Aħbarijiet | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68
Cacopardo jippubblika r-rapport sigriet dwar l-impjant tar-riċiklaġġ
Kurt Sansone
ksansone@mediatoday.com.mt
Ir-rapport ta’ l-Awditur tal-Mepa dwar il-proċess li bih ingħażel is-sit ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn biex jinbena impjant ġdid ta’ riċiklaġġ u li inżamm sigriet mill-pubbliku jitfa’ dell ikrah fuq il-proċess tal-għażla.
L-għatu fuq dan ir-rapport sigriet intrefa’ l-bieraħ meta l-kandidat ta’ Alternattiva Demokratika għat-tielet distrett Carmel Cacopardo żvelah uffiċjalment lill-media.
Cacopardo li bħala uffiċjal investigattiv fl-Uffiċċju ta’ l-Awditur tal-Mepa kien ħadem fuq dan ir-rapport, sostna li l-moralment ma ħassx li kellu jżomm dan ir-rapport maqful mill-poplu meta fi ftit ġimgħat oħra se jkun mitlub jiddeċiedi, fost l-oħrajn, fuq riforma fil-Mepa biex din issir iktar trasparenti.
Hemm tliet konklużjonijiet serji li jqanqlu mistoqsijiet kbar dwar is-serjetà li biha kienet trattata din il-kwistjoni mill-Gvern, il-Mepa u l-Wasteserv.
L-ewwel konklużjoni hi dwar il-proċess li bih kellhom jiġu studjati siti differenti. Ir-rapport jagħmilha ċara li mill-bidunett il-Wasteserv qatt ma kellha intenzjoni li tfittex bis-serjetà sit alternattiv għal Sant’Antnin.
L-istudju li kellu jfittex siti alternattivi kien “difettuż” għax il-Wasteserv tat qisien ta’ l-art ferm inqas milli fil-verità kellha bżonn u għalhekk it-tliet siti li kienu studjati qatt ma setgħu jakkomodaw l-impjant tar-riċiklaġġ. Ir-rapport ta’ l-Awditur jagħmilha ċara wkoll li l-Wasteserv, bil-kontra ta’ dak li jintalab minn min jipproponi żvilupp kbir bħal dan, qatt ma ippruvat tindika sit alternattiv hi stess.
Mill-minuti u dokumenti oħra tal-Mepa jidher li kien hemm sit ieħor f’Ħal Far li seta’ jakkomoda l-impjant imma dan qatt ma kien kunsidrat għax intqal li l-art kienet f’idejn il-Malta Industrial Parks, entità oħra tal-Gvern.
It-tieni konklużjoni hi li numru ta’ eżamijiet marbuta ma’ l-impatt fuq is-saħħa ta’ emissjonijiet li jistgħu joħorġu mill-impjant qatt ma saru. Jidher li r-raġuni dwar dan kienet li dawn setgħu jsiru fi stadju iktar avvanzat. Sal-lum ma jidhirx li dawn l-eżamijiet saru u n-nies ta’ Marsaskala m’għandhomx is-serħan tal-moħħ li l-impjant mhux se joħloq dannu lil saħħithom.
It-tielet konklużjoni serja hi l-indħil ministerjali fil-proċess tal-Mepa. Ir-rapport jinsisti li l-fatt li l-uffiċjali tal-Mepa tlaqqgħu mal-Wasteserv fuq inizjattiva tal-Ministru George Pullicino setgħet inftehmet bħala pressjoni politika biex il-proġett isir akkost ta’ kollox.
Fir-rapport jintqal ukoll li l-Mepa kienet aktar interessata li tħaffef l-applikazzjoni ħalli ma jintilfux fondi Ewropej milli tiżgura li l-affarijiet isiru kif suppost.
Madankollu, f’waħda mill-konklużjonijiet tiegħu fir-rapport Cacopardo jgħid li kieku l-affarijiet imxew kif suppost probabbilment l-għażla tas-sit xorta kienet taqa’ fuq Wied il-Għajn.
Cacopardo ippubblika dan ir-rapport minkejja l-pressjoni li saritlu mill-Awditur tal-Mepa Joe Falzon u l-Ombudsman Joe Said Pullicino biex ma jippubblikahx.
Intant fi stqarrija l-bieraħ, il-Ministru ta’ l-Ambjent George Pullicino ikkundanna dak li sejjaħ bħala nuqqas ta’ etika ta’ Cacopardo.
“Il-fatt li Cacopardo ħareġ id-dokument tiegħu issa, minkejja li ilu għandu madwar sena, f’nofs kampanja elettorali li fiha qed jikkontesta l-elezzjoni f’isem partit politiku fuq id-distrett fejn hemm l-impjant in kwestjoni, juri biċ-ċar il-motivi partiġġani tiegħu,” insista Pullicino. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|