Editorjal | 24 ta’ Frar 2008 Nr 69
M’hemm xejn ġdid fil-kampanja elettorali tal-Partit Laburista. Donnu li ttieħdet deċiżjoni biex il-partit ikompli jagħfas fuq l-istess messaġġ li ilu juża għal dawn l-aħħar tliet snin.
Il-kliem ‘Xogħol, Ħarsien, Dinjità’, ‘Pjan għal Bidu Ġdid’ u ‘Agħżel Labour’ ilhom jintużaw bħala slogans sa minn meta nħatret l-amministrazzjoni ġdida ftit wara l-elezzjoni ta’ l-2003.
Sfortunatament inħossu li l-MLP tilef iċ-ċans biex fil-manifest elettorali tiegħu joħroġ b’ideat u inizjattivi ġodda. Il-manifest hu sunt tad-dokumenti kollha li kienu ippubblikati tul dawn l-aħħar tliet snin.
Konna nistennew li l-manifest se jinkludi proposti iktar dettaljati u ġodda biex jagħtu iktar laħam lill-politika aġġornata fid-diversi dokumenti.
Meta wieħed iqis li minn mindu ġew ippubblikati xi wħud mid-dokumenti kien hemm żviluppi ġodda fil-pajjiż u fid-dinja l-inqas li stennejna kien li jkun hemm daqsxejn aġġornament.
Pereżempju il-proposta biex it-tfal kollha eliġibbli għaċ-Children’s Allowance jibdew jitħallsu bl-istess mod. Din il-proposta kienet saret qabel il-baġit ta’ Ottubru li għadda. Sadanittant fil-baġit il-Gvern daħħal miżuri ġodda biex l-ulied kollha jieħdu l-istess ammont ta’ flus miċ-Children’s Allowance u kulħadd reġa’ sar eliġibbli għaliha.
Madankollu l-manifest tal-MLP ma jirriflettix dan it-tibdil. Konna nistennew politika aġġornata ta’ kif se jitjieb il-benefiċċju tat-tfal taħt Gvern Laburista.
Bħal ħafna oħrajn fil-Partit Laburista ma nistgħux nifhmu t-tir ta’ l-istrateġisti Laburisti fid-Dar tal-Ħġieġ li jżommu kampanja relattivament kwieta mingħajr ideat innovattivi.
Forsi huma tant konvinti mir-rebħa u għalhekk ħassew li m’għandhomx għalfejn jirriskjaw joħorġu b’xi ħaġa ġdida issa bil-periklu li jkunu qed jisparaw lejn saqajhom.
Forsi jemmnu li n-nies lesti jbiddlu l-partit fil-Gvern sempliċiment għax ilu hemm 20 sena. Jista’ jkun li fost in-nies jinħass il-bżonn ta’ bidla imma l-istrateġisti Laburisti donnhom injoraw il-kampanja tal-PN li tpoġġi lil Lawrence Gonzi fuq quddiem.
Gonzi jista’ jkollu elf difett imma meta jkun qed jitkellem għandu ċerta kariżma li tiġbed lin-nies. Il-kampanja GonziPN, bil-kritika kollha li qalgħet, jidher li qed taħdem, ta’ l-inqas ma’ settur ta’ l-elettorat li jaf ikun deċiżiv fl-elezzjoni li jmiss.
Fil-ġimagħtejn li fadal sa l-elezzjoni l-Partit Laburista jrid jevalwa l-istrateġija tiegħu. Hemm bżonn ilaħħam aktar il-politika tiegħu. Hemm bżonn irabbi ftit kunfidenza fih innifsu u dak li tassew jemmen fih, bħall-introduzzjoni tar-reception class, jispjegah b’mod konvinċenti biex anki jserraħ ras in-nies.
Kien patetiku l-mod kif Lawrence Gonzi nhar it-Tlieta li għadda ipprova jirredikola lill-ġurnalista ta’ din il-gazzetta waqt konferenza stampa organizzata mill-Awtorità tax-Xandir.
Meta mistoqsi għalfejn fil-manifest ma kien hemm l-ebda riferenza għall-koppji li jikkoabitaw u persuni gay, Gonzi ipprova jnissel id-dubju u jgħid li ‘mhux kulħadd ikun qrah sew il-manifest.’
Fil-verità l-manifest tal-PN ma jindirizzax il-problemi ta’ dawn il-koppji li jgħìxu relazzjoni familjari mhux tradizzjonali.
Hi sfortuna kif il-PN qatt ma implimenta l-wegħda ta’ l-1998 biex jirregolarizza l-koppji li jikkoabitaw. Hi sfortuna ikbar li f’manifest bi 353 proposta m’hemmx imqar sentenza waħda li tindirizza dan l-istat ta’ fatt.
Il-wegħda ta’ Gonzi waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet li se jkun qed iħares lejn din is-sitwazzjoni ma tistax titwemmen. Lanqas meta kien hemm proposta iswed fuq l-abjad ma ġiet implimentata, aħseb u ara meta l-proposta hi biss wegħda li għamel Gonzi waqt konferenza stampa għax ippressat minn ġurnalista.
Nistennew trattament ferm aħjar ta’ dawn in-nies li ċ-ċirkostanzi mbuttawhom lejn mudell ta’ familja differenti u li għax l-istrutturi legali u soċjali jirrikonoxxu biss familja tradizzjonali qed isofru minn tbatija bla bżonn. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Charlò Bonnici
Il Punt
Arnold Cassola
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Kollox possibbli
Iva, għalihom kollox possibbli. Għalina mhux. Għax dak li jagħmlu huma mbierek minn Alla imma li nagħmlu aħna għandu s-saħta tax-xjaten. Dakinhar li Lawrence Gonzi ġie proklamat Kap tal-Partit Nazzjonalista erba' snin ilu ma ddejjaqx jaqa' fl-ereżija meta qal li ‘bħalma jgħid l-innu tagħna, anki Alla hu magħna'.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|