MediaToday

Wenzu Mintoff | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68

Fil-Mater Dei

Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta’ €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar. Il-fatt li kull tappa fl-iżvilupp ta’ dan il-proġett kienet ikkaratterizzata bi skandli u kontra skandli ċertament kellu l-effett tiegħu fuq l-ispiża finali. Kif żgur li kellu wkoll impatt qawwi l-fattur tat-tul ta’ żmien esaġerat li ħa biex jitlesta dan l-isptar li m’għandniex xi ngħidu, żied mhux ftit biex l-ispiża tibqa’ tisplodi bil-mod kif splodiet. Id-differenza sostanzjali bejn dak li ntefaq u l-valur reali ta’ dak li hemm illum fis-sit ta’ l-isptar hu l-konsegwenza diretta tat-traskuraġni, tħarbit, tberqbiq, xaħam u buqxiex li kienu jinfdu dan il-proġett sa mill-bidu tiegħu sakemm fl-aħħar ġie fi tmiemu.

Kwalità tas-servizz
Il-bini tal-Mater Dei, u anki l-apparat mediku, huma state-of-the-art kemm trid u allaħares ma kienx hekk b’dawk il-miljuni kollha li ntefqu fuqu. Madankollu qed iqumu ħafna mistoqsijiet dwar il-kwalità tas-servizz li qed jiġi ipprovdut mill-Mater Dei.
Fil-ġimgħat li għaddew kien hemm bosta rapporti u ittri fil-gazzetti li jixhdu d-difetti u n-nuqqasijiet kbar li hemm fit-tħaddim tas-servizzi ipprovduti minn dan l-isptar. Kurituri kemm trid u li ma jispiċċaw qatt, bid-diffikultajiet kollha li qed jinħolqu speċjalment għal pazjenti anzjani li ma jifilħux jimxu distanzi twal.
Ta’ min jgħid ukoll li l-kuruduri fil-Mater Dei huma twal u dojoq u li għalhekk ma joffrux il-possibbiltà li f’każ ta’ affollament fis-swali, ikun hemm sodod fil-kuriduri bħalma kien jiġri f’San Luqa. Il-Mater Dei għandu wkoll bibien kemm trid. Tant hu hekk, ftit tax-xhur ilu kien irrappurtat li ġew ordnati ferm iktar bibien minn kemm fil-fatt kien hemm bżonn. Dan l-isptar minbarra kurituri u bibien kemm trid, kellu wkoll skandli kemm trid marbutin miegħu. Dak li żgur mhemmx kemm trid f’dan l-isptar huma s-sodod.
Skond il-pjan oriġinali tan-Nazzjonalisti dan l-isptar kellu jkun fih 480 sodda. Kien biss wara Ottubru l-1996 fi żmien Gvern Laburista li ġiet fi tmiemha l-ġennata li s-servizzi mediċi pubbliċi kienu se jinqasmu fuq żewġ sptarijiet, bid-duplikazzjoni u sparpaljar ta’ riżorsi li dan kollu kien se jġib miegħu.
Il-Gvern ta’ Alfred Sant kien iddeċida li l-isptar f’Tal Qroqq kellu minn sptar speċjalizzat ta’ 480 sodda jsir sptar ġenerali akut ta’ 1,000 sodda. Kienu n-Nazzjonalisti li f’Settembru ta’ l-1998 mill-ġdid reġġgħu l-arloġġ lura meta mbarkaw fuq pjan li kien iċekken l-isptar il-ġdid għal wieħed ta’ 650 sodda bil-possibbiltà ta’ estensjoni għal 825 sodda. Fi kliem ieħor jekk illum fil-Mater Dei hemm nuqqas ta’ sodod, ma jaħti ħadd ħlief il-Gvern Nazzjonalista li ippjana ħażin fuq numru mhux biżżejjed ta’ sodod.

Kaos
Dak li qed jiġri ta’ spiss fil-Mater Dei hu li meta ward tkun full-up, qed jispiċċaw jintużaw swali oħrajn, bil-konsegwenza li qed jinħoloq kaos u tħarbit fi swali oħra. Qed ikollhom jiġu posposti ħafna operazzjonijiet għax mhux qed ikun hemm spazju biżżejjed fis-swali fejn il-pazjenti jgħaddu perjodu ta’ rikoveru u konvalexxenza mill-operazzjoni.
Saħansitra ittieħdet parti mid-Dipartiment ta’ l-Emerġenza biex issir sala temporanja bil-konsegwenza li xi pazjenti li ddaħħlu mill-Casualty ma sabux sodda f’dan id-dipartiment sakemm jiġu assenjati fil-ward u kellhom jagħmlu iktar minn 12-il siegħa stenduti fuq stretcher. Evidenti li teżisti sitwazzjoni kaotika fl-isptar għax iddur fejn iddur, tant mhemmx fejn timmanuvra li qegħdin taparsi jsolvu problema u joħolqu oħra.
Bini u apparat mediku state-of-the-art kemm trid, imma fl-istess ħin mhumiex ftit dawk li qed jispiċċaw jingħataw servizz tal-qamel. Ftit tal-jiem ilu ħabib tiegħi qalli li qariba tiegħu għaddiet minn operazzjoni maġġuri fejn tneħħielha sidirha minħabba l-kanċer li ħakimha.
Jumejn wara ġiet liċenzjata mill-isptar bid-drain għadu mwaħħal. Qalulha biex tieħu hi stess r-reading tad-drain u kellha terġa’ tirrapporta l-isptar il-pitgħada biex tiġi eżaminata mill-ġdid mill-professur. Dan kollu meta normalment pazjenta li tkun għaddiet minn operazzjoni maġġuri bħal dik tagħmel ta’ l-inqas għaxart ijiem konvalexxenza l-isptar.

Biċċa apppuntament
Xhieda oħra tat-tip ta’ servizz li qed jingħata fil-Mater Dei kienet ittra ta’ qarrej minn Ħal Għargħur li dehret fit-Times tat-Tnejn li għaddew. Dan il-qarrej jirrakkonta kif kien ilu tlett ijiem jipprova jagħmel appuntament għal mara tiegħu fid-Dipartiment tal-Ġinekoloġija. Ipprova fuq żewġ numri diretti u fuq in-numru tar-reception, imma jew ma kellu ebda tweġiba, inkella poġġewh on hold għal ħin twil imbagħad il-linja taqa’.
Meta fl-aħħar irnexxilu jkellem lil xi ħadd biex jagħtuh appuntament wara li kien ipprova xi mitt darba, qalulu biex jgħid lill-mara tiegħu biex tmur hemmhekk personalment ħa tagħmel appuntament.
‘Din xi ċajta kerha?’, jistaqsi dan il-qarrej. ‘Dan hu l-isptar state-of-the-art li jiftaħar bih
il-Ministru? Fiż-żminijiet li qegħdin ngħixu imissna qegħdin nagħmlu l-appuntament bl-email inkella permezz ta’ formola sempliċi fuq il-webpage ta’ l-isptar.’

MRSA
Każ ieħor li ġara dan l-aħħar kien dak ta’ kollega li għamlet operazzjoni ta’ l-ortopedija. Sakemm damet l-isptar laqqtet il-mikrobu tal-MRSA. Ta’ min wieħed jiftakar li diversi speċjalisti mediċi kienu esprimew ir-riservi tagħhom meta kien sar dak il-jamboree propagandistiku u l-coffee morning li saru fl-isptar il-ġdid meta għamlu s-soft opening tiegħu viċin l-Imnarja li għaddiet.
L-ispeċjalisti kienu qalu li b’dik il-massa kbira ta’ nies li marru jżuruh, li tħallew jidħlu anki fis-swali operatorji, kien inevitabbli li dan il-mikrobu kien se jattakka wkoll l-isptar il-ġdid, kif fil-fatt ġara.
Il-qalja hi li fl-isptar fejn suppost tmur biex titfejjaq, faċilment taf tispiċċa tlaqqat dan il-mikrobu u flok ma jipprovdulek mill-isptar stess il-pilloli biex titfejjaq mill-mikrobu li tkun laqqatt minn hemmhekk, jgħidulek biex il-pilloli tmur tixtrihom bi flusek minn spiżerija privata.
Terġa’ u tgħid mhux l-ispiżeriji kollha jistokkjaw dawn il-pilloli. Allura jkollok tqabbad lil xi ħadd idurlek minn spiżerija għal oħra sakemm isib minn fejn jixtrihom.
State-of-the-art jew state-of-the-fart?

Intervista
“A sense of can do”

Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras


Editorijal

Ommijiet weħidhom


Il Punt
Ħames bozozi
Christopher Cutajar




Emmanuel Micallef
Riħa tintenn tad-“W...C...”


Carmelo Mifsud Bonnici

Ambjent apprezzat minn pajjiż mibdul



X'kien Jgħid
Uno per tutti vs Tutti per uno



Wenzu Mintoff

Fil-Mater Dei
Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan