MediaToday

Il Punt - Arnold Cassola | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69

Koalizzjoni

Il-kelma ‘koalizzjoni’ żgur daħlet fil-vokabolarju ta’ l-ilsien Malti llum. Jekk sa ftit ilu kien hemm bosta Maltin li qatt ma semgħu b’din il-kelma, naħseb li issa mhux aktar il-każ. Naħseb li ħafna nies jagħrfu li konna aħna ta’ l-Aternattiva Demokratika li daħħalnieha fil-vokabolarju Malti.
Kif bdejna nsemmgħu r-rieda tagħna li nidħlu fi Gvern ta’ koalizzjoni wara l-elezzjoni li jmiss qamu l-irwiefen kollha min-naħa tal-Partit Nazzjonalista li qiegħed jagħmel minn kollox biex ibeżża’ lin-nies u jgħidilhom biex ma jivvutawx għall-kandidati ta’ l-Alternattiva Demokratika.
Saħansitra tlitt ijiem ilu Ranier Fsadni, il-President ta’ l-AŻAD, il-Fondazzjoni politika qrib il-Partit Nazzjonalista, kiteb iswed fuq abjad fit-Times of Malta li Lawrence Gonzi jippreferi joqgħod fl-oppożizzjoni fil-Parlament, b’Dr Alfred Sant bħala Prim Ministru, milli tidħol l-Alternattiva Demokratika fil-Parlament Malti.
Naturalment aħna ta’ l-Alternattiva ma nistgħaġbux b’din l-attitudni tal-Partit Nazzjonalista. Infatti, kulmeta l-Partit Nazzjonalista jibda jippanikja, arah jinfexx b’kampanja ħarxa kontra l-Alternattiva Demokratika b’informazzjoni żbaljata dwar is-sistema elettorali u anki b’ħafna gideb biex ibeżża’
lin-nies bina, qisna xi babaw.
Fl-elezzjoni ta’ l-2003 Fenech Adami kien beżża’ lin-nies li t-tieni preferenza lill-Alternattiva Demokratika kienet tfisser vot lil Alfred Sant. Gidba faħxija.
Fl-elezzjoni Ewropea ta’ l-2004 kienu beżżgħu lin-nies billi qalu li AD favur l-abort. Gidba oħra faħxija. Issa fl-2008, qed ibeżżgħu b’koalizzjoni, qisha xi ħlejqa ta’ barra minn hawn.
Aħna dħalna fl-UE fl-2004. L-Alternattiva Demokratika ħadmet bi ħġarha biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea u aħna nkomplu nagħmlu l-almu tagħna kollu biex insaħħu l-pożizzjoni ta’ pajjiżna fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-PN qed ibeżża’ lin-nies bil-koalizzjoni. Imma nafu li minn 27 pajjiż
fl-Unjoni Ewropea, 22 minnhom huma mmexxija minn Gvern ta’ koalizzjoni? Allura dawna kollha mġienen?
Naturalment, hawn Malta, biex ibeżżgħu dejjem, iġibu l-eżempju ta’ l-Italja. Ħadd ma jgħid li minkejja s-sistema politika kaotika tagħha minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija l-Italja kibret u saret s-seba’ l-ogħna pajjiż fid-dinja. Dak li hu magħruf bħala l-miraklu ekonomiku Taljan.
Madankollu anki jien naqbel li koalizzjoni bi 11-il partit, bħalma kien hemm fl-Italja, diffiċli li taħdem tajjeb. Imma f’Malta se jkollna koalizzjoni bi 11-il partit? Dażgur li le! F’Malta jkollna koalizzjoni b’żewġ partiti biss. F’21 pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea l-koalizzjonijiet huma magħmula minn żewġ jew tliet partiti biss. Dan hu l-mudell li rridu nimmiraw għalih.
Araw daqsxejn kif ġabu ruħhom il-Greens fi tmien snin ta’ Gvern ta’ koalizzjoni fil-Ġermanja. Kulħadd jagħraf li taw kontribut kbir biex il-Ġermanja tkompli ssaħħaħ postha bħala l-pajjiż l-aktar qawwi ta’ l-Ewropa. U araw issa kif miexja ’l quddiem l-Irlanda, bil-Greens fi Gvern ta’ koalizzjoni. Eżempju kbir ta’ suċċess. Xi ngħidu
għall-Gvernijiet fil-Finlandja, fir-Repubblika Ċeka,
fil-Latvja, ilkoll gvernijiet ta’ koalizzjoni bil-Greens fihom?
Anki l-Alternattiva Demokratika qed toffri din il possibbiltà ta’ koalizzjoni lill-poplu Malti u Għawdxi. Aħna nħarsu pereżempju lejn l-Irlanda, fejn in-nies ma beżgħux minn dak li qalulhom il-partiti l-kbar u vvutaw biex jiġi ffurmat gvern ta’ koalizzjoni mal-Ħodor.
Illum l-Irlanda hu t-tieni pajjiż l-aktar għani fl-UE. L-Irlandiżi qegħdin ifuru bil-ġid. Bħall-Irlandizi, anki l-Alternattiva Demokratika trid issarraf il-kollaborazzjoni f’koalizzjoni f’ġid u benefiċċji li jistgħu jgawdu minnhom il-Maltin u l-Għawdxin kollha, indipendentement mit-twemmin politiku tagħhom.
Kuraġġ! F’koalizzjoni kollox hu possibbli.

Arnold Cassola hu kandidat ta’ l-Alternattiva Demokrattiva

Intervista
Il-libertà u s-serħan tal-moħħ

Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici



Il Punt
Koalizzjoni
Arnold Cassola




Emmanuel Micallef
X'qed jaqra l-polz??!


Carmelo Mifsud Bonnici

Iċ-ċavetta li biddlet lil dan il-pajjiż



X'kien Jgħid
Viljakkeriji



Wenzu Mintoff
Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan