MediaToday

Joe Cassar | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68

Tifkiriet ta’ kandidat

Meeting f’Misraħ Pawla fir-Raħal Ġdid. Mill-bidu ġejna mdawra. Il-mikrofnu ħadem mhux kif darba ġara l-Gudja quddiem il-knisja tar-raħal wara l-aħħar quddiesa. Ħadem ukoll il-ġebel. Biċċa maduma ġiet fuq it-trakk ħdejn saqajja. Ta’ warajja lissen, “Aqta’ fil-qasir.” Il-bumbardament tqawwa’. Inżilna minn fuq it-trakk. Ħiemda u siekta l-Pulizija. Mhux l-ewwel darba u lanqas l-aħħar darba.
U hekk żemżem, b’waddaba qawwija, qed jiksibli lura disinn tal-mużajk ta’ ħajti, sħiħ u magħqud. Qed nikteb fuq djarju b’versi dojoq dawn it-tifkiriet li qatt ma ġbart f’kitba. Jonfoħ ir-riħ ta’ Frar, din is-sena itwal b’jum.
Tfajjel inħares minn tieqa ta’ dar lejn Sta Marija tar-Rocca, knisja mibnija f’Ħal Tarxien minn Mica, armla ta’, Gentil Azzopardi, qabel l-1508. Billi l-knisja qiegħda f’daħla, il-kelma ‘rocca’ li tfisser blata u fortizza, iddawret f’tar-Rokna jew tar-Rokon. Jiġi trakk, jitqiegħed mikrofnu. Jinkiseb id-dawl minn dar qrib. Nies fuq il-palk, wieħed jibda jitkellem. Nisa bil-baskett tax-xiri, jieqfu ftit ħa jisimgħu x’qed jingħad, jissuktaw jimxu lejn darhom fil-qrib. Id-dinja ta’ Peppone u Don Camillo. U hemm iż-żgħożija warrdet imħabba fil-ħarsa mistħija ta’ għajnejn koħol u ħodor.
Sakemm ħrigt l-ewwel darba għall-elezzjoni fl-1971 meetings bħal dawn f’xi misraħ, f’xi kantuniera, kienu għadhom isiru. Biż-żmien il-partiti ntebħu li dawn kienu jsiru għalxejn. Aħjar laqgħat f’teatri u meetings għall-massa f’toroq kbar u wisgħin għall-Maltin u l-Għawdxin. Il-partiti tellgħu binjiet kbar minn fejn setgħu jilħqu lill-poplu b’gazzetti, b’xandir, b’laqgħat.
It-tqassim ta’ bliet u rħula f’distretti baqa’ joħloq l-inkwiet għall-pajjiż, għall-partiti u għall-kandidati. Sar tibdil fil-liġijiet biex żgur ir-rieda tal-poplu tissarraf sewwa fin-numru ta’ deputati għall-Parlament. Imma l-kandidati ma jistgħux iserrħu rashom. Wieħed minn tlieta tad-deputati jitbiddlu minn elezzjoni għall-oħra. Il-Kummissjoni Elettorali għandha saħħa kbira. Tibdila fil-Liġi bi ftehim? Imberkin l-Għawdxin għax dejjem f’daqqa.
F’mappa ta’ Malta mgerrfxa sibt ruħi f’Ħal Safi u f’Bir id-Deheb. F’Ħal Safi ma ltqajtx ma’ Safi li ta ismu lir-raħal. F’Bir id-Deheb ma sibtx bjar. Lanqas ltqajt ma’ Ali Baba. Il-platt qatt ma ġieni sħun. B’danakollu f’Ħal Safi u f’Bir id-Deheb sibt nies tassew qalbhom tajba li laqgħuni bħan-nies ta’ Ħal Tarxien u Raħal Ġdid, żewġt irħula li b’xorti tajba dejjem baqgħu f’daqqa. Ma nafx kif Sta Luċija u l-Marsa ftiehmu li jibdlu posthom.
Ġew f’daqqa il-Gudja, Bir id-deheb u Ħal Safi. Ġrajjiethom bejn l-1986 u l-1987 kexkxet lil Malta li bkiet fuq il-kilba għas-setgħa. Raymond Caruana maqtul, Pietru Pawl Busuttil mixli. Arma tan-nar bdiet tmur għall-kaċċa fit-toroq, tiżra’ l-ħerba, twerwer u fl-aħħar taħsad ħajja. Fl-aħħar instabet f’razzett, mitfugħa biex jinbena mafkar lill-gideb. Il-ħaqq sab ruħu milgħub mill-iskiet. F’jum kiesaħ ta’ Diċembru ltqajt fuq iz-zuntier tal-knisja tal-Gudja ma’ l-isqof ta’ Acerra Antonio Riboldi, illum mejjet, li wara li fissritlu skond is-sewwa ta’ ruħi x’ġara żar il-familji tal-vittmi ta’ poplu li fis-saħniet imur lura għat-taqtigħat bejn l-Aragoniżi u l-Anġevini. Il-gass u l-isparar f’Tal-Barrani. Jien u marti ndunajna li riedu jagħmlulna waħda. Ħafna drabi kont arrestat u meħud id-Depot. Naħseb li l-Pulizija jmissha flok ġiet għalija, marret tfittex x’imkien ieħor.
Malta reġgħet sebħet għax min jaqla’ l-inkwiet u jċappas idejh fl-aħħar iġarrab it-telfa. F’dawn il-jiem ħadt gost nara li l-partiti u l-Pulizija għamlu ftehim biex il-kampanja tkun tixraq lill-poplu ħieles li jaf id-dmir u l-jeddijiet tiegħu.
Id-dinja tat-tqassim tat-tè u l-kafè. Il-logħob tat-tombla. Bidla oħra. L-ewwel semmejt lil Ali Baba. Flus qatt ma kelli. Bħala avukat ħdimt ħafna imma kont naħdem ħafna b’xejn. Barra dan kont naħdem għal rasi u l-politika kienet teħodli ħafna ħin. Imma l-politka qiegħda fija. Bdejt kmieni u ntemmejt kmieni. Illum minix nirfes iżjed l-għadba tal-qorti u nista’ nikteb li rrid u kemm irrid.
Naqleb il-folja tad-djarju. L-alfabet u l-politika. F’kull distrett il-kandidati jitniżżlu wieħed wara l-ieħor bl-ittra li bih jibda kunjomhom. Jgħidu li Ċensu Tabone mħabba t-‘T’ kien jgħid lill-kostitwenti li jibdew jivvutaw minn isfel biex ma jħallu lil ħadd barra. Ċensu Tabone, li kien fl-iskola ma’ missieri, kellu esperjenza ta’ gvern qabel l-1987. Kien jieħu ħsieb l-għajnejn ta’ kulħadd, bħala speċjalista mill-aqwa, fil-Parlament.
Kunjomi jibda biċ-‘C’. Fil-lista qatt ma kont l-ewwel wieħed. Il-biċċa l-kbira tal-kunjomijiet komuni Maltin jibdew biċ-‘C’. U hekk se nistqarr waħda għax jien midneb bħal ħaddieħor. Meta ġejt biex nagħti l-eżami għal-Liċeo, billi fil-klassi ta’ l-iskola tal-Gvern taħt saqaf taz-zingu kien hemm ħafna Cassarijiet, is-surmast Ġużeppi Zammit, li għadu kemm ħalliena, qalilna biex ma’ l-ewwel kunjom inniżżlu dak ta’ ommna. Ġejt Cassar Vassallo. Meta wasalt biex ninkiteb għall-vot, fuq parir ta’ avukat żagħżugħ li kien jismu Eddie Fenech Adami, waqqajt il-Vassallo biex fil-lista tal-kandidati niġi aktar ’il fuq. Parir ta’ avukat!
Fil-Parlament sibt wieħed b’ismu u b’kunjomu bħali. Hu spiċċa fl-1992. Sitt snin wara tlaqt jien. Bejn l-1998/2003 il-Cassarijiet għebu. Fl-2003 daħal wieħed mir-Rabat u waqt li qed nikteb, xi ħadd ċempel għandi u minflok li ried iċempel lilu. Cassarijiet fil-Parlament jeħtieġ li jżommu dan is-siġġu u għal l-inqas iżidu ieħor. Ikun fuq liema naħa jkun. Jeħtieġ li nimxu bħal Mazzo Cassar li fiż-Żmien Nofsani daħal fl-Università u refa’ fuqu d-dmir li jara li ħadd ma jbagħbas fil-kejl u fl-użin. Kien politku li fetaħ it-triq għall-Cassarijiet. Ftiehem ma’ Xara u Sagona. Fl-aħħar meta kien ilu li miet ħatfu kollox nisel Rajmundu Abela, li ġew minn Scicli imma qalu li kunjomhom ma kienx Scicluna.

Intervista
“A sense of can do”

Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras


Editorijal

Ommijiet weħidhom


Il Punt
Ħames bozozi
Christopher Cutajar




Emmanuel Micallef
Riħa tintenn tad-“W...C...”


Carmelo Mifsud Bonnici

Ambjent apprezzat minn pajjiż mibdul



X'kien Jgħid
Uno per tutti vs Tutti per uno



Wenzu Mintoff

Fil-Mater Dei
Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan