MediaToday

Sports | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68

Id-dedikazzjoni għall-passjoni ta’ ħajjithom

Għall-ewwel darba l-intervista tal-ġimgħa għamiltha ma’ żewġ persuni flok ma’ wieħed jew waħda kif isir normalment. Waqt iż-żjara tal-Juventus f’Malta sibt il-ħin biex niltaqa’ għal siegħa fl-istess ħin ma’ Antonio Paolino u Valeria Ciardiello.
Kulmin isegwi l-istazzjoni televiżiv Juventus Channel jafhom żgur. It-tnejn ġibdu s-simpatija ta’ eluf kbar tas-segwaċi ta’ dan l-istazzjon li qed jikber minn ġurnata għall-oħra. Illum it-tnejn li huma saru fost l-aktar żewġ personalitajiet ta’ fama fil-belt ta’ Turin.
Antonio huwa l-kummentatur tal-partiti kollha li l-Bianconeri jilagħbu. B’leħen sod li jurik mill-ewwel x’inhuma l-passjonijiet tiegħu għandu stil uniku bħala kummentatur. Jifhem fil-logħba tal-futbol u nfurmat fuq kull plejer tas-Serie A. Jikkritika lil kulħadd fejn jaħseb li għandu raġun u qatt ma qagħad lura minn xejn.
Valeria Ciardello karattru kemmxejn differenti. Hija l-persuna li b’għajnejn impekkabbli u b’karattru ferrieħi l-ħin kollu ġibdet is-simpatija ta’ kulħadd. Xogħolha differenti minn ta’ Antonio. Issibha dejjem ta’ kull filgħodu tippreżenta l-programm li jwassal għall-ewwel sessjoni tat-taħriġ tat-tim ta’ Claudio Ranieri.
It-tnejn huma ħbieb tiegħi sew. Anki jekk ma niltaqgħux ta’ kuljum inżommu kuntatt kontinwu permezz tat-telefon. Wegħidthom li nagħmel viżita ta’ ftit jiem lejn l-aħħar ta’ April. U l-wegħda se nżommha! Se nżomma ma’ min tagħni l-opportunità ta’ ħajti li nagħmel kummentarju dirett fuq stazzjon televiżiv Taljan. Dan kollu għaddejt minnu jien fil-partita li l-Juventus lagħbu f’pajjiżna kontra Valletta. Mhux xi ħaġa li ġurnalist Malti jgħaddi minnha ta’ kuljum! Il-ħolma tal-futur tibqa’…
It-tnejn huma ikkunsiderati idoli tal-Juventini li huma familjari sew ta’ l-istazzjon li fi ftit żmien irnexxielu jkollu aktar minn 40 elf abbonat miegħu. Antonio jidħol mill-ewwel f’diskursata fonda meta nistaqsih kif qed jgħix ħajtu llum.
“Antonio Paolino sar jafu kulħadd f’Turin imma ftit jafu kif tkun ġurnata tipika xogħol tiegħi. Noħroġ mid-dar u kif nasal ix-xogħol mill-ewwel ninżel fil-grawnd mal-plejers.
“Ix-xogħol tiegħi sar it-tieni dar. L-istazzjon sar jaħdem u jxandar 24 siegħa kuljum u dan il-ħin irid jinqasam bejn ħames ġurnalisti. Allura jfisser li kulħadd għandu x’jagħmel sew. F’Juventus Channel kollha nagħmlu kollox.
“Trid taħseb u tkun dejjem ikkonċentrat fuq il-klabb li naħdmu miegħu f’dak kollu li jiġri. Normalment l-ewwel ħaġa li nagħmel biex inkun infurmat fuq il-plejers kollha hija li nistennihom kollha fil-parkeġġ tat-training camps biex nara x’burdata u s-sitwazzjoni li jkunu fiha. Il-Juventus mhumiex biss il-partita. F’soċjetà kbira importanti ħafna li l-qafas kollu jkun imħejji bl-aħjar mod possibbli, kemm jekk stazzjon, kemm jekk diriġenti u anki s-setup tat-tim.
“Kif jibda t-taħriġ immur insegwi mill-qrib il-plejers. Kważi dejjem nibda l-ġurnata b’diskursata ma’ Dr. Agricola. Inqisu bniedem simpatiku ħafna. Minn dawn l-affarijiet tifhem mill-ewwel il-messaġġ preċiż li tkun trid twassal lis-segwaċi ta’ Juventus Channel fis-servizzi tiegħi. Kif jispiċċa t-taħriġ ngħin fix-xogħol tat-televiżjoni sakemm isir il-ħin biex immur id-dar ingawdi l-familja u t-tfajla. Nistenna bil-ħerqa kuljum il-ġurnata ta’ wara.”
Inħares lejn Valeria u nuriha li qed nippretendi tweġiba simili mingħandha.
“Jien bdejt ma’ stazzjon televiżiv żgħir u minn hemm kont mort ma’ Sky Sport. Biss, il-karriera vera tiegħi bdiet minn meta bdejt ma’ Juventus Channel. Jien l-unika mara f’dan l-istazzjon u jkolli nammetti li jien xi ftit imfissda mill-kollegi.
“Ix-xogħol tiegħi huwa ftit differenti minn ta’ Antonio. Lili ssibni aktar fl-istudios milli fil-grawnd mal-plejers. Nibda bit-trasmissjonijiet minn filgħodu u l-fatt li aħna stazzjon li naħdmu biss fuq il-Juventus irridu naraw kif invarjaw fil-programmi tagħna bil-konsegwenzi li dan joħodilna aktar ħin biex dejjem toħroġ bin-novitajiet. Kulma għandu x’jaqsam u jdur mal-Juventus nippruvaw nilħquh kollu.”
Nitkellem mat-tnejn li huma fuq il-passjoni li jsibu madwar id-dinja meta jkunu msefrien mat-tim. Valeria tgħidli li baqgħet sorpriża bl-atmosfera li sabet kulfejn daret mat-tim.
“Aħna nsiefru u nivvjaġġaw mat-tim kulfejn imur. Nibqa’ skantata bl-imħabba li għandha din is-soċjetà madwar id-dinja u f’Malta mhux eċċezzjoni. Bqajt bla kliem meta morna li Sky Club f’Paceville. Fil-gżira tagħkom hawn imħabba bla qies għall-Bianconeri. Kulfejn morna mat-tim sibna massa kbira ta’ nies. Iżda dan ma jfissirx li mad-dinja m’hawnx min jobgħod ukoll lil Juventus.”
Jaqtgħalha d-diskursata Paolino u jitkellem fuq kif iħares hu lejn il-Juventus bħala soċjetà mil-lenti ta’ barra.
“Il-Juventus jew tħobbhom jew tobgħodhom. M’hemmx triq tan-nifs għax hija soċjetà differenti mill-kumplament. Jien kultant naħseb li hawn min jobgħodna għax kulħadd iħobb jirbaħ u konna aħna li rbaħna l-aktar kemm f’unuri u kemm f’konfronti diretti. Nemmen li fid-dinja teżisti l-għira u li tkun tħobb tim ieħor u taf li ma rebaħx daqs il-Juventus tweġġa’ ħafna.”
Antonio Paolino twieled fis-26 ta’ Ġunju 1967. Jgħidli li huwa sena eżatt ikbar mill-captain ta’ Milan, Paolo Maldini imma bil-kont tal-bank ftit differenti minn tiegħu. Twieled u jgħix Turin u għarus lil Debora. B’ton li jentużjażma u jdaħħlek fl-atmosfera daqslikieku qiegħed fil-grawnd, Paolino jgħidli l-passjoni li tagħtih kull logħba tal-Juventus li tagħha jagħmel il-kummentarju.
“Waqt kull telekronaka li nagħmel nidħol fil-logħba u ma nistħix naħbi l-fatt li nifraħ bħal kull tifel żgħir ma’ kull gowl li niskurjaw. Sofrejt fil-mumenti diffiċli tas-soċjetà iżda nemmen f’dak li qal Ranieri ftit taż-żmien ilu li l-Juventus hija l-unika soċjetà li riedet verament taqleb il-paġna wara dak kollu li ġara fil-futbol Taljan.”
