Carmelo Mifsud Bonnici | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69 Iċ-ċavetta li biddlet lil dan il-pajjiż 1. L-għadu veru ta’ kull soċjetà li trid timxi ’l quddiem mhu ħadd iktar ħlief l-injoranza. Il-misħuta injoranza hi l-bhima li jirkbu fuqha l-vjolenza, l-abbuż tal-poter, il-kontroll ta’ l-imħuħ, il-qtil ta’ l-ispirtu uman u l-arroganza. Din tista’ tirbaħha b’żewġ proċessi determinanti. L-ewwel hi sistema edukattiva li tassigura l-preżenza ta’ l-akkademja li tiggarantixxi li kull membru fis-soċjetà jifhem li għandu l-bżonn li jitgħallem. It-tieni hi sistema effettiva ta’ informazzjoni, waħda li tipprovdi liċ-ċittadini ta’ dawn il-gżejjer il-fatti biex ikunu f’pożizzjoni ċara li jifhmu x’qed jiġri tassew. Sistema li tifforma l-bniedem. 2. Fuq din it-triq, tul dawn is-snin, saret ħidma determinanti minn diversi leġislaturi mmexxija minn Gvernijiet Nazzjonalisti biex il-‘wirt’ li kien ħalla ‘il-partit tas-Soċjaliżmu perfett’ jiġi retifikat. Is-setturi kollha ta’ l-edukazzjoni ngħataw nifs ġdid. Saret bidla ta’ taħt fuq, waħda li reġgħet bdiet tagħti importanza lill-iskejjel, lill-għalliema u lill-istudenti. Mhemmx dubju li kien determinanti li l-istatus ta’ l-għalliema tela’ għal wieħed ta’ professjoni. Inbidlu l-iskejjel primarji, sekondarji u terzjarji b’mod li f’daqqa waħda l-poplu fehem li hu l-meritu u mhux il-ħbiberiji politiċi li jgħoddu. 3. Kien pass progressiv. Wieħed li jrid jidfen darba għal dejjem is-sistema li l-Laburiżmu kien daħħal. Dik li jiġu impjegati mal-Gvern, fil-Korp tal-Pulizija, mad-diversi korporazzjonijiet pubbliċi bħall-Enemalta, Telemalta, Malta Shipbuilding u Airmalta, nies li mhux skond kemm jafu, iżda lil min jafu. Ma kienx hemm bżonn li tkun mgħallem. Ridt turi dixxendenza u prova li int mal-Partit Laburista li tersaq viċin dik tan-nobbiltà. Aġir politiku żbaljat li biddel l-istampa tal-pajjiż. Tneħħiet il-ġustizzja u kull sens ta’ importanza tat-tagħlim. Bil-bidla u bidu ġdid li ġab il-Partit Nazzjonalista beda proċess li llum il-ġurnata għadna nieħdu frott minnu. Il-frott mhux limitat għal xi parti mis-soċjetà iżda miftuħ għal kulħadd. 4. Dak il-pedament bil-bidla fundamentali, loġika u ċara li tfasslet fl-Att dwar l-Edukazzjoni serva bħala l-ispina dorsali li ġabet bidla darba għal dejjem fil-kultura popolari fuq l-edukazzjoni. Illum, tidħol għand min tidħol jinfurmak li hu, jew uliedu jew in-neputijiet tiegħu komplew bl-iskola. Mhux biss, imma qiegħda fuq fomm ħafna li mingħajr edukazzjoni ma ssibx xogħol malajr. Dan hu preċiżament il-kontra ta’ esperjenzi governattivi fejn l-edukazzjoni kienet qalgħet daqqiet mortali. Mhux biss, imma kien hemm id-diskors kontinwu li m’għandekx bżonn tmur l-iskola għax hemm nies li huma għaqlin però ma marrux l-iskola u allura, billi l-edukazzjoni tieħu l-ħin, ma għandekx in-neċessità tagħha. 5. Il-poplu apprezza ħidmet dan il-Gvern u segwa. L-għan li tikber l-edukazzjoni popolari beda jintlaħaq. Kibru l-gradwati, kibru l-istudenti li daħlu fl-iskejjel sekondarji u ħarġu b’suċċess, tela’ l-livell tat-tagħlim u għandna poplu ferm iktar edukat milli qatt kellna. Is-suċċessi ta’ l-Università u l-MCAST ġejjin mid-diversi miżuri u sforzi li saru. Iż-żieda fl-istudenti ġiet proprju għax kibru l-korsijiet u l-Gvern assigura, b’miżura ta’ ġustizzja soċjali, li l-istudent ma jkunx ta’ piż fuq il-familja tiegħu u jieħu stipendju li jħallih għaddej indepentement mill-pożizzjoni finanzjarja tal-familja tiegħu. Niftakar il-baħħ universitarju ta’ żmieni meta l-fakultajiet skarsaw, l-istudenti dabu u kien hemm id tal-ħadid fejn l-istudent ma kellux drittijiet. Fortunatament illum hemm libertà li tixraq lill-Università u mhux biżgħat minn dak li jistgħu jagħmlulhom politiċi fil-kamp laburista. 6. Mhemmx dubju li proprju dan l-investiment fis-setturi kollha ta’ l-edukazzjoni servew u ġabu bidla kbira fost l-elettorat. Il-fatt li llum il-maġġoranza tal-votanti jaħsbu b’rashom u jgħarblu dak li jingħadilhom sew, hu riżultat ta’ dan kollu. Hu l-frott ta’ proċess kontinwu imma ċar li żidna l-infiq ta’ l-Istat fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mas-settur tat-tagħlim. Qed nonfqu ferm iktar milli qatt intefaq u dan għax l-edukazzjoni kienet, għadha u tibqa’ priorità nazzjonali għalina. Waħda li ma xxaħħaħniex magħha iżda sostnejnieha tajjeb. Il-biża’ tagħna għandha tkun li flok inkomplu nimxu ’l quddiem, nidħlu għal miżuri li jixħtuna lura, proprju għax mhumiex preparati tajjeb. Iċ-ċavetta tal-futur ta’ din is-soċjetà kienet u tibqa’ l-edukazzjoni. Irridu nieħdu ħsieb li ma tinkisrilniex. |
Intervista
|
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan