Aħbarijiet | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69
Kurt Sansone
ksansone@mediatoday.com.mt
Il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista approvat il-ġimgħa l-oħra ma jħalli l-ebda dubju dwar l-għeruq konservattivi tal-partit.
Minkejja li fil-Konferenza Ġenerali tal-PN li saret f’Ġunju tas-sena l-oħra kien hemm workshop li fost l-oħrajn iddiskuta l-problemi ta’ familji mhux tradizzjonali, fil-programm elettorali m’hemm l-ebda proposta biex dawn ir-relazzjonijiet ikunu regolarizzati b’xi mod.
Il-Prim Ministru kien skorrett meta nhar it-Tlieta li għadda implika li ġurnalista ta’ illum ma qratx il-programm elettorali sew għax skond hu l-koppji li jikkoabitaw ukoll issemmew fost it-353 proposta. Gonzi kien qed iwieġeb mistqosija fuq din il-materja waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fuq TVM bħala parti mill-iskeda ta’ xandiriet politiċi organizzati mill-Awtorità tax-Xandir.
Jidher li anki l-Azzjoni Nazzjonali bil-kutrumbajsa li għamlet dwar ir-rikonoxximent ta’ koppji gay hi aktar progressiva fil-ħsibijiet tagħha mill-PN.
F’manifest bi 72 paġna u bi 353 proposta, il-PN ma indirizzax il-problemi ta’ koppji li qed jikkoabitaw inkluż persuni gay li jgħixu taħt saqaf wieħed, u d-diffikultajiet tat-tfal li jitwieldu f’dawn ir-relazzjonijiet mhux tradizzjonali.
Minkejja li fil-workshop ta’ Ġunju aktar minn nofs il-ħin tad-diskussjoni kien dedikat biex tingħata tifsira ta’ x’inhi l-familja, jidher li l-konklużjonijiet baqgħu fuq l-ixkaffa.
Il-workshop, li kien tmexxa minn Claudette Pace, kien irrikonoxxa li fis-soċjetà jeżistu forom differenti ta’ familji li jinkludu koppji gay u rġiel u nisa li jikkoabitaw. Ir-rapport kien anki ikkonkluda li dawn ir-relazzjonijiet jeħtieġu rikonoxximent u appoġġ.
Id-diskussjoni mqanqla fil-workshop kienet anki riflessa fir-rapport finali li kien ippreżentat lill-Kunsill Ġenerali, bir-rapporteur Charlò Bonnici jagħti l-eżempji tal-forom differenti ta’ familja.
“Hemm diversi forom oħra ta’ sħubija bejn tnejn min-nies, raġel ma’ raġel, mara ma’ mara, u raġel ma’ mara mhux miżżewġin imma li jgħixu flimkien li b’xi mod qed jagħtu l-impressjoni li m’għadekx tista’ tiddefinixxi familja,” sostna Bonnici.
Ir-rapport ma ħalla l-ebda dubju x’tifsira ta’ familja hi l-iktar għal qalb in-Nazzjonalisti: “F’dan il-workshop ġie stabbilit li biex wieħed verament ifassal politika bl-iskop li jsaħħaħ il-familja bilfors li wieħed irid ikun ċar x’nifhmu b’familja: raġel u mara miżżewġin li jiddeċiedu li jrabbu familja.”
Iżda kien enfasizzat ukoll li din id-definizzjoni ma tfissirx “li wieħed ma jirrikonoxxix realtajiet ġodda li daħlu fis-soċjetà tagħna li wkoll jeħtieġ li wieħed iħares lejhom u jagħti appoġġ lil min ikun fihom.”
Fil-manifest elettorali ta’ l-1998 il-PN kien wiegħed li jirrikonoxxi d-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni li jikkoabitaw. Dik il-wegħda qatt ma ġiet implimentata u jidher li se tibqa’ fuq l-ixkaffa anki fi Smart Malta tas-sena 2008. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici
Il Punt
Arnold Cassola
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|