MediaToday

Aħbarijiet | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68

Il-passat hu l-mera tal-futur

Kate Gonzi għandha rwol prinċipali fil-kampanja tal-PN. Hawnhekk titkellem fuq aspetti politiċi, żewġha u s-sehem tagħha fit-tiġrija ta’ Lawrence għal Kastilja.

X’inhu rwol tiegħek f’din il-kampanja elettorali?
Kemm ilna involuti fil-politika dejjem żammejt kuntatt man-nies biex nisma’ l-problemi tagħhom, niggwidahom u nirreferihom għall-għajnuna li jkollhom bżonn. Dejjem hu importanti li Prim Ministru jisma’ x’qed jgħidu n-nies u jżomm saqajh ma’ l-art. Anki issa, matul il-kampanja elettorali, għadni nżomm dan il-kuntatt għax permezz tiegħu nkun nista’ nitkellem ma’ Lawrence fuq dak li ninsabu għaddejjin minnu bħala poplu.
Nattendi għal ħafna mill-attivitajiet li bħalissa żdiedu fejn nipprova nwieġeb mistoqsijiet li n-nies ikollhom rigward punti mill-programm elettorali li l-PN qed jippreżenta għas-snin li ġejjin.
Jien persuna oħra li permezz tagħha l-pubbliku jista’ jagħmel kuntatt mal-Partit Nazzjonalista u mal-Prim Ministru.

Taffettwak kampanja elettorali? Tħossok aktar anzjuża?
Għall-bidu kif tħabbret id-data ħassejtni anzjuża u tense. Però bħalissa, tant jien imħabbta, nattendi attivitajiet, nirrispondi telefonati, insegwi l-media u l-websites li m’għandix ħin ninkwieta. Fl-istess ħin kuntenta li fejn immorru nħossuna milqugħa u apprezzati. In-nies li jien u Lawrence qed niltaqgħu magħhom qed jagħtuna l-enerġija bl-entużjażmu tagħhom. Probabbli la naslu viċin it-8 ta’ Marzu nibda nħoss aktar il-pressjoni u l-għejja wkoll. Għall-grazzja t’Alla, sirna poplu aktar matur politikament u allura naqset dik it-tensjoni li ġarrabna f’elezzjonijiet mgħoddija. Id-diskussjoni matura m’hemmx isbaħ minnha.

X’tibdil rajt f’Lawrence tul din il-kampanja?
Il-ftit ħin li jkollu d-dar joqgħod kwiet għax ikun għajjien ħafna. Normalment, hu jitlaq mid-dar kmieni aktar mis-soltu u jasal aktar tard allura għandu inqas ħin biex jistrieħ. Meta jirritorna hu jipprova jitfa’ l-ġurnata tax-xogħol warajh u jien nagħtih l-ispazju tiegħu biex jistrieħ. Infittex ukoll mod kif f’dan iż-żmien hekk impenjattiv nagħtih ftit inkoraġġiment aktar mis-soltu. Nemmen li aktar min qabel, matul dawn iż-żminijiet, irrid inkun spalla ta’ appoġġ.
Xi ħaġa differenti f’din il-kampanja partikolari hu l-fatt li se tkun l-ewwel kampanja mingħajr sigarretti. Bħalma xi wħud jafu Lawrence m’għadux ipejjep minn xi sentejn ilu. Jikkompensa billi jiekol xi ħaġa tajba li jħobb. Allura nipprova nsajjarlu xi platt favorit tiegħu.

Il-komunikazzjoni bejnietkom dominata biss mill-politika?
Matul il-ġurnata iva. Filgħodu jew meta nkunu flimkien fil-karozza nieħu l-opportunità nkellmu fuq xogħol ta’ politika u kostitwenti. Però wara ġurnata xogħol nagħmel l-almu tiegħi biex ma nkellmux fuq politika. Inkellmu dwar affarijiet pożittivi, normalment familjari, li jieħu gost jisma’.

Għalfejn in-nies għandhom jagħżlu lil Lawrence?
Lawrence hu persuna li meta jidħol għal xi mpenn jidħol għalih b’sens ta’ responsabbiltà u jagħmel dak kollu li jista’ biex iwettqu bl-aħjar mod possibbli fiċ-ċirkustanzi u skond il-kuxjenza tiegħu.  Nemmen li kemm ilu Prim Ministru, flimkien mal-Ministri u dawk kollha involuti, għamel dak li dehrlu li hu l-aħjar għal Malta u mhux għall-partit jew għalih innifsu. Lawrence jemmen fil-valur tal-persuna, tal-familja u tal-komunità. Hu bniedem sensittiv għall-problemi li l-persuni jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Jaf jisma’ u jaf jaċċetta l-kritika. Jaħdem għall-għaqda u l-paċi. Hu bniedem ġust, tolleranti u demokratiku. Hu bniedem ottimist u jinkoraġġixxi lil ħaddiehor joħroġ il-potenzjal li hemm fih.
Hu jgħix dawn il-kwalitajiet tiegħu kuljum, kemm fil-ħajja magħna fil-familja kif ukoll fix-xogħol tiegħu barra mid-dar. Ninsab ċerta li fl-aħħar mill-aħħar, Lawrence irid iħares lura u jħossu komdu li għamel dak kollu li seta’ biex il-pajjiż ikun aħjar.

X’inhi l-aktar kwistjoni li n-nies għandhom jiftħu għajnejhom dwarha f’din l-elezzjoni?
Issa hu l-mument fejn aħna għandna nagħrfu niżnu dak li qed nisimgħu mill-mexxejja taż-żewġ partiti u dak li qed jiġi issuġġerit fil-programmi elettorali. Nagħrfu bejn il-fatti u l-kliem. Il-passat hu l-mera tal-futur.
Ħames snin ilu l-poplu ivvota biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea biex isaħħaħ id-demokrazija, il-prinċipju tas-solidarjetà u stabbiltà politika u ekonomika f’dinja globalizzata. Jekk aħna nixtiequ nkomplu niggarantixxu dawn il-prinċipji fil-futur għandna nagħżlu mexxejja li għandhom għal qalbhom dawn il-prinċipji u li għandhom viżjoni għal Malta.
L-għaqal jitlob li aħna nibżgħu għall-ġid u l-investiment li ksibna s’issa bid-dħul tagħna fl-UE.
Ladarba nagħrfu liema partit jista’ jkompli jseddaq dak li flimkien irnexxielna noħolqu minn pajjiżna, għandna nkunu ċari bil-vot tagħna. Il-vot huwa responsabbiltà. M’għandniex nużawh b’mod ħafif imma nagħtuh bl-aktar mod dirett lil min jista’ tassew isarrfu f’ġid għal pajjiżna.

Iddiskutejtu l-possibiltà ta’ telfa elettorali?
Allavolja nemmen li l-ġid li nkiseb f’dawn l-aħħar ħames snin hu apprezzat minn ħafna, l-għażla għat-tmexxija tal-pajjiż, fl-aħħar mill-aħħar hi f’idejn kull votant. Bħalissa ninsabu fit-tiġrija u qed niffukaw fuq il-ġirja lejn jum il-votazzjoni. Meta l-elettorat jagħtina r-riżultat aħna nirrispettaw id-deċiżjoni tiegħu.
Minn hemmekk nibdew niddiskutu x’se tkun il-kontribuzzjoni tagħna skond ir-rwol li jkun afdalna l-poplu Malti.

Intervista
“A sense of can do”

Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras


Editorijal

Ommijiet weħidhom


Il Punt
Ħames bozozi
Christopher Cutajar




Emmanuel Micallef
Riħa tintenn tad-“W...C...”


Carmelo Mifsud Bonnici

Ambjent apprezzat minn pajjiż mibdul



X'kien Jgħid
Uno per tutti vs Tutti per uno



Wenzu Mintoff

Fil-Mater Dei
Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan