Aħbarijiet | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68
Sakemm qed jieħdu bela tè fl-Olympic Bar SABRINA AGIUS titħallat mal-Mostin biex tifhem x’qed jaħsbu dwar il-proposti tal-partiti politiċi
Iż-żjara tiegħi din il-ġimgħa wasslitni s’għand l-Olympic Bar fil-Mosta. Sakemm bdejt insuq ħsibt li x-xita setgħet gerrxet lin-nies milli jinżlu jieħdu dak it-tè tas-soltu iżda tqarraqt.
Qabel nibda xogħli ndur dawra mal-ħanut ħa nara ma’ min se naqbad. Ninnota raġel bil-qiegħda waħdu jaqra l-gazzetta u niddeċiedi li npoġġi ħdejh. Nistaqsih dwar il-proposta ta’ Lawrence Gonzi li jirriforma l-Mepa.
“Gonzi għalija dejjem daħaq bin-nies. Kellu 20 sena biex jirranġa l-MEPA. Għandha power daqs kemm kellu Stalin jew Hitler. Min hu kbir jaf x’għandu jagħmel u jaf kif għandu juża l-Mepa,” jgħidli bil-kalma is-Sur Fenech, għax hekk xtaqni li nsejjaħlu.
Naqleb is-suġġett. Nistaqsih kemm hu possibbli li l-MLP jirnexxilu jnaqqas bi 15 fil-mija fis-sena il-listi ta’ stennija fl-isptar.
“Nemminha għax diġà għaddejna minnha fl-1972 meta t-tobba kollha għamlu strajk u l-Labour xorta naqqasha l-waiting list li kien hemm.”
Nimxi għal fuq mejda oħra fejn hemm grupp ta’ anzjani jitkellmu. “Aħna erba’ anzjani u l-aqwa li jagħtina l-pensjoni,” jgħiduli f’daqqa qishom ftehmu minn qabel x’se jgħidu.
Inħares lejn Żaren. Raġel ta’ ftit kliem jidher u nara x’jaħseb dwar li qal Sant u ċ-ċentri tas-saħħa. “X’nemmen nemmen. Dak miġnun iktar minni,” jgħidli.
Sakemm inpoġġi fuq mejda oħra u nibda nitkellem magħhom nilmah żagħżugħ. Nistaqsih x’jaħseb dwar l-elezzjoni.
M’hemmx konfużjoni f’moħħu. Għal Mark, li għandu 18-il sena, triq waħda hemm għaż-żgħażagħ: “Bilfors iridu jivvutaw PN għax hu l-uniku partit li qed joffri edukazzjoni tajba. Apparti minn hekk ġab il-finanzi f’posthom.”
Jinsisti li “il-PN ilhom fil-Gvern għax il-poplu dejjem għażel lilu. Il-Labour bħalissa m’għandux proposti. Tkun storja differenti ħafna li kieku jtajru lil Alfred Sant. Lanqas fuq l-overtime mhuma jaqblu bejniethom.”
Raġel ieħor jibda jkellimni dwar problema oħra. “Jien l-iktar li jinteressani hu x’se jagħmlu bil-persuni b’diżabbiltà. Mhu qed isir xejn fil-komunità għal dawk b’kundizzjoni multipla. L-inkwiet tagħna hu x’se jsir minnhom wara li mmutu aħna. Care workers m’hawnx.”
L-istejjer personali ma jonqsux. In-nies jibdew jieħdu interess u jiġu jduruni mal-mejda. Fost l-oħrajn jiġi Chris Agius. Raġel miżzewweġ ta’ 38 sena. M’hemmx għalfejn inlissen kliem.
“Jien għandi l-cholesterol u l-ażżma. Għandi tlett itfal. Il-pilloli jiswew Lm17-il pakkett. Issa għidli kif se ngħajjex familja meta dawn il-pilloli jiswew daqshekk? Dan meta suppost immur il-klinika u noħodhom b’xejn. Imma Alla jbierek qatt ma jkollhom għax dejjem out of stock. Aħjar inħallas 50ċ u ssib il-pilloli dejjem.”
Kif inhu fiż-żifna Chris ikellimni wkoll fuq ir-reception class.
“Hi tajba għax dan is-sajf kelli nieħu t-tfal il-classes biex jitgħallmu x’inhuma n-numri qabel jidħlu l-iskola,” tennieli.
Salvu Barbara, li oriġinarjament hu minn Ħal Tarxien, jgħidli li ma jistax jemmen lill-Gvern Nazzjonalista.
“Kien qal li l-VAT mhux se jgħolliha qabel l-elezzjoni li għaddiet. Lanqas laħqu għaddew jumejn li ma għollihiex.” Indawwar l-argument fuq l-AN.
“L-AN xewka f’dar in-Nazzjonalisti għax dawk kienu pedament tal-PN. In-Nazzjonalisti li ġew mweġġgħa mill-PN jistgħu jivvutaw lil Josie,” itarrafli Charlie.
Charlie, li kien suldat, spiċċa biex jgħidli “il-kbir għadu ġej.”
“Gonzi lanqas jaf x’inhu ġej għalih b’din ta’ Cacopardo,” b’referenza għall-kandidatura tiegħu ma’ l-Alternattiva Demokratika.
B’dawn il-kumment jagħtuni x’nifhem li dawn in-nies qed isegwu ġurnata b’ġurnata, sa l-inqas dettal, x’qed jiġri f’din il-kampanja elettorali. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|