MediaToday

Emmanuel Micallef | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68

Riħa tintenn tad-“W...C...”

Issa li kull partit approva l-manifest elettorali tiegħu mill-istrutturi interni tal-Partit m’hemmx aktar x’jagħmlu ħlief fil-ftit ġimgħat li baqa’ għall-elezzjoni ġenerali jwasslu l-proposti tagħhom lill-elettorat.
Il-manifest elettorali mhux xi ktieb biex il-partit joqgħod jiftaħar b’rixu. Imma huwa pjan jew programm ta’ ħidma li qed jitressaq għall-għażla tal-poplu li jrid jiddeċiedi l-futur tiegħu. Huwa d-dokument li l-partit, permezz tiegħu juri l-aġenda (mhux aktar moħbija) ta’ kif jista’ jaffettwa l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin kemm-il darba jitla’ fil-Gvern.
Minn issa ’l quddiem fuq dan għandhom jikkonċentraw il-partiti fil-kampanja elettorali tagħhom. Fl-imgħoddi kien jiġri li ħafna mill-programmi elettorali kienu jikkonsistu f’retorika li ddoqq tajjeb fil-widnejn ta’ l-elettorat iżda mingħajr dettalji jekk mhux ukoll f’ċerti waqtiet b’kitba ambigwa li tista’ tingħata iktar minn interpretazzjoni waħda. Biex imbagħad matul il-leġislatura wieħed ikun jista’ jiżfen skond id-diska!
Illum iċ-ċittadin jippretendi ferm iktar minn hekk. Mhux biżżejjed li l-manifest elettorali jenfasizza b’certa saħħa l-prinċipji u l-viżjonijiet tal-partit. L-iktar ħaġa li jfittex l-elettorat hija l-proposti konkreti li huma fattibbli u li japplikaw fid-diversi oqsma tal-ħajja taċ-ċittadin. Jekk il-manifesti elettorali qed jiġu ippubblikati bħala formalità f’kampanja elettorali, allura mhux se jilħqu l-għan tagħhom. Iktar u iktar din id-darba fejn l-elettorat se jibbaża l-għazla tiegħu fuq il-proposti li se jressqu l-partiti.
Mill