu segwiti minn persuni oħra fuq dan ix-xogħol.
Meta tissolva l-problema ssir telefonata biex tinforma lill-persuna milquta.
Fil-kamra titfaċċa Carmen, il-mara ta’ Charles, li għall-ewwel darba qed jinvolvuha daqshekk bil-kbir fil-kampanja elettorali. B’xagħar dehbi u għajnejn koħol il-mara hi mżejna b’xi ħaġa oħra naturali: taf tmur man-nies u din l-għodda qed jużawha sew.
Għal kull ġurnata lil Carmen fasslulha programm ta’ attivitajiet li saħansitra jinkludi d-door-to-door li xi minn daqqiet tagħmlu waħedha u f’waqtiet oħra flimkien ma’ żewġha.
“Għall-ewwel kont ftit hekk. Imma qed nieħu gost. Hi xi ħaġa sabiħa għax tibda tifhem minn xiex jgħaddi r-raġel. Fid-door-to-door kien hemm min staqsieni jekk hux se noħroġ jien ukoll għall-elezzjoni,” tistqarr Carmen.
“Imma l-aktar li laqatni hu li tħoss il-weġgħat tan-nies. L-għoli tal-ħajja u l-waiting lists twal fl-isptar Mater Dei huma l-aktar problemi li qed niltaqa’ magħhom,” tgħid il-mara.
Imbagħad fil-kamra jidħol Charles Mangion. Fuq mejda ta’ l-injam jifirxu mappa enormi. B’kulur jgħajjat hemm immarkat it-toroq li minn xhur ilu n-nutar diġà lestihom mid-door-to-door. Dalgħodu dritt għal dak li fl-antik f’Ħal Qormi kien magħruf bħala Sqaq il-Voti.
Fit-tieni bieb li jħabbat nibqa’ barra imma minn wara l-ħasira nisma’ lil Charles jispjega, “Le mhemmx repeater class.”
L-aġġettivi kkuluriti ta’ din il-mara tad-dar fuq l-avversarji politiċi ma jonqsux. “Giddibin” tintuża mill-inqas sitt darbiet.
Għad-door-to-door trid l-istamina.
F’dar oħra nistħajjilna f’xi ħtif ta’ ajruplan. Mara tpoġġini fuq magħqad tal-ħabel. Trid bilfors tagħtini t-tuffieħ ta’ Belludja. Tiftaħ armarju u minnu toħroġ salt pilloli.
Minn taħt l-għajn nara lil Charles Mangion jomgħod iċ-chewing gum. Joħroġ formola mill-but u jibda jniżżel lista ta’ problemi li qed tiltaqa’ magħhom din il-mara.
Għaxar minuti oħra Charles Mangion mgħajjat għal Konferenza Stampa ma’ Alfred Sant quddiem l-Awtorità tad-Djar.Lura fil-karozza hu l-uniku ħin fejn nista’ nżellaq ftit mistoqsijiet. Mill-ewwel idoqqlu t-telefon ċellulari. Jinstema’ jsemmi l-kelma DNA. Wara li jaqta’ jgħidilna: “Kemm ħadu għalihom tad-DNA, Nazzjonalist ħabib tiegħi dan,” qal mis-seat ta’ quddiem Mangion.
Nistaqsieh jekk dan kienx kumment taħt iċ-ċintorin.
“Il-kumment tiegħi fuq ‘id-DNA tan-Nazzjonalisti’ kien wieħed f’kuntest politiku u mhux personali. Meta għamilt dan il-kumment kont qed nispjega kif il-PN storikament u anki llum, dejjem kienu kontra r-riformi soċjali introdotti minn Gvernijiet Laburisti. Min-naħa tiegħi ma kelli l-ebda intenzjoni li noffendi lil xi ħadd personalment, u jiddispjaċini jekk seta’ kien hemm min ħassu offiż. F’27 sena li ilni fil-politika qatt m’għamilt dan u mhux se nagħmlu issa.