Lit-tnejn li huma nagħmillhom il-mistoqsija: Imma x’inhi l-iktar ħaġa li tixtiequ taraw lil Juventus jirbħu u tkunu qed tirrakuntawha fuq Juventus Channel.
Valeria tirrispondi, “Il-ħolma tiegħi hi li nara lil Juventus jirbħu l-kampjonat. Veru li l-Juventus rebħu ħafna scudetti imma jien qatt ma għext mument bħal dan viċin mal-plejers meta jsiru champions tal-pajjiż. Veru li 99.9% il-kampjonat se jirbħuh l-Inter iżda jekk aħna nirritornaw għal dan is-suċċess malajr wara dak kollu li għaddejjna minnu jkun ta’ sodisfazzjon enormi.”
Il-ħolma ta’ Paolino tkun differenti. Hija prattikament l-istess ħolma ta’ ħafna Juventini madwar il-globu.
“Il-Juventus Channel twieled fis-sena tas-Serie B. Jien kont hemm għall-ferħa tal-200 gowl ta’ Alessandro Del Piero. U kont ukoll fil-partiti li lgħabna din is-sena kontra Milan u Inter li ma tlifniex. Qabel kont naħdem ma’ Radio Capital u għalhekk niftakar ħafna scudetti mirbuħin mill-Juventus. Allura jien ngħidlek li nixtieq nirbaħ it-tielet stilla. Dik tkun ferħa kbira.”
Ngħidlu li għat-tielet stilla fadal tliet kampjonati oħra x’jintrebħu. Il-ħsieb tiegħu hu kompletament differenti.
“Għalija rbaħna 29 kampjonat u mhux 27. Jekk nirbħu kampjonat ieħor se niċċelebraw għax ikun ifisser it-tielet stilla. Dik kienet l-ikbar xewqa li kellu l-avukat Agnelli li jien kont nafu ta’ tifel żgħir. Missieri kien jgħidli li dak ir-raġel kien l-imgħallem tax-xogħol tiegħu għax missieri kien jaħdem mal-FIAT. Kont noqgħod nara wkoll lil Michel Platini. Però l-ikbar sodisfazzjon għalija jkun meta nkun fi triqti fuq l-ajruplan għal xi finali taċ-Champions League.”
Valeria Ciardello twieldet fis-7 ta’ Jannar 1977. Iċċelebrat għeluq it-30 sena tagħha f’pajjiżna u ta’ dan kellha anki kejk bħala sorpriża fil-programm Replay imtella’ fil-lukanda Le Meridien ftit ħin wara li l-Juventus waslu pajjiżna. Twieldet Milan imma llum trasferit ruħha Turin. Tgħidli li hi single u li għadha qed tfittex ir-raġel ta’ ħajjitha.
Nistaqsiha liema kien l-ikbar sodisfazzjon s’issa kemm ilha taħdem Vinovo.
“La kellhom stazzjon tat-televiżjoni l-Milan u l-Inter ma jistax ma jkollhomx il-Juventus. L-ikbar sodisfazzjon hu li twelidna f’Novemru 2006 u ninsabu fil-quċċata tal-kwalità u dalwaqt inkunu l-istess fl-abbonamenti. Għandna aktar minn 40,000 abbonati mal-Juventus Channel. Milan u Inter għandhom ftit aktar minnha wara seba’ snin. L-istazzjon tagħna huwa ta’ kwalità aktar għolja mill-kumplament kif wara kollox huwa t-tim.”
Konxju li Paolino huwa l-ikbar ġurnalist li hemm jaħdem ma’ Juventus Channel nistaqsih x’atmosfera tirrenja f’dawn l-istudios.
“Kultanat inħossni ħuhom il-kbir u l-lider ta’ dan il-grupp ta’ ġurnalisti. Nagħtu każ, meta jkollna bżonn lil Ranieri jew lil Del Piero wara telfa, nkun jien li nagħmel wiċċi magħhom u nistaqsihom. Illum drawni u sa spiċċaw jiċċajtaw waqt l-intervisti li nkun għaddej bihom b’mod dirett. Meta jinzertaw f’pawsa jogħqodu jixxuttjaw il-blalen lejja u lejn min inkun qed nintervista biex mingħalihom itellfuna. Ma tistax tieħu għalihom. Importanti li ż-żewġ naħat inżommu l-aqwa rapporti.”
Valeria tispjegali r-relazzjoni li hemm bejn il-plejers u l-istazzjon.
“Jien u Antonio daqsxejn privileġgati mill-plejers għax nidhru l-favoriti tagħhom u għandna relazzjoni tajba ħafna ma’ kollha kemm huma. Veru li hemm minnhom li għandhom karattru aħjar mill-kumplament. Nagħtu każ Neved it-tip ta’ persuna li jekk tkun ġejja logħba taħraq ma jagħtikx intervista imma jwegħidek li tiġi kif tiġi l-logħba jagħtihielek wara.”
Paolino jkompli fuq dak li kienet għadha kemm qalet il-kollega tiegħu.
“Del Piero t-tip ta’ persuna li ħafna jqisuh stramb imma trid tifhem il-pressjoni li jkollu fuqu u l-fatt li hu wieħed mill-aktar plejers popolari fid-dinja. Aħna u ġejjin Malta fuq l-ajruplan ipprova jqabbadni ma’ kulħadd. Qalli biex ma nippruvax nilgħabha ta’ l-intelliġenti waqt il-kummentari tiegħi għax jien ma nifhimx fil-futbol. “F’ċirkostanzi bħal dawk trid tkun taf tkompli u tiċċajta miegħu. Nagħtu każ waqt li konna qed nieklu l-Meridien, Nocerino ried ikun jaf għalfejn qed niekol għaġin u mhux insalata. Jien ma rridx nagħtih sodisfazzjon u ħallejtu jgħid. Ma rridux ninsew li wara l-plejer hemm persuna normali u raġel. Huma umani bil-problemi kif ikollu kulħadd. Jieħdu pjaċir li meta niltaqgħu u noħorġu flimkien nitkellmu fuq kollox minbarra l-futbol.”
Ma’ Antonio Paolino u Valeria Ciardello hemm jaħdmu fl-istess stazzjon Antonio Romano, Paolo Rossi u Guilo Sala. L-għan tagħhom huwa dak li dawk li jħobbu lil Juventus ikunu jistgħu jsegwuhom mill-viċin mad-dinja kollha.
Valeria tikkonkludi, “Irrid nirringrazzja lill-Maltin kollha għax ġejt Malta fiż-żmien meta għalaqt snini. Apprezzajt ħafna l-ġesti tal-Maltin u ndunajt kemm isegwuna ta’ kuljum.”
Antonio Paolino jtemm ifaħħar lill-poplu Malti kollu u jgħid biex l-aktar impressjona ruħu kemm dan Malta.
“Jien impressjonatni l-aktar is-sempliċità tal-poplu Malti. Il-ħolma li ta’ tifel kelli fil-kexxun kienet din li qed ngħix illum u nħossni ffortunat li l-kexxun tiegħi ippremjani li naħdem ma’ stazzjon li jlaqqgħani ma’ poplu bħal dan. Inħossni grat anki għal fatt li sibt ħafna Maltin li riedu jieħdu ritratt miegħi u anki xi firma tiegħi anki jekk minix plejer tal-futbol.”

Intervista
“A sense of can do”

Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras


Editorijal

Ommijiet weħidhom


Il Punt
Ħames bozozi
Christopher Cutajar




Emmanuel Micallef
Riħa tintenn tad-“W...C...”


Carmelo Mifsud Bonnici

Ambjent apprezzat minn pajjiż mibdul



X'kien Jgħid
Uno per tutti vs Tutti per uno



Wenzu Mintoff

Fil-Mater Dei
Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan