MediaToday

Intervista | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69

Il-libertà u s-serħan tal-moħħ

Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici

Niltaqa’ ma’ Charlò Bonnici fid-dar tiegħu f’Ħ’Attard. Din se tkun l-ewwel darba li Bonnici se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali.
Jien u dieħel ninnota pjanu bil-ktieb tal-mużika miftuħ fuq il-kanzunetta ‘All good things come to an end’. Bejni u bejn ruħi nistaqsi jekk din hix xi twissija lill-Partit Nazzjonalista li wara 20 sena fil-poter issa t-tmun imiss jgħaddi f’idejn ħaddieħor.
Lil Bonnici m’intix se ssibu fit-tisliba enormi li tellgħu l-MLP bħala billboard bl-uċuħ tal-ministri Nazzjonalisti li skond huma għandhom id-dell tal-korruzzjoni jiġri warajhom.
Bonnici hu wieħed mill-uċuħ ġodda tal-PN anki jekk għal dawn l-aħħar ħames snin ħadem fis-segretarjat ta’ Louis Galea.
B’xeħta moderata u b’inklinazzjoni soċjali li tpoġġih fuq ix-xellug tal-PN, Bonnici l-ewwel ma resaq lejn il-partit kien fl-1987 meta ivvota għall-ewwel darba.
“Inħossni komdu fil-PN prinċipalment minħabba t-twemmin fil-libertà. L-ewwel darba li ivvutajt kien fl-1987 u dakinhar il-libertà kienet kwistjoni fundamentali. Il-PN dejjem ħadem favur il-libertà tal-għażla u l-libertà tal-kelma. Dejjem ta iktar poter liċ-ċittadin billi ħoloq strutturi li jagħtu s-saħħa lin-nies bħall-kunsilli lokali. Illum dawn l-affarijiet jittieħdu for granted.
“L-istess fil-qasam edukattiv. Jien għext iż-żmien iebes tat-Tmeninijiet u li kieku ma kienx għar-rieda tiegħi li nkompli nistudja kieku ma kontx nidħol fl-Università minħabba l-famużi 20 punt. F’dan il-qasam ukoll il-PN dejjem irrispetta l-għażla tal-ġenituri u qatt ma esperimenta kif għamel l-MLP,” jgħid Bonnici.
B’din id-dikjarazzjoni nifhem li t-Tmeninijiet kienu żminijiet ta’ formazzjoni politika għal dan il-kandidat. Iċ-ċirkustanzi mbuttawh lejn il-Partit Nazzjonalista. L-esperjenza ta’ Bonnici hi dik ta’ ġenerazzjoni li Lawrence Gonzi l-ħin kollu jsemmi bħala eżempju meta fid-diskorsi tiegħu jikkritika r-reception class proposta mill-MLP.
Tul dawn l-aħħar ħames snin Bonnici ħadem fil-qasam edukattiv fis-segretarjat tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni. Nistaqsih għalfejn din l-oppożizzjoni kollha għar-reception class li hi intiża biex ittejjeb il-livell edukattiv ta’ l-istudenti kmieni fil-ħajja tagħhom.
“M’aħniex kontra l-prinċipju li tissaħħaħ l-edukazzjoni tat-tfal fl-età bikrija. Imma l-MLP seta’ qal li se jsaħħaħ il-kindergarten. Il-proposta kif inhi timplika li l-istudenti kollha irrispettivament mill-ħiliet tagħhom se jkunu qed jirrepetu sena.
“Imma apparti l-kunsiderazzjonijiet ta’ flus, infrastruttura u l-bżonn ta’ iktar għalliema din il-proposta tfisser li dawk it-tfal li verament ikollhom għalfejn jirrepetu sena tul il-ħajja skolastika tagħhom se jispiċċaw l-iskola sekondarja ta’ 18-il sena,” isostni Bonnici.
Jgħid li l-pass li jmiss għall-Partit Nazzjonalista fl-edukazzjoni hu li jiffoka fuq l-edukazzjoni bikrija. “Għalhekk qed nitkellmu fuq xibka ta’ child care centres regolati b’ħaddiema mħarrġa kif suppost,” jispjega.
Nistaqsih għalfejn wara 20 sena fil-poter il-PN reġa’ ħaqqu l-fiduċja tan-nies. “Jekk wieħed iqis it-track record ta’ l-aħħar leġislatura tinduna li l-miri li poġġa l-Gvern intlaħqu. Ħafna mill-miri kienu marbuta ma’ l-ekonomija, primarjament biex inkunu nistgħu ndaħlu l-ewro. Il-mistoqsija hi: il-PN għad fadallu x’joffri?
“Naħseb li bit-353 proposta fil-manifest elettorali qed nuru li dan il-partit għad għandu l-ideat x’joffru lill-pajjiż. Bħalma qal il-Prim Ministru għad fadal il-pass li jmiss f’ħafna oqsma. Bħala partit poġġejna l-2015 bħala l-mira tagħna biex Malta ssir ċentru ta’ eċċellenza,” jgħid Bonnici.
Imma għal min se tkun ‘ċentru ta’ eċċellenza’ Malta? Għad hawn nies li joħorġu mill-iskola bilkemm jafu jaqraw u jiktbu. Għad hawn nies li jbatu l-faqar...
Iwaqqafni f’nofs kliem. “Irridu li pajjiżna jkun ċentru ta’ eċċellenza għal kulħadd.”
Bonnici jispjega li l-2015 hi mira imma jinsisti li l-PN mhux maqtugħ mir-realtà.
“Għad hawn problemi reali ta’ nies li rridu nieħdu ħsieb. Żgur li għad hawn ħafna nies li mhumiex sidien ta’ djarhom u għalhekk l-inċentivi li qed noffru ħalli jkunu jistgħu jixtru d-dar mingħajr piż żejjed. Għad hawn studenti li jiddeċiedu li ma jkomplux jistudjaw għax meta jaslu f’punt kruċjali f’ħajjithom jieħdu l-parir żbaljat. Għalhekk se nkunu qed ninvestu iktar fil-guidance u l-counselling biex l-istudenti jkollhom l-aħjar pariri possibbli fil-mumenti diffiċli.
“Għad fadal xi jsir imma nafu fejn irridu naslu għax għandna direzzjoni u l-manifest qed jagħtina l-għodda biex naslu. Imma nemmen ukoll li l-Partit Laburista, minkejja dawn is-snin kollha fl-Oppożizzjoni, għadu mhux imħejji biżżejjed biex jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh.”
Ma nistax ma nistaqsihx dwar GonziPN, l-istrateġija intiża biex tpoġġi lil Gonzi fuq quddiem, waħdu, qisu l-Gvern li jmiss jiddependi biss fuq il-mexxej.
“Hu fatt magħruf li Lawrence Gonzi jgawdi ferm iktar fiduċja f’għajnejn in-nies mill-avversarju dirett tiegħu. Kull partit politiku jaddotta l-istrateġija li jidhirlu li hi l-aħjar biex trebbħu. Imma Gonzi mhuwiex waħdu. La kien waħdu tul l-aħħar leġislatura għax kellu tim madwaru li ħadem ħafna u lanqas mhu waħdu issa.
“Jista’ jkun li hemm x’tikkritika f’uħud mill-elementi tat-tim li kellu madwaru imma b’mod ġenerali t-tim ġab ir-riżultati mixtieqa. Ovvjament, il-mexxej hu element importanti ħafna u n-nies trid tiddeċiedi dwar dan ukoll.”
Nistaqsih jekk Gonzi tilifx l-opportunità li jagħmel tibdila fil-kabinett wara li laħaq Prim Ministru u minħabba f’hekk kellu mażra ma’ saqajh.
“L-għażla tal-kabinett hi prerogattiva tal-Prim Ministru. Dehrlu li hekk kien l-aħjar li jagħmel. Imma l-Prim Ministru, bħal kull kowċ, diġà wissa’ li wara l-elezzjoni ħadd m’għandu siġġu garantit fil-Kabinett. L-ebda Beckham tat-tim m’għandu postu fiż-żgur,” jgħidli Bonnici.
Nistaqsih min jista’ jkun il-Beckham tat-tim u b’mod diplomatiku jgħidli li aħjar ma jgħidx.
“Id-demokrazija sabiħa għax il-poplu jista’ jagħżel mhux biss bejn partit jew ieħor imma wkoll bejn kandidati ta’ l-istess partit. Dik ukoll hi bidla,” jinsisti miegħi.
X’jistgħu jkunu l-kwistjonijiet li jrebbħu lill-PN?
“L-iktar ħaġa importanti għall-PN hi li joffri serħan il-moħħ. L-affarijiet għaddejjin mingħajr sulluzzu. L-MLP m’għandux direzzjoni ċara. Kien kontra d-dħul fl-UE u issa qed jaċċettaha b’nofs qalb. Konvint li l-MLP qatt m’aċċetta l-Ewropa b’mod sħiħ u dan jidher f’kull kitba u diskors li jagħmlu esponenti Laburisti li kull darba li jinqala xi għawġ ifakkru li huma kienu offrew triq differenti. Dan joħloq inċertezza bla bżonn.
“Partit politiku li ma jafx fejn irid jasal ifalli. F’kull qasam il-PN dejjem staqsa fejn irid jasal u ħaddem il-politika biex jilħaq dak l-għan. Din l-attitudni ma narahiex fl-MLP.
“Jgħidu li għandhom ‘Pjan għal Bidu Ġdid’ imma nistaqsi: għalfejn se nerġgħu nibdew mill-bidu? Dan joħloq biss inċertezza f’moħħ in-nies. L-istess bħalma qed jgħidu li se jagħmlu bil-pensjonijiet. Se jerġgħu jiftħu d-dibattitu u joħolqu miri ġodda meta dak id-dibattitu ngħalaq u m’għandux għalfejn jinfetaħ.”
