Emmanuel Micallef | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69
Il-kampanja elettorali issa daħlet f’fażi interessanti għax se tilħaq l-aqwa tagħha. Ħmistax oħra u l-verdett tal-poplu jkun magħruf. Il-poplu jeleġġi l-Gvern ġdid tiegħu għal ħames snin oħra. Iżda x’ġara s’issa matul din il-kampanja?
Jidher li bdejna fuq sieq tajba għaliex wara l-appell li għamlu l-mexxejja kollha tal-partiti politiċi biex kemm jista’ jkun din il-kampanja tinżamm fi klima kalma u trankwilla jidher li l-pubbliku irrisponda tajjeb ħafna għal din is-sejħa li kif nafu saret ukoll mill-ìsqfijiet ta’ pajjizna li s’issa dawn ukoll żammew lura milli jidħlu bejn il-basla u qoxritha ta’ kampanja elettorali.
Nittamaw li matul il-ġimagħtejn li ġejjin jibqa’ jirrenja dan is-sens komun u forsi wkoll niksru r-rekord ta’ kemm irnexxielna nagħmlu kampanja elettorali nadifa u organizzata mingħajr traċċi ta’ vjolenza, mibegħda u firda sfrenata fost il-poplu.
Ma jfissirx li mhux se jkollna xi inċidenti ’l hawn u ’l hinn għax minn banda nifhmu li meta l-qiegħa tibda tisħon it-temperament Mediterranju tagħna mhux lakemm jitrażżan u ma jafx ma jisbruffax. Diġà smajna b’xi każi ta’ nuqqas ta’ tolleranza waqt attivitajiet politiċi kemm ta’ naħa u kemm ta’ oħra.
Il-biċċa l-kbira ta’ l-elettorat iżda jridu li ż-żmien li baqa’ ta’ riflessjoni għandu jintuża biex ikunu miflijin bir-reqqa dak li qed joffrulna l-partiti fil-manifesti elettorali tagħhom, dak li qed iwiegħdu l-mexxejja, u ma jridux li l-kampanja elettorali tkun iddominata minn fatturi oħrajn li jservu ta’ aljenazzjoni jew diversiv mill-kwistjonijiet l-iktar importanti li rridu nevalwaw.
Fit-triq qed jingħad diskors fis-sens li jidher li l-Partit Laburista għadu l-favorit li jirbaħ l-elezzjoni li ġejja. Iżda mill-banda l-oħra l-Laburisti ma jistgħux iserrħu rashom li se jirbħu żgur għalkemm wieħed kien jistenna li wara daż-żmien kollu fl-oppożizzjoni, ħmistax qabel jum il-votazzjoni kien imisshom li għandhom moħħhom mistrieħ b’ċertezza minn rebħa.
Dan mhux il-każ għaliex minn meta nbdiet
il-kampanja elettorali l-Partit Nazzjonalista rnexxielu jirkupra ammont sostanzjali ta’ appoġġ li sa ftit
taż-żmien ilu ma kienx igawdi.
Kemm dan l-appoġġ għan-Nazzjonalisti qed jiżdied b’konfinzjoni għaliex il-PN qed joffri l-aħjar proposti hu dubjuż. Ħafna jaħsbu li huwa sforz l-izbalji jew gaffes li wettqu esponenti tal-MLP fid-diskorsi li għamlu matul il-kampanja li setghu nstigaw floating voters li jxaqilbu lejn in-Nazzjonalisti.
Pereżempju l-fatt li kien hemm ammissjoni mil-Laburisti li fil-manifest elettorali tagħhom kien hemm misprints ma niżlet tajjeb xejn ma’ l-elettorat. Kif ma niżlux tajjeb ċerti kitbiet dwar ir-rata tas-sahra u r-referenza għad-DNA tan-Nazzjonalisti – għalkemm dawn ġew irkuprati mil-Laburisti għax kulħadd jifhem li n-Nazzjonalisti ippruvaw ikabbru dawn l-kwistjonijiet b’eseġerazzjoni sproporzjonata.
Il-Laburisti jridu jkunu iktar konvinċenti meta jiġu biex jispjegaw il-mekkaniżmu ta’ kif se jitħaddmu uħud mill-proposti li qed iressqu. Il-floater jibda jiddubita jekk proposta titħabbar b’mod ġeneriku mbagħad l-ispecifiku tagħha jingħata bl-iskossi.
Hekk ġara fil-każ tas-soprataxxa fuq il-fuel ghalkemm illum in-nies li ikkonvinċew ruħhom minn din il-proposta hu ferm akbar milli kien fil-bidu tal-kampanja.
L-istess jista’ jingħad għall-proposta tar-reception class. In-Nazzjonalisti rnexxielhom isibu l-mod kif ibiċċru din il-proposta u jiksbu iktar kredibbiltà fit-teżi tagħhom li effettivament din tfisser klassi tar-repeaters.
Fir-realtà d-dijanjosi li għamel l-MLP dwar il-qasam edukattiv jimmeritah appoġġ u n-Nazzjonalisti, għalkemm ippruvaw, ma rnexxilhomx jirribattu dan iżda s-saħħa tagħhom urewha meta ikkritikaw is-soluzzjonijiet li qed joffri l-MLP. Hemm bżonn li fiż-żmien li baqa’ il-Laburisti jlaħħmu iktar il-proposta tagħhom.
In-Nazzjonalisti komplew iżidu fil-kuraġġ li jistgħu jerġgħu jagħmluha. L-inkwiet tagħhom gej minn żewġ fatturi. X’impatt se jħallu l-partiti ż-żgħar fuq il-votant floater u dak tradizzjonalment Nazzjonalista.
Jemmnu li l-floater x’aktarx fil-maġġoranza tiegħu jasal biex jagħti l-fiduċja tiegħu lill-PN imma l-ikbar “imma” li għandhom hi dwar x’se jagħmlu n-Nazzjonalisti tradizzjonali li huma diżappuntati għall-Gvern għal raġuni jew oħra. Dawn ma jaslu qatt biex jivvutaw għal-Labour tneħħi xi waħdiet.
Għalhekk il-biża’ tagħhom hi li dawn jivvutaw ghall-partiti ż-żgħar u b’hekk id-differenza tal-voti taț’l-ewwel preferenza bejn il-partiti l-kbar se tkompli tiċkien. Dan huwa riskju kbir għan-Nazzjonalisti u għalhekk rajna l-kontra offensiva tal-PN fuq l-Alternattiva Demokratika.
Barra minn hekk il-fatt li l-istrateġija Nazzjonalista hija bbażata fuq il-persuna u l-personalità ta’ Gonzi, ghalhekk gonzipn, dan pjuttost ikompli jurta iktar milli jiġbed lin-Nazzjonalisti li jgħożżu ż-żminijiet ta’ Fenech Adami ferm iktar mill-aħħar erba’ snin.
Iktar minn hekk, il-fatt li din l-istrateġija taħbi l-uċuh tal-Ministri li ħadmu ma’ Fenech Adami u Gonzi tkompli tagħti kredtu, sa ċertu punt, il-kampanja tal-Laburisti fuq il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u n-nuqqas tat-trasparenza fit-tmexxija.
Dan iwassal biex dawn il-votanti Nazzjonalisti jirraġunaw li “l-partit tagħna ma nafuhx hekk”. L-indikazzjoni ta’ dan l-inkwiet fil-PN joħroġ mill-fatt tal-kandidatura tal-Prim Ministru nnifsu fuq id-9 Distrett elettorali u l-lista twila ta’ kandidati tal-PN li se joħorġu fuq id-Distretti tradizzjonalment Nazzjonalisti.
L-ironija tal-kampanja elettorali hija li filwaqt li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar votanti se jaċċertaw ruħhom lil min se jagħtu l-vot, il-partiti se jinħakmu minn iktar inċertezza tar-riżultat finali. Dak li jgħid stħarriġ differenti, dak li jgħidu l-lagħba u d-dilettanti ta’ l-imħatri, dak li jistqarru l-partitarji akkaniti tal-partiti u minkejja l-folol ta’ nies li jattendu għall-attivitajiet tal-massa l-ebda partit mhu se jkun kunfidenti li l-miri tiegħu se jintlaħqu fit-8 ta’ Marzu.
Ikollna nistennew u naraw! |
|
Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici
Il Punt
Arnold Cassola
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|