“Huwa importanti li d-diverġenzi politiċi bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista jkunu ċari. Dan jgħin biex l-elettorat jagħmel għażliet ċari u deċiżivi. Bħal pereżempju l-Partit Laburista jrid jitfa’ flus fil-bwiet tal-familji. GonziPN ma jaqbilx. Il-poplu għandu għażliet ċari.”
U dwar il-kwistjoni tas-sahra. Żelqa fin-niexef tiegħek? Lapsus? X’ġara eżatt?
“Wara l-pubblikazzjoni ta’ l-intervista iċċarajt il-misinterpretazzjoni tal-proposta tal-Partit Laburista li twiegħed li l-income tax jitneħħa minn fuq l-overtime. Il-proposta hi ċara li l-overtime jibqa’ jitħallas skond is-sistema eżistenti u l-collective agreements attwali. Se jneħħu t-taxxa minn fuq l-overtime. Din il-miżura tinċentiva x-xogħol mingħajr ma taffettwa ħażin il-kompetittività.”
Meta tajt ir-riżenja minn Ministru Laburista kont imġiegħel?
“Le, ħadd ma ġegħilni nirriżenja. Irriżenjajt għax kont, u għadni, nemmen li kull Ministru għandu jkun responsabbli għad-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-Ministeru tiegħu. Din hi l-kontabbiltà fil-politika. Kburi bid-deċiżjoni li ħadt.”
Naslu għall-konferenza stampa. Wara dritt għall-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista. Charles jispjega li f’kampanja elettorali t-tmexxja tiltaqa’ minn ta’ l-inqas darba kuljum.
Nistenna barra u l-uniku ħin li nista’ nnaqqar xi ħaġa.
X’ħin ilesti nitilgħu fl-uffiċċju tas-Siġġiewi. Fost in-nies li qed jgħinuh f’din il-kampanja elettorali hemm Bertu Pace, eks kandidat Laburista.
“Mill-1981 l-ewwel darba li mhux se nivvota lil Bertu,” jispjega b’daħka l-eks kandidat li issa hu l-area manager ta’ Mangion.
Charles ipoġġi bil-qiegħda u jagħmel 30 minuti telephone banking.
Wara joħduni riħ għal Ħal Farruġ għad-door to door mal-mara ta’ Mangion.
Titkellem dwar id-dedikazzjoni ta’ żewġha. Is-Sibtijiet ma jdaħħal xejn mill-4pm ’il quddiem biex ikun jista’ jżur lill-ġenituri anzjani tiegħu u wara jibqa’ sejjer il-quddies.
Fit-triq kesħa xxoqq l-għadam. Carmen flimkien ma’ grupp ta’ persuni tħabbat bieb bieb u tieħu nota tal-problemi li tiltaqa’ magħhom. Toħodna l-uffiċċju u tagħmel round telefonati u mbagħad tinġabar id-dar mat-tliet uliedha.
Għalina aktar xogħol. Lura Ħal Qormi fejn Charles Mangion qed jiltaqa’ ma’ aktar nies. Aktar turġien, aktar problemi u aktar telefonati.
Fil-ħamsa mbagħad media meeting mal-konsulent tiegħu. F’din il-laqgħa jitfasslu n-noti tad-diskorsi li jkun se jagħmel. Lawrence Gonzi kien għadu kemm ħabbar li se jagħti ħames bozoz u Charles jagħmel nota biex iżellaq kumment fuq dan.
Minn Ħal Qormi ġirja għall-Ħamrun fejn hemm tistennieh il-coach fit-Triq għall-Bidla.
Malli npoġġi bilqiegħda nħoss għejja kbira taħkimni. Mangion jaqbel li l-uniku waqfa għalih.
“Veru. L-uniku ħin fejn nista’ naqsam ċajta ma’ sħabi u nirrilassa ftit.”
Fit-triq minn ħin għall-ieħor ifaqqgħu ċ-ċajt. Jekk xejn il-coach terapija tajba.
Naslu r-Rabat u Charles jagħmel id-diskors tiegħu. Il-ġurnata għalija spiċċat. Imma għall-kandidat ikun fadlilha anke wara l-10pm. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici
Il Punt
Arnold Cassola
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|