Xkien Jgħid? | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68
Minn kif iż-żewġ partiti politiċi tal-patria fetħu l-kanuni wara li ssejħet l-elezzjoni għat-8 ta’ Marzu kulħadd seta’ jintebaħ bid-differenza fundamentali fil-mod kif iż-żewġ partiti qed jippreżentaw lilhom infushom quddiem l-elettorat.
Qed ngħid żewġ partiti għax it-tnejn l-oħrajn mhux veru partiti iżda jippretendu li huma partiti politiċi. Naraw kemm din il-pretensjoni hi ġustifikata mir-riżultat ta’ l-elezzjoni...
Kont qed ngħid fuq id-differenza bejn iż-żewġ partiti, differenza li hi reazzjoni ovvja għar-riżultati tas-sondaġġi li jagħmlu ż-żewġ partiti u li, x’aktarx iva milli le, tawhom l-istess riżultat. Skond dawn is-sondaġġi, l-poplu għandu aktar fiduċja fl-MLP bħala partit milli fil-PN filwaqt li l-poplu għandu aktar fiduċja f’Lorenzo bħala Prim Ministru milli f’Dottor Sant.
Ir-raġunijiet għal din id-differenza fundamentali – u apparentement kontradittorja – bejn kif il-poplu qed iħares lejn iż-żewġ partiti fis-sena 2008 huma varji u llum mhux se nidħol f’dan il-mertu. Huma x’inhuma, dawn wasslu biex il-kampanja tal-PN tikkonċentra fuq Lorenzo (uno per tutti) filwaqt li l-kampanja tal-MLP lill-poplu tbiegħlu l-iskwadra u mhux lill-kaptan - it-tim Laburista (tutti per uno)!
Il-kampanja tal-PN hi konċentrata fuq Lorenzo u Lorenzo waħdu, ibda mis-slogan gonzipn u spiċċa fuq il-mod kif il-kelliema tal-PN fil-mass meetings ma jeżistux u jeżisti Lorenzo waħda, sulu sulu... kif qalet f’batuta tassew fina l-orizzont ta’ nhar it-Tnejn: Lil Gonzi ġabuh jitkellem waħdu.
Sparixxiet it-tradizzjoni li fil-mass meetings Nazzjonalisti waqt kampanja elettorali l-membri prominenti tal-partit fil-Gvern (jew l-uffiċjali tal-partit meta fl-Oppożizzjoni) jingħataw l-opportunità li almenu jitkellmu darba.
Dan il-mod kif qed ikun proġettat ir-rwol tal-Kap Nazzjonalista qisu dak li ipprova jattwa Richard Cachia Caruana meta Fenech Adami kien Prim Ministru. Almenu hekk kiteb fil-memorji tiegħu, l-President Emeritus, Professur eċċ eċċ, de Marco. Din sistema, li de Marco qal, li hi ’l bogħod ħafna mill-kunċett ta’ primus inter paribus u li biċ-ċajt kien jiddeskriviha bħala sistema fejn il-Kabinett ikun magħmul minn field marshall u numru tra surġenti maġġuri!
Minn naħa l-oħra, il-kampanja tal-Partit Laburista tidilwixxi apposta d-dehra u l-importanza tad-Dottor Sant. Dawk kollha li jimmilitaw fl-MLP u lil Sant ma jaħmluhx pinġut qed ikollhom jagħmlu bħall-anġli tal-monument u jippużaw bħala membri għalenija ta’ skwadra magħquda anki jekk fil-passat uħud minnhom – bħal John Attard Montalto u Anġlu Farrugia wara r-riżultat ta’ l-elezzjoni tal-2003; Wenzu Mintoff qabel l-elezzjoni ta’ l-1998; u Joe Brincat qabel l-elezzjoni ta’ l-1996 – kienu kitbu bl-iswed fuq l-abjad kliem ta’ tmaqdir għad-Dottor Sant. Dawn qed ikollhom jibilgħu kollox u jippużaw ta’ camerati tal-qalb! Għal kisba tal-poter ebda sagrifiċċju mhu żejjed.
S’intendi dawk fost in-Nazzjonalisti li ċċaħħdu milli jisimgħu leħinhom jindirizzaw il-folla waqt xi mass meeting ukoll qed jagħmlu s-sagrifiċċju għall- konferma tal-poter. Jekk dan it-tir imbagħad ma jseħħx, se jkun hemm ftit mhux ħażin li se jduru fuq Saliba u Lorenzo għas-sodisfazzjon!
L-assurdità ta’ dawn iż-żewġ pożizzjonijiet hi li t-tnejn huma reċta għal għajn in-nies.
Hu minnu li Lorenzo jieħu d-deċiżjonijiet hu – anki jekk xi minn daqqiet ikarkar saqajh biex jeħodhom – iżda mhemm l-ebda dubju li qabel ma jiddeċiedi hu jikkonsulta lill-sħabu fil-Partit. Il-gvern ta’ Lorenzo, li wasal biex jispiċċa, ma kienx gvern ta’ bniedem waħdu u anqas mhu se jkun hekk it-tieni gvern ta’ Gonzi, fil-każ li l-PN jirbaħ l-elezzjoni.
Minn naħa l-oħra, id-Dottor Sant hu magħruf għall-mod kif jieħu d-deċiżjonijiet waħdu mingħajr ma jikkonsulta lil ħadd u kif sħabu jispiċċaw maħsuda bil-fatti kompjuti ma’ wiċċhom.
Dwar dan, staqsu lil xi imġarrab bħal Lino Spiteri! Mhux qed ngħid biss għal wegħda li jneħħi l-VAT li għamel qabel l-elezzjoni ta’ l-1996. Anki meta ddeċieda li jsejjaħ elezzjoni bikrija fl-1998 id-Dottor Sant kien mar għand il-President bid-deċiżjoni qabel ma kkonsulta mal-Grupp Parlamentari!
Tassew li f’dan il-pajjiż trid taqleb kollox rasu ’l isfel u saqajh ’il fuq biex jibda jagħmel sens! L-ironija aħħarija hi li kampanja ibbażata fuq Lorenzo waħdu twassal għal gvern ta’ l-iskwadra ta’ Lorenzo filwaqt li kampanja bbażata fuq l-iskwadra Laburista twassal għal Gvern tad-Dottor Sant waħdu!
Liema minnhom se tkun l-għażla tal-poplu? Narawh fi żmien tliet ġimgħat oħra. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|