Carmelo Mifsud Bonnici | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68 Ambjent apprezzat minn pajjiż mibdul 1. Ngħixu f’pajjiż fejn m’hawnx riżorsi naturali għalina. Biss għandna ġabra kbira ta’ wirt arkitettoniku li m’hawnx ġżejjer oħra li għandhom bħalu. Is-sekli ħallewlna monumenti li numru kbir minnhom huma tal-livell ta’ wirt dinji. M’għandniex biss legati li ħakkiema barranin bnew b’idejn il-Maltin u l-Għawdxin li huma għad-disposizzjoni tagħna, imma wirt li ha parti mill-passi taċ-ċiviltà. Dan il-patrimonju, fortunatament mhuwiex mitluq, iżda tul dawn is-snin ġie ppreservat u ppreżentat aħjar mill-istat li kien fih qabel. Inbeda proċess li baqa’ għaddej kostantement. 2. Sfortunatament, il-ġenerazzjoni ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija kienu trabbew jaħsbu li l-antik għandek tneħħih, twaqqgħu u ma tikkunsidrahx. Dan sab lilu nnifsu fl-aħjar tiegħu taħt it-tmexxija ta’ 16-il sena Soċjalista. Kien hemm abbandun totali u disprezz ta’ dak kollu li kellu valur. Infiq mill-inqas, użu żbaljat ta’ dan il-patrimonju f’diskoteki u pixxini u non-kuranza tagħhom. Fortunatament, il-Partit Nazzjonalista biddel kompletament il-linja politika u ma ħalliex il-patrimonju mitluq iżda beda jiġi apprezzat. 3. Kien dan il-proċess li permezz tiegħu bdejna nifhmu li hu tajjeb fih innifsu li dan il-patrimonju jiġi preservat u li għandu sehem dirett x’jagħti lill-ekonomija tal-pajjiż. Illum nitkellmu u għandna turiżmu kulturali li jirnexxilu l-ħin kollu jirreġistra żidiet. Fortunatament tant għandna għad-disposizzjoni tagħna u tant dan il-wirt qiegħed viċin ta’ xulxin li għandna fuq naħa biex niftaħru u fuq in-naħa l-oħra għandna dmir ikbar li nieħdu ħsieb li nikkurawh. 4. Din il-ħidma ma kinitx waħda limitata għal żona partikulari f’dawn il-Gżejjer, iżda nfirxet kullimkien. Ġiebet ambjent aħjar u nbidlet mill-qiegħ il-kultura popolari. M’għandniex poplu li hu insensittiv għal dak kollu li għandna, iżda sar wieħed li mill-inqas niċċa sa l-ikbar monument jixtieq jarahom f’posthom, anzi lura għall-mument meta saru. Din hi esperjenza li rnexxielna nibdlu u dawn il-Gżejjer issa huma fuq it-triq it-twila li biha nistgħu naraw id-diversi monumenti li għandna fl-bliet u fl-irħula tagħna restawrati biex jiġbdu l-attenzjoni. 6. Il-Kottonera kienet fost il-postijiet li ggwadanjat minn dan l-isforz nazzjonali. Sar proġett dirett għat-Tlitt Ibliet biss, mingħajr postijiet oħra l-bgħid minna u dawn kienu azzjonijiet li permezz tagħhom bdejna nirriġeneraw sew il-bliet. Ma ħarisniex lejn belt waħda, iżda ħsibna kif nistgħu nintegrawhom aħjar. Proprju għalhekk li għandna ambjent li qiegħed jisbieħ bi żwieġ sostenibbli bejn l-ekonomija u t-turiżmu, in-negozju u l-palazzi u l-bini li ħallew ta’ qabilna. 7. Quddiem dan, anzi fuq din l-evidenza, il-poplu Malti u Għawdxi għandu jifhem li għandu f’idejh assi storiċi li huma mqiegħda f’idejn il-Gvern bħala kustodju tagħhom. Għalhekk hu determinanti min imexxi l-pajjiż. Determinanti għax inkella dan ir-ritmu jieqaf u jitbiel. Il-poplu jaf li kien il-Partit Nazzjonalista li ħa ħsiebhom, kabbarhom u tahom id-dinjità li qabel ma kellhomx f’qalbna. Biddel l-ambjent naturali u storiku tagħna li kull persuna tieħu gost li għandna. Dawn huma assi li aħna kburin bihom. Dan hu poplu li hu ferħan u li għandu u jrid li jkollu Gvern li għandu l-kredenzjali li dan il-proċess ikompli jsostnih u jressqu lejn tmiemu. Irid ikompli jkollu l-ambjent apprezzat f’pajjiż li jinbidel. |
Intervista
|
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan