Aħbarijiet | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68
L-eks mara ta’ Alfred Sant, Mary Darmanin, titkellem dwar ir-relazzjoni tajba ta’ bejniethom, l-inkwiet tagħha għalih u l-kampanja tal-Partit Laburista
X’inhi r-relazzjoni li għandek ma’ Alfred? Kif inbidlet tul is-snin?
Ir-relazzjoni tagħna qatt ma kienet ta’ wieħed, jew waħda wara l-ieħor. Kienet u għadha, ta’ ‘ma’, jew ‘maġenb’, xulxin. Dejjem kienet waħda ta’ rispett reċiproku. Meta konna żgħar, għax ir-relazzjoni bdiet kważi 30 sena ilu, l-appoġġ kellu l-forma li ngħinu lil xulxin nikbru moralment u intellettwalment fl-impenn politiku u fil-ħajja professjonali, li nieħdu gost flimkien billi nivvjaġġaw, naraw films, inkunu mal-ħbieb, immorru niżfnu u affarijiet oħra li koppji jaqsmu flimkien.
Malli kellna t-tifla seba’ snin wara l-impenn tagħna t-tnejn intefa’ kważi kollu fuqha. Bħala ġenitur Alfred hu mill-iktar responsabbli u teneru u għamel minn kollox biex ikun preżenti kuljum u għal sigħat twal f’ħajjet it-tifla, ħafna drabi wisq iktar minn missirijiet li jgħixu fl-istess dar mat-tfal tagħhom.
Biex hi tgawdina t-tnejn għandha aċċess miftuħ għad-djar ta’ xulxin. Konna u għadna nieħdu btajjel flimkien, kemm barra minn Malta kif ukoll Għawdex, niċċelebraw festi flimkien u noħorġu nieklu l-Ħdud kif ukoll inżommu l-istess grupp ta’ ħbieb, fejn it-tfal trabbew bil-ġenituri kollha madwarhom.
Dan minbarra ż-żjara ta’ kuljum, fejn madwar il-medja tal-kċina naqsmu flimkien x’ġara matul il-jum, x’impenji għandna, xi qrajna ta’ interess fil-gazzetti jew x’imkien ieħor, xi ċajta ’l hawn u ’l hemm, mistoqsijiet dwar in-nanniet, l-aħwa, kif jagħmlu familji oħra.
Il-komunikazzjoni bejnietkom dominata biss mill-politika?
Ftit li xejn nitkellmu dwar il-politika! L-ewwel għax id-dar għandha tkun post ta’ mistrieħ u dan jgħodd ukoll meta nkunu mal-ħbieb. It-tieni, ħajjitna tkun boring għall-aħħar kieku kellha tkun dominata mill-politika!
Għalkemm it-tnejn li aħna nħobbuha l-politika hemm tant affarajiet oħra dwar x’hiex titkellem! Ovvjament, ġieli nistaqsi x’impenji għandu tul il-jum. Imma r-risposta tkun biss dwar x’laqgħa hi u fejn, u xejn iktar. Dwar fejn mar jiekol u x’kiel, bħala waħda interessata ħafna fl-ikel, neħodlu rasu. Wara jiddispjaċini jekk mar post tajjeb ħafna għax għal xi żmien ma jkunx irid jerġa’ jmur.
X’tibdil rajt f’Alfred tul din il-kampanja?
Ma rajt l-ebda tibdil f’Alfred f’din il-kampanja elettorali. U allura, minħabba li għadu kemm għamel intervent maġġur qed inkun inkwetata ħafna. Bħas-soltu hu iffukat ħafna u qed jaħdem id f’id mat-tim kbir tal-partit. Determinat li jiltaqa’ ma’ kemm jiflaħ individwi, għaqdiet u oħrajn u jkun viċin kemm jista’ jkun tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Hu kuntent ħafna li jinsab tajjeb biżżejjed li jaqdi d-doveri kollha tiegħu, li jien inqishom wisq. Bħala dik li tħoss għalih lil hinn mir-rwol politiku tiegħu, u hawnhekk nitlobhom jaħfruli l-Laburisti, nixtieq ħafna li jnaqqas ftit mil-ġiri!
Dwar dan il-punt f’din l-elezzjoni, fejn jien fiduċjuża fir-rebħa, għandi ftit inkwiet dwar l-effett fuq saħħtu ‘in the short term’. M’hemmx bżonn ngħidlek li hu jgħidli li qed ngħaġġibha!
X’inhu rwol tiegħek f’din il-kampanja elettorali?
M’għandi l-ebda rwol formali f’din il-kampanja elettorali għalkemm disposta għal kulħadd, kif jitlob ix-xogħol professjonali tiegħi, li nitkellem fil-media dwar l-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni tiegħi. Din id-darba, biex ikun jista’ jistrieħ iktar, jien u t-tifla qed ngħinuh billi nagħmlulu x-xirja, insajrulu u nagħtuh ambjent kwiet fejn jista’ jistrieħ ftit mil-kampanja. Nagħtih feedback dwar l-andament tal-kampanja mil-lenti tiegħi, li xi kultant ikun wisq kritiku!
Minkejja li m’għadkomx miżżewġin xorta ħassejt li turi l-appoġġ lejn Alfred b’mod pubbliku fil-konferenza ġenerali. Kien att ta’ kuraġġ dak li għamilt?
Stramba li ħsibt li jien mort il-Konferenza Ġenerali tal-partit biex nagħti appoġġ lil Alfred u li kelli bżonn xi kuraġġ biex nagħmel hekk! L-appoġġ tiegħi lil Alfred ma nagħtiehx billi noqgħod niżżefen fil-pubbliku.
Barra minn hekk il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista għal ħadd m’hu bir ta’ skieken, jew għar ta’ l-iljuni, wisq inqas għalija. Jien ukoll inqis il-partit bħala t-tieni familja tiegħi. Għalkemm miniex delegata, ili mmur bosta konferenzi tal-partit mill-1979. Din id-darba, minkejja li minix xi Carla Bruni, fettlilhom il-ġurnalisti jiffukaw fuqi, forsi għax kont ħdejn ‘l-istar’ tagħna, in-nanna Jess!
Jien stess tlabt għal invit għall-konferenza għax ridt nidħol ftit fl-ispirtu ta’ għaqda li ġġib konferenza u ridt ukoll inserraħ rasi li Alfred se jkun ok. Kont fuq ix-xwiek meta rajt in-nies jagħfsuh u jgħannquh għax ħsibt li se jweġġa’. Kienet sorpriża għalija, kif kienet għalih, meta tfaċċaw ommu u oħtu, imma issa għandna rikordju sabiħ fir-ritratti li ttieħdu, inkluż mill-fotografu tagħkom!
Għalfejn in-nies għandhom jagħżlu lil Alfred?
In-nies se jagħżlu lil Alfred għax hu totalment onest u nadif. Għandu qalb kbira, hu responsabbli u mhux ħali, intelliġenti u persuna b’viżjoni. Alfred imexxi b’sens kbir ta’ ħaqq u ġustizzja soċjali, fl-istess ħin jifhem tajjeb l-isfidi li d-dinja moderna u miftuħa ġġib lill-gruppi kollha fiha. Hu miftuħ lejn proposti tajbin jiġu minn fejn jiġu u jemmen, u jipprattika, li ħadd mhu għar-rimi. Ma jbatix bil-partiġġaniżmu jew nepotiżmu fil-ħatriet u jipprattika l-ugwaljanza bejn is-sessi f’ħajtu personali u fil-ħajja politika. Alfred iġib il-futur tat-tfal u ż-żgħażagħ l-ewwel u qabel kollox.
Għandhom jagħżlu lil Alfred għax mhuwiex waħdu. Hu għandu tim bl-istess kwalitajiet tiegħu li semgħu sew x’qed jgħid il-poplu, studjaw b’reqqa s-sitwazzjoni attwali ta’ Malta u wara ħafna konsultazzjoni fasslu flimkien pjan strateġiku li se jieħu ħsieb kull settur tas-soċjetà skond il-bżonnijiet tagħha. Apparti dan huma lkoll indaf u mhumiex hemm għall-gwadann personali imma b’impenn lejn il-poplu. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|