Sports | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69
Ryan Fenech, ir-rivelazzjoni l-ġdida tal-futbol Malti. Il-kwalitajiet tiegħu qatt ma kienu f’diskussjoni iżda li minn daqshekk kmieni ta’ età daqshekk żgħira qed jagħmel dan is-suċċess bħal donnu ħasad lil kulħadd.
Huwa wieħed mill-plejers żgħażagħ li t-tim nazzjonali Malti għandu fuq xiex jistrieħ għas-snin li ġejjin. Ryan huwa wieħed mill-ħafna plejers li kiber fin-nursery ta’ Ħamrun Spartans. Ra lil dan il-klabb għaddej minn taqlib kbir u li llum sab saqajh mal-klassifika tal-kbar tal-futbol Malti.
F’din l-intervista Ryan ikellimni fuq dak li għadda minnu s’issa fil-karriera. Jgħidli x’jiftakar mit-tfulija tiegħu u kif iħares lejn il-klabb Ħamruniż, illum li huwa l-captain awtomatiku ta’ l-iskwadra meta ma jilgħabx Stefan Sultana.
Jirrakkuntali fuq dak li ssemma fuqu x-xahar li għadda dwar il-possibbilment trasferiment ma’ Valletta u jżid jgħid li ma kienx l-uniku klabb li għamel kuntatt miegħu. Jidher iddispjaċut meta għoġbu jgħidli dak li għadda minnu wara t-telfa kontra Pietà Hotspurs fil-bidu ta’ l-istaġun. Madankollu Ryan huwa determinat li jibqa’ ma’ Hamrun Spartans jekk il-klabb ikun f’pożizzjoni li jsaħħaħ l-iskwadra u jqis il-partita ta’ għada kontra Hibernians bħala l-iktar waħda kruċjali s’issa ta’ dan l-istaġun.
Iltqajna nhar it-Tnejn. Imgeżwer f’xi tliet flokkijiet u ġakketta tal-ġild Ryan deher li jbati sew mill-kesħa. Ikellimni.
“Għalkemm ħajti bdejtha fil-futbol xorta nipprova ngħixha normali bħal ħaddieħor. Nieħu pjaċir noħroġ u niddeverti ma’ sħabi. Filgħodu mmur għax-xogħol fil-bar tal-Luxol Grounds li għandi flimkien ma’ ħija. Nagħmel hemm sa xi s-1pm. Wara nofsinhar nistrieħ biex inkun ippreparat tajjeb għat-taħriġ ta’ filgħaxija.
“Jien bdejt nilgħab ta’ 6 snin mal-Mosta u ta’ 8 snin mort mal-Ħamrun. S’issa kuntent ħafna b’dak li rnexxieli nagħmel u nakkwista. Meta kont mal-Mosta kont għadni tifel u l-Ħamrun kien instrumentali ħafna f’ħajti. Hawnhekk rajt aktar serjetà u prefessjonalità. “Dan l-aħħar il-Kumitat għamel xogħol kbir u tranġat ħafna s-sitwazzjoni li konna fiha qabel. Il-Kumitat qed jaħdem ħafna u jekk Alla jrid għandna pjan li fi ftit żmien nibdew naħsbu għal xi unur. Ċert li se naslu.”
Nitkellmu fuq dan il-kampjonat. Ryan konxju li jinsabu f’din il-pożizzjoni minħabba partiti kontra Pietà Hotspurs u Msida St. Joseph li fihom baqgħu b’idejhom vojta. Issa kollox jiddependi mil-logħba ta’ għada kontra Hibernians.
“Kontra Msida u Pietà kienu punti li kulħadd stenna li nġibuhom u allura bilfors li kien hemm ċertu dispjaċir u diżappunt. Fadal il-logħba ta’ llum li tista’ tiswiena staġun. Veru hija kurjuża li rbaħna darbtejn lil Marsaxlokk imbagħad tlifna ma’ Msida u Pietà. Kontra dawn it-tnejn hemm aktar pika u għalhekk daħlet ċerta pressjoni żejda u għalxejn li rridu nirbħu akkost ta’ kollox.
“Il-logħba kontra Hibs qed inħarsu lejha bħal kull logħba oħra. Għandna żewġ riżultati favurina. Jekk inkunu fl-aqwa tagħna kif konna kontra Floriana mhux se nfallu żgur. “Naħseb li Hibernians huma fost l-aqwa timijiet f’Malta u sinċerament ma nistax nifhem kif jinsabu f’din il-pożizzjoni. Hija sfortuna li ġejna decider kontriehom bejn min imur fiċ-Championship Pool. Ġralna eżatt bħal sentejn ilu. Dak inhar kienet kontra Msida.
“Kontra Floriana kien hemm il-partitarji ta’ vera li ta’ l-inqas flok jgħajruna bdew jinkoraġġuna. Nappella biex kontra Hibs kulħadd jiġi bi ħġaru. Għandna bżonn l-appoġġ ta’ kulħadd.”
Ryan Fenech twieled fl-20 ta’ April 1986. Iben Manuel u Marisa u huwa t-tieni minn tliet aħwa. Ħuh il-kbir jismu Robert u għandu 23 sena u ż-żgħir jismu Roderick u għandu 20 sena li huwa wkoll pedina importanti fl-iskwadra Ħamruniża. Ryan għarus lil Elicia Bartolo minn San Gwann.
Anki jekk għadda minn maltempati kbar, Ħamrun Spartans baqa’ wieħed mill-aktar klabbs popolari f’pajjiżna. Ryan konxju li l-partitarji Ħamruniżi jridu din il-partita akkost ta’ kollox.
“Il-partitarji ta’ Ħarmun bħal ta’ kulħadd. Meta tkun fl-aqwa tiegħek jagħmluk idolu imma meta titlef jew toħroġlok logħba ħażina taqla’ fuq wiċċek. Dik tistenniha imma m’għandix dubju li l-klabb ta’ l-Ispartans għandu fost l-aqwa partitarji fil-pajjiż. Kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu l-għala nitilfu logħba jew nilagħbu ħażin. Nemmen li dan l-istaġun kien tajjeb ħafna. Ma rridux ninsew li għadna tilgħin mill-Ewwel Diviżjoni.”
Ix-xahar li għadda ġriet id-diċerija li Valletta kienu interessati f’dan iż-żagħżugħ. Nistaqi dan kollu lil Ryan hux veru u jżid aktar minn hekk.
“Iva, vera. Imma issa waqaf kollox. Fadalli sentejn oħra kuntratt mal-Ħamrun u x’se jsir ’il quddiem wieħed għad irid jiddiskuti. Veru li kien hemm l-avviċinament minn Valletta u ftit jiem wara anki Sliema Wanderers. Riedu jiltaqgħu miegħi biex ikellmuni kif jiġri normali bejn klabb u plejer. Jien għidtlu biex jikteb lill-klabb u minn hemm ma dħaltx aktar jien personali. Kif forsi smajt hu jridni f’Ġunju li ġej. Jien kuntent mal-Ħamrun. Jekk titranġa aktar is-sitwazzjoni u nissudaw aktar ma narax għalfejn għandi niċċaqlaq minn hawn. Jekk il-Ħamrun tidħlilhom offerta li ma jkunux jistgħu jirrifjutawha lest ninnegozja. Żgur li mal-Belt mhux se mmur kontra qalbi. Fil-Belt nammira n-nies u l-għajta li għandhom.
“Kelli kuntatti ma’ Sliema wkoll imma l-Belt kienu xi ftit aktar konvinti. Ma’ Sliema kien fl-istess perjodu wkoll. Sliema kellmuni eżatt wara l-Belt. Jien lil ħadd ma ngħid ‘le’.”
Ryan ikellimni fuq it-tim nazzjonali. Jirrakkuntali ż-żmien li kellu fit-tim ta’ taħt il-21 sena u l-għajta li kellu fit-tim nazzjonali tal-kbar.
“Iż-żmien li kelli ma’ l-Under 21 kien pożittiv ħafna. Miller qalli biex nibda nitħarreġ mal-kbar tliet ġimgħat qabel it-tournament internazzjonali. Hemm differenza kbira mit-tim tal-kbar għall-kumplament. Hemm livell ħafna aktar għoli. Il-futbol hu aktar veloċi u trid tkun serju l-ħin kollu inkella t-tim nazzjonali mhux postok.
“Dusan Fitzel kowċ tajjeb u bravu ħafna. Huwa bniedem li jġib ruħu sew ma’ kulħadd u m’hemmx ismijiet. Min ikun fil-forma se jilgħab. Se tkun iebsa imma se nagħmel minn kollox biex nikkonvinċih iħallini fl-iskwadra għall-partiti tal-grupp li ġejjin. Jekk ma nilgħabx nixtieq li ta’ l-inqas inkun mat-tim. Il-ħolma ta’ kull plejer Malti hi li jilbes il-flokk tat-tim nazzjonali.”
Nitolbu l-opinjoni tiegħu ukoll fuq il-kowċ Ħamruniż Marco Gerada.
“Marco Gerada kien importanti ħafna fil-karriera tiegħi. Kien il-bniedem li introduċieni bħala plejer ta’ nofs il-grawnd. Nemmen li kien il-bniedem, apparti Mark Miller, li ħariġli l-aqwa tiegħi. Fil-bidu ta’ l-istaġun kont preparat li nagħmel xi ħaġa iżjed mis-sentejn ta’ qabel meta konna Premier. Għamiltha ma’ nies bħal Stefan Sultana u Marco Grech li għenuni ħafna u qatt ma qatgħuli qalbi.”
Wieħed jista’ jgħid li l-familja Fenech hija midħla sew tal-Ħamrun Spartans. Minbarra li missieru Manuel huwa membru attwali fil-Kumitat, Ryan għandu wkoll lil ħuh Roderick li jilbes il-flokk aħmar u iswed. Ikellimni fuqhom it-tnejn.
“Roderick għamel qabża kbira f’dawn l-aħħar snin. Ma’ Marinov ukoll wera logħob tajjeb u din is-sena qed ikompli fuq dak li għamel is-sena l-oħra. Għalina huwa pedina importanti. L-għajnuna li hemm il-Ħamrun japprezzaha kulħadd. Aħna ż-żgħar li tlajna flimkien għamilna kuraġġ kbir mal-veterani. Il-vantaġġ tagħna hu li aħna kollha Ħamruniżi li kbirna flimkien.
“Missieri kien influwentiu ħafna fid-deċiżjonijiet li ħadt f’ħajti. Minbarra missieri kien hemm dejjem ommi wkoll. Imma missieri kien strumentali ħafna anki fil-ħidma tiegħu lejn il-Ħamrun. Kultant hija ftit kontrik li jkollok lil missierek fil-Kumitat għax jgħidu li qed tilgħab bis-saħħa tiegħu. Imma llum din għaddiet ukoll.”
Nistaqsih x’inhi l-iktar ħaġa li ddejqu u tagħtih fastidju fil-futbol Malti. Ma jaħsibhiex darbtejn biex jitkellem.
“Meta nitilfu l-partitarji jparlaw u min jgħid kelma u min jgħid oħra. Dawk inqishom mumenti kollha negattivi tal-karriera. Fil-futbol Malti jdejjaqni ħafna l-għajdut li għax toħroġlok logħba ħażina dak hekk u l-ieħor hekk. Kulħadd jallega korruzzjoni u ħadd ma jipprovaha.
“Trid tkun fil-grawnd biex tkun tista’ titkellem u mhux biss spettatur jew saħansitra bniedem li ma titlax il-grawnd. In-nies idaħħlu ħafna dubji meta tiġik logħba ħażina. Li għadna tilgħin mill-Ewwel Diviżjoni u għamilna għaxar logħbiet ma nitilfux ma jgħidha ħadd. Għandi d-dubji kemm fl-istorja kien hawn timijiet li telgħu diviżjoni u għamlu għaxar logħbiet wara xulxin mhux megħluba.
“F’Malta jsir ħafna kliem imma meta jiġu għal fatti ħadd ma jressaq il-provi. Jien darba ġratli wkoll meta dan l-istaġun tlifna kontra Pietà Hotspurs. Tellgħuni kumitat għax issuspettaw fija imma l-provi ma waslu qatt. Kont lest nitla’ anki l-qorti. Ma kontx waħdi. Kien hemm aktar plejers imma ovvja li mhux se nsemmi lil ħaddieħor. Kieku jien nemmen li teżisti l-korruzjoni ma nilgħabx aktar futbol.”
Lil Ryan nistaqsih x’inhi l-ħolma l-aktar importanti tal-futur tiegħu.
“Noħlom ħafna li Ħamrun jieħdu l-kampjonat. Iżda trid tkun realistiku u tammetti li m’aħniex dik l-iskwadra li nistgħu nlaħħqu ma’ ta’ fuq. Jien nemmen ħafna f’dak li jgħid il-Kumitat li fi żmien tliet snin inkunu tim li nistgħu nirbħu xi unur. Il-ħsibijiet ta’ dan l-istaġun huma diġà li nirbħu t-trophy. Ix-xewqa tiegħi ta’ meta kont żgħir kienet li nirbaħ il-kampjonat mal-Ħamrun. U llum dik l-istess xewqa għadha hemm.
“L-isbaħ mument s’issa fil-karriera tiegħi kien meta ħadt il-most promising plejer ta’ taħt it-18-il sena. Oħra kienet meta salvajna kontra l-Marsa.U l-aktar waħda li ma ninsa qatt kien meta skurjajt l-ewwel darba fid-debutt tiegħi fil-Premier. Kien il-5 ta’ April 2003. Iddebuutajt kontra Marsa u skurjajt. Iżda l-isbaħ gowl li qatt għamilt naħseb li kien il-freekick kontra Marsaxlokk, dan ta’ ftit ġimgħat ilu. L-ikbar sodisfazzjon għalija kien li qatt ma stennejt li se jkolli l-livell neċessarju biex nilgħab Premier. Iktar minn hekk li jien il-captain tal-Ħamrun wara Stefan hija xi ħaġa kbira għalija.”
Nistaqsih liema huma l-aktar plejers li jsibu tajjeb magħhom u jammira f’ħajtu.
“Diffiċli ngħidlek min hu l-aktar plejer li nsibni tajjeb miegħu għax kollha twelidna u trabbejna flimkien. Iżda jekk ikollu ngħidlek tnejn bilfors insemmilek lil Steve Meilak u Gaetan Spiteri. Minbarra li ħbieb kbar naqblu ħafna fil-grawnd.
“Iżda m’għandiex problemi biex ngħidlek li l-aktar plejer Malti ta’ bħalissa li nammira huwa Stefan Sultana. Dejjem jipprova jgħin lil kulħadd u umli ħafna. Imbagħad jekk inkellmek fuq l-aqwa ta’ kull żmien indur fuq Raymond Vella u Michael Degiorgio. Mhux se ngħidlek il-għala. Kulma trid hu li tara l-filmati tagħhom u jkollok ir-risposta.”
Sakemm inqumu u nibdew mexjien lejn il-karozzi rispettivi Ryan ikellimni fuq il-Juventus. Jgħidli li baqa’ impressjonat kif it-tim ta’ qalbu qed jagħmel daqshekk tajjeb. Kuntent li ġew pajjiżna u li ltaqa’ u tkellem ma’ Gigi Buffon. Jgħidli li baqa’ jittama li jiltaqa’ ma’ l-idolu ta’ ħajtu, Alessandro Del Piero imma ma rnexxilux. Għal darb’oħra… |
|
Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici
Il Punt
Arnold Cassola
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|