Indawwar id-diskussjoni fuq il-familja: dik l-entità li kull partit politiku jrid jindirizza imma mhux kulħadd għandu l-istess tifsira tagħha.
Fis-sajf li għadda waqt il-konferenza ġenerali tal-PN Bonnici kien rapporteur ta’ wieħed mill-workshops li iddiskuta l-familja. Kienu tqajmu d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom familji mhux tradizzjonali. Madankollu, fil-manifest tal-PN familji magħmula minn persuni li jikkoabitaw jew persuni gay lanqas biss jissemmew.
Lanqas il-proposta li kienet saret mill-PN fl-1998 biex ikunu regolarizzati persuni li jikkoabitaw ma’ tidher imkien fil-manifest ta’ l-2008.
Titfaċċa daqxejn skumdità fuq wiċċu. “Mhux qedha hemm imma dan ma jfissirx li mhux se jkunu iffaċċati l-problemi ta’ dawn in-nies. Gonzi stess għamel din il-wegħda,” jgħidli.
Madankollu jinsisti li bħala Gvern il-PN irid jitkellem fuq kif se tissaħħaħ il-familja tradizzjonali.
“Miniex ngħid li għandna ninjoraw ir-realtajiet ġodda li hawn fostna imma għandna bżonn ta’ politika ta’ prevenzjoni li tgħin biex jittaffew il-pressjonijiet fuq koppji miżżewġa. Dan ifisser li rridu naraw x’politika fiskali se naddottaw. Dan ifisser li noffru inċentivi biex intaffu l-piż tax-xiri ta’ l-ewwel dar.
“Għalhekk ma rridux inħarsu lejn din is-sitwazzjoni sempliċiment billi niffukaw fuq familji mhux tradizzjonali u l-problemi tagħhom imma nħarsu b’mod sħiħ lejn il-familja.
“Personalment ma nara xejn ħażin li jsir xi ħaġa biex ikunu protetti l-individwi f’dawn ir-relazzjonijiet, speċjalment il-parti d-dgħajfa fir-relazzjoni. L-istess għall-koppji gay u persuni oħra li jiġu minn xulxin u li ilhom jgħixu flimkien. Irridu naraw kif se nipproteġu d-drittijiet ċivili ta’ dawn il-persuni mingħajr ma nibagħtu xi messaġġ li kollox hu aċcettabli.”
Bonnici jinsisti li għandu fiduċja sħiħa li dan il-qasam se jkun indirizzat minn Gvern Nazzjonalista wara l-elezzjoni li jmiss minkejja li fil-manifest m’hemm l-ebda wegħda mniżżla.
Qabel nitlaq nistaqsih dwar il-votanti li se jixħtu l-vot l-ewwel darba. Jekk fl-1987, meta ivvota hu għall-ewwel darba, kien hemm il-kwistjoni tal-libertà tbaqbaq, din id-darba m’hemm xejn li jeċita lill-votanti l-ġodda.
“Teżisti ċerta apatija fost iż-żgħażagħ, speċjalment dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba. Madankollu dan hu settur ta’ l-elettorat li l-aktar li jinteressah huma l-kwistjonijiet li jolqtuh direttament.
“Għalhekk l-opportunitajiet ta’ xogħol barra minn Malta bis-saħħa ta’ l-UE jolqtuhom, l-istess bħalma jinteressahom l-istudju f’livell terzjarju. Hi ġenerazzjoni iffissata fl-internet u allura xi ħaġa bħal Smart City teċitahom. Allura fuq dawn il-kwistjonijiet nemmen li anki din il-ġenerazzjoni tagħti kas id-direzzjoni li qed joffru l-partiti politiċi.
“M’għandix dubju li d-direzzjoni li qed joffri l-PN, b’Gonzi fit-tmun, hi iktar iffukata u taf fejn trid tasal.”
B’dak il-kliem insellmu lil xulxin. Jien u ħiereġ nerġa’ inħares lejn il-ktieb tal-mużika fuq il-pjanu. Ninduna li l-kliem ‘come to an end’ hu miktub f’parentesi. Forsi dak hu li jrid Bonnici. L-affarijiet sbieħ li skond hu qed jagħmel il-PN mhux bilfors jintemmu fit-8 ta’ Marzu. Kollox jiddependi fuq il-verdett tal-poplu.

Intervista
Il-libertà u s-serħan tal-moħħ

Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici



Il Punt
Koalizzjoni
Arnold Cassola




Emmanuel Micallef
X'qed jaqra l-polz??!


Carmelo Mifsud Bonnici

Iċ-ċavetta li biddlet lil dan il-pajjiż



X'kien Jgħid
Viljakkeriji



Wenzu Mintoff
Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan