Aħbarijiet | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68
Franca Muscat titkellem dwar ir-ritorn ta’ Josie fil-politika wara 20 sena u għalfejn m’għandhiex rwol ewlieni bil-kontra ta’ kif kellha meta żewġha kien Membru Parlamentari
Kif tħossok dwar il-fatt li Josie reġa’ lura għall-politika wara 20 sena barra minnha u, iktar minn hekk, li ħiereġ ma’ partit ġdid?
Id-deċiżjoni li jerġa’ joħroġ għall-politika Josie ħadha meta ħass li hemm vuċi qalb in-nies li ma kinitx qed tinstema’ biżżejjed u li kellha bżonn ta’ rappreżentanza mhux biss fuq il-media imma possibbilment fil-Parlament f’isem id-demokrazija.
Jiena fhimt l-intenzjoni ta’ Josie u kont naf ukoll li għalkemm qata’ uffiċjalment mill-politika dejjem baqa’ jsegwiha u jitbaqbaq fejn ħass li hemm il-kontradizzjonijiet u li l-affarijiet ma kinux qed jiġu ippreżentati liċ-ċittadin bis-sinċerità.
Josie kien dam fil-Parlament 20 sena. Kienu żminijiet kontrastanti għalija. Minn naħa kien hemm il-ferħ u l-enerġija li grupp imdaqqas ta’ nies li jien għamilt parti minnu ħdimna bil-qalb qisna familja waħda norganizzaw u nippreperaw għall-attivitajiet u nirsistu f’distrett fejn ħdimna bla heda kontra l-kurrent tan-nofsinhar ta’ Malta. Għadni sa llum nifraħ immens meta niltaqa’ ma’ xi persuna li kienet parti minn din il-‘familja’. Iġibuli memorji sbieħ u nostalġija għall-fiduċja u l-appoġġ li wrejna f’xulxin.
Iżda dawk iż-żminijiet ħallew ukoll timbru negattiv fuqi. Fl-aħħar tas-Sebgħinijiet u l-bidu tat-Tmeninijiet is-sitwazzjoni politika f’Malta kienet turbulenti u l-ispirtu kombattenti ta’ Josie ma għenitx wisq. Josie kien ġie attakkat fiżikament ġewwa l-Parlament waqt li l-ittri anonimi ma qatgħux. Żewġ esperjenzi oħra koroħ kienu meta hu u sħabu kienu l-mira ta’ tiri ta’ pistola waqt żjara lil xi familja ġewwa ż-Żejtun kif ukoll f’okkażjoni oħra ġie ippuntat b’pistola fid-dar tagħna stess. Kien hawn klima ta’ tensjoni kbira u jiena bżajt għas-sigurtà tal-familja. Dak iż-żmien kellna ħamest itfal. Biex nipproteġu ruħna d-dar tagħna għamilniha qisha fortizza b’bibien tal-ħadid fuq ġewwa.
Minn dak iż-żmien ’l hawn il-familja tagħna għaddiet minn fażi oħra wara t-twelid tas-sitt wild tagħna Nicole. Hi għandha d-Down Syndrome u għalhekk jiena ddedikajt ruħi għall-avvanz tagħha waqt li Josie iddedika ħafna mill-ħin tiegħu għall-Eden Foundation. Meta sibt iċ-ċans jiena wkoll intfajt wara din il-fondazzjoni u flimkien ma’ ħabiba tiegħi li taħdem hemm nidejna charity shop ta’ l-Eden Foundation. Jien niddedika ħafna ħin għal dan il-ħanut għax jinvolvi ħafna xogħol. Issa ħajti daħlet f’rutina differenti iżda xorta impenjattiva u ta’ sodisfazzjon kbir għalija.
X’inhu rwol tiegħek f’din il-kampanja elettorali?
Ma nixtieqx inbiddel l-istil ta’ ħajti kif inhi issa. Għalhekk jien għażilt li ma niħux parti attiva fil-kampanja elettorali. Hu importanti għall-familja tagħna li nibqgħu nsibu l-quality time flimkien li konna tlifna meta Josie kien qabel fil-politika.
Josie jħoss li m’għandux triq oħra ħlief dik li jagħżel li jerġa’ joħroġ għall-politika, filwaqt li jien, għalkemm naf li se taffetwani wkoll, ma nistax nintefa fiha bħal qabel. Naturalment xorta waħda nitkellmu u niddiskutu s-sitwazzjoni politika preżenti flimkien.
X’tibdil rajt f’Josie tul din il-kampanja?
Bla dubju l-kampanja elettorali hi piż għal Josie u bħalma dejjem jiġri meta jkollu xi ħaġa impenjattiva ħafna fuq spallejh din taffetwalu l-irqad. Bil-lejl jiġuh ħafna ideat u kemm-il darba jqum jiktibhom. Il-ħsibijiet ukoll inaqqsulu mis-sigħat ta’ l-irqad u kull filgħodu meta nistenbaħ hu jkun bid-dawl mixgħul jaqra.
Għalfejn in-nies għandhom jagħżlu lil Josie?
Josie jitkellem bl-aktar sinċerità u jaħdem ħafna biex jattwa dak li jemmen fih. Għalhekk min irid jivvutalu għandu jisimgħu, jixtarr dak li jisma’ u jivvota skond il-konvinzjoni tiegħu.
X’inhi l-aktar kwistjoni li n-nies għandhom jiftħu għajnejhom dwarha f’din l-elezzjoni?
L-andament ġenerali tal-pajjiż fejn tidħol is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ekonomija huma importanti iżda nħoss ukoll li n-nies għandhom iqisu wkoll kif qed jiġu affettwati personalment u fil-familja tagħhom. Bħala ċittadini jħossuhom stmati u l-vuċi tagħhom qed tinstema’? Il-ħajja tagħhom, kif inhi fil-preżent, tagħmel sens?
Il-libertà tagħhom hi sħiħa? In-nies qed jirnexxilhom jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt? In-nies li jinsabu fuq il-bordijiet tat-tmexxija fejn jittieħdu deċiżjonijiet li jolqtuna lkoll huma nies ta’ kuxjenza? Kulħadd qed jiġi stmat indaqs?
Iddiskutejtu l-possibbiltà ta’ telfa elettorali?
Aħna ngħixu l-ħajja ġurnata b’ġurnata għalhekk jekk insibu ruħna f’dik is-sitwazzjoni nevalwawha meta tasal. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|