Toni U Peppi | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68
Kampanja elettorali qisha bħal dawk ir-ritratti ta’ platti ta’ ikel li tara esebiti barra ħanut biex is-sid iħajrek tiekol għandu.
Wara tiskopri li dak li jġiblek fuq il-mejda ma jkollu x’jaqsam xejn jew ma jkunx bħal dak li rajt fir-ritratt. Għalhekk f’kampanja elettorali aktar jagħmel sens li tfittex dak li ma tarax milli dak li juruk.
Wieħed mill-argumenti li m’aħniex nilmħu fuq il-menu elettorali tal-MLP, il-PN u l-AD hu dak ta’ l-immigranti illegali. Argument tant jaħraq u tant ibeżża’ li narawh biss fuq il-menu elettorali ta’ l-AN, li però jużawh biex jikkapitilizzaw fuq il-biża’ ta’ sezzjoni ta’ l-elettorat imnissla minn diversi kawżi.
Għalhekk minħabba n-nuqqas totali ta’ dan il-platt elettorali dak li jkun irid jipprova jislet dwar kif jaħsbuha l-partiti f’dak li qalu qabel jew dak li jirnexxielna nieħdu mingħandhom f’xi konferenza stampa jew xi messaġġ li biex nifhmuh irridu niddeċifrawh.
Min-naħa l-oħra f’kampanja elettorali mhux dejjem jaqbillek toħroġ il-platti fil-beraħ. Fi gżira bħal Malta, l-iżgħar pajjiż territorjalment fl-Unjoni Ewropea, bl-inqas riżorsi naturali u bl-akbar densità ta’ popolazzjoni, il-biża’ ta’ l-elettorat hi parzjalment ġustifikata.
Is-sensazzjoni li ninsabu waħedna u l-Unjoni, minkejja l-paroli kollha ta’ solidarjetà, bħal donnha minn pajjiżna trid tagħmel Lazzarett, tkompli żżid mal-frustrazzjoni tas-sitwazzjoni.
Għalhekk il-politiku jrid joqgħod attent fejn imidd saqajh għax jaf li hu kamp mimli bombi. Fil-fatt dan qasam li ż-żewġ partiti l-kbar bħal donnhom laħqu ftehmu li jaqblu fuqu. Ftit li xejn isemmuh u l-ftit li jgħidu mfassal fuq qbil parallel għalkemm qatt ma jiltaqgħu. Dan is-skiet hu parti mnissel mill-biża’ reali li għandhom ħafna politiċi fuq is-suġġett u parti mill-biża’ li jintilfu l-voti. Alternattiva Demokratika, għallinqas għal din il-kampanja elettorali, fehmet li għandha taddotta din l-attitudini prammatika, fejn qabel kienet titkellem fuq is-suġġett mingħajr kantunieri u bil-miftuħ.
Iżda fil-każ ta’ l-AD l-effetti jistgħu jkunu aktar gravi elettoralment milli għaż-żewġ partit l-oħrajn.
Ħafna aktar minn qatt qabel din l-elezzjoni tista’ tissarraf f’ċimiterju politiku għax waqgħet fil-muta fuq din il-kwistjoni. Naħseb li l-Azzjoni Nazzjonali se tkidd b’mod aħrax lill-AD. Dan qed ngħidu kontra qalbi għax m’għandi l-ebda simpatija lejn l-AN. Dan il-partit b’mod opportunist qed jirkeb fuq dan l-argument sal-punt li fuq il-billboards anki jagħmel proposti infamanti u li jmorru kontra d-dinjità umana.
L-AN, għalkemm partit ġdid, xorta hu partit organizzat u għandu r-riżorsi finanzjarji biex jagħmel kampanja elettorali effettiva. Il-pożizzjoni li ħadu kontra l-immigranti illegali żgur se ġġibilhom il-voti. Magħduda ma’ dawn iċ-ċirkostanzi, anki l-fatt li l-AN jidher li hu partit frisk u jekk iġibu ammont ta’ voti li jissuperaw lill-AD jew li jitqabbel sew mal-voti li ġġib l-AD, din se tkun id-daqqa tal-mewt politika tal-AD.
S’issa kulmeta l-AD kisbet riżultat elettorali sakemm kienet bejn żewġ partiti kbar, ir-riżultat kien jinħafer. Iżda jekk din id-darba l-AN iġġib riżultat tajjeb jew rispettabli allura għall-AD ix-xenarju politiku jinbidel negattivament. Għalhekk jidhirli li l-AD kien jaqblilha aktar li titkellem fuq dan l-argument b’mod miftuħ biex tirbaħ il-voti ta’ dawk li mhumiex kontra, milli tibqa’ ħalqha magħluq.
Bis-skiet hemm iċ-ċans li dawk li kienu se jivvutawlha fuq dan is-suġġett jispiċċaw jivvutaw lil xi wieħed mill-partiti l-kbar, mentri l-AN se tikseb il-voti ta’ dawk li huma kontra l-immigrazzjoni illegali.
Iżda billi ħadd mit-tliet partiti mhu jgħid xejn fuq dan is-suġġett dan m’għandux ifisser li m’għandhomx fehma. Kultant f’kampanja elettorali ma jkunx jaqbillek titkellem kontra jew favur suġġett partikolari biex ma tagħmilx ħsara.
Kieku Abraham Lincoln għamel kampanja elettorali fuq l-abolizzjoni ta’ l-iskjavitù probabbilment ma kienx jitla’. Kieku ma sarx President ta’ l-Amerika u l-iskjavitù kien jieħu aktar żmien biex jispiċċa darba għal dejjem.
Għalhekk lanqas ma jfisser li min baqa’ sieket ujew ma kienx espliċitu fuq dan is-suġġett m’għandux politika.
Parti mill-ħtija ta’ dan is-skiet elettorali taħti għalih il-politika egoista ta’ l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi sinjuri partikolarment fi ħdan l-Unjoni. Pajjiżi, li għalkemm għadhom jisfruttaw lil ħafna eks-kolonji tagħhom fil-kontinent Afrikan, kulma jafu jagħmlu hu li jippriedkaw u jimmanifatturaw il-kliem biss.
Urew xeħħa liema bħalha magħna kontra kull wegħda ta’ għajnuna u jippretendu li nissieltu waħedna. Din ix-xeħħa u ipokresija Ewropea kompliet nisslet fil-poplu Malti biża’ aktar minn kemm suppost.
Inżera’ fost il-poplu sens ta’ protesta kontra, mhux biss dawn l-immigranti, iżda kontra dawk li ħallewna waħedna.
Fil-fatt, fl-aħħar konferenza stampa li kellu Alfred Sant meta mistoqsi dwar x’inhi l-politika ta’ l-MLP fuq dan is-suġġett, ma iddejjaqx jgħid dak li għandu jgħid. Fehem l-aspett uman ta’ din it-traġedja.
Jemmen li għandna nagħtu sehimna biex nuru solidarjetà umana, iżda min-naħa l-oħra rridu wkoll nagħtu kas tas-sitwazzjoni speċjali tinsab fiha Malta, bħala pajjiż ta’ fruntiera ta’ l-UE.
Insista li għandu jkun hemm pjan konkret biex jiġu “resettled” f’pajjiżi oħra. S’issa mhu jiġri xejn spettakolari f’dan is-sens. Wara kollox, ħafna minn dawk li jaħarbu mill-kontinent Afrikan, ikollhom it-tir li jmorru f’dawk il-pajjiżi li għal snin twal u kif għadhom jagħmlu s’issa, bil-pulit jaħkmuhom.
Jekk l-UE tgħinna konkretament allura anki preġudizzji fil-front lokali jonqsu u ħajjet il-politiku ssir aktar faċli.
Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista għalkemm ipprova wera li mhux effiċenti u m’għandux il-ħila jikseb mill-Unjoni dak li kien twiegħed.
Il-Partit Nazzjonalista, li dejjem attent li ma jmurx joffendi lil xi ħadd, ma weriex dik ir-rieda politika biex jikseb dak li hu tagħna bi dritt.
Il-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti ma rnexxilhomx jagħfsu biżżejjed biex jiksbu dak li l-partit tagħhom lokalment ma kisibx. Kultant nemmen li l-PN irid jiknes it-trab taħt it-tapit.
Meta dan l-aħħar smajt lil Simon Busuttil jgħid li f’Malta hawn biss 3,000 immigrant illegali kont se ninfaqa’ nidħak. Għalkemm ma naqbel xejn miegħu, sewwa qallu Josie Muscat li jrid jidħak bin-nies u m’għandux għajnejh f’wiċċu.
Naħseb li għandu raġun għax hemm baħar jaqsam bejn Simon Nazzjonalista u Simon Chairman tal-MIC.
Hi x’inhi l-pożizzjoni tal-partiti politiċi f’din il-kampanja elettorali xorta jibqa’ l-fatt li l-kwistjoni ta’ l-immigranti illegali tibqa’ fuq l-aġenda elettorali. Anzi s-skiet tal-partiti jaċċentwawha. Is-skiet fih innifsu jtarrax.
L-aġenda ma jagħmluhiex biss il-politiċi iżda anki l-elettorat.
Meta kont għadni involut fl-organiz-zazzjoni ta’ l-Istrina attendejt attività li fiha ngħatat xi għotja għall-Istrina. Preżenti kien hemm il-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Fl-aħħar il-Prim Ministru ntalab jagħmel diskors.
Għadni kważi niftakar kelma b’kelma x’kien qal. Wara li irringrazzja lil dawk preżenti Lawrence Gonzi qal hekk: ‘Ngħid prosit lill-poplu ta’ pajjiżna li fl-Istrina jdaħħal idejh fil-but u jagħti l-flus. Iżda Peppi ippermettili ngħid ħaġa hawnhekk. Ma nifhimx kif uħud minn dawn l-istess nies jispiċċaw jippretendu li jekk ikunu deħlin l-immigranti irregolari aħna għandna nħalluhom bejn sema u ilma u ma nurux l-istess ġenerożità magħhom.’
Lawrence Gonzi qal aktar minn hekk. Kien iebes. Dak il-ħin l-istima tiegħi għal dan ir-raġel splodiet. Kien mument fejn il-Prim Ministru seta’ baqa’ lura u ma ħax dik il-pożizzjoni. Ammirajtu għax fhimt li dan mhux Prim Ministru li jitkellem skond x’jgħidu s-surveys. Tkellem bi prinċipju.
Lil Lawrence Gonzi nafu bħala Speaker. Fis-skiet, bla kameras, ressaqtlu nies fqar u fil-bżonn. Il-ħeġġa li kien juri biex jgħin fejn kien jara inġustizzja kienet timpressjonani.
F’pajjiżi oħra jkunu s-Soċjalisti li jiddefendu d-drittijiet ta’ l-immigranti irregolari Suppost hi fin-natura li s-Soċjalisti jkunu Internazzjonali. Li jifhmu li l-persuni qabel mhuma Maltin jew Afrikani huma bnedmin. Huma s-Soċjalisti li l-iktar jitkażaw kif tort ta’ l-Ewropa ħafna minnhom jinsabu iddisprati.
Dan l-impenn inħossu nieqes ħafna mill-Partit Laburista Malti. Fid-diskors politiku tal-mexxejja ma jinħassx l-impenn politiku biex il-poplu jifhem li dawn il-persuni jħossu bħalna l-uġigħ li taf toffrilhom ħajjithom. Minflok ikun l-ispirazzjoni li tmexxina fit-triq l-MLP jagħżel li jimxi fit-triq li ma ttelliflux il-voti.
L-Oppożizzjoni suppost xellugija suppost toqmos meta f’jum ta’ kesħa tiftakar li f’ċentri ta’ detenzjoni, l-għadam ta’ dawn in-nies jibbies.
Imma mill-Oppożizzjoni silenzju perfett. Jingħad biss li se nitkellmu ma’ l-Unjoni Ewropea biex tagħti l-għajnuna. Imma l-kwistjonijiet marbuta ma’ l-immigranti irregolari huma ferm akbar minn hekk. Hemm kwistjoni ta’mentalità u kultura. Bħala partit suppost tax-xellug qed jgħinuna nifhmuhom aħjar.
L-Alternattiva Demokratika dejjem kienet ċara dwar il-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni irregolari. Kienet l-iktar waħda li b’mod ċar tkellmet kontra li l-immigranti jinżammu maqfula f’ħabs qishom kriminali. Bla tlaqlieq jagħmluha ċara li dawn il-persuni għandhom ikunu trattati b’mod umanitarju.
Nagħmilha ċara li personalment għandi rispett lejn Josie Muscat u Anġlu Xuereb iżda ma nistax naċċetta l-politika tagħhom fuq diversi kwistjonijiet fosthom l-immigranti irregolari. Iżda l-Azzjoni Nazzjonali lanqas baqgħu kredibbli ma’ dawk li akkost ta’ kollox jixtiequ li l-immigranti jibqghu barra minn xtutna.
Il-Viċi Kap ta’ l-AN qal pubblikament li hu jimpjega ħaddiema minn 20 pajjiż differenti wħud minnhom immigranti li għandhom il-permess jaħdmu. In-nies razzisti assolutament ma jaqblux ma’ Anġlu Xuereb li jimpjega lil dawn in-nies. Għax il-biża’ tkun li jekk se noqogħdu nagħtuhom ix-xogħol, skond huma, se jinvaduna.
In-nies li jinsistu li l-immigranti qed jeħdulna xogħolna qed isibu lill-Viċi Kap ta’ Azzjoni Nazzjonali jgħidilhom li hu qed jimpjegahom għax għandu bżonnhom, għax ma jistax isib ħaddiema Maltin biex jaħdmu. Anzi Anġlu Xuereb, bir-raġun, maħruq li l-Gvern mhux joħroġ biżżejjed permessi biex ikun jista’ jimpjega aktar.
F’dan is-sens jew l-AN verament m’għandhiex tendenzi razzisti jew inkella qed tgħix kontradizzjoni kbira. Jew agħar. Il-messaġġ li qed jasal hu dan: ‘Aħna kontra li jkollna aktar immigranti illegali f’pajjiżna għax se jinvaduna u jeħdulna xogħolna. Dan dejjem jekk ma jkollux bżonn iħaddimhom il-Viċi Kap tagħna, Anġlu Xuereb. F’dan il-każ, inħeġġu lill-Gvern jagħtihom il-permess biex jaħdmu.”
Jaħasra, kieku l-immigranti jivvutaw, kemm kienet tkun differenti l-istorja! |
|
Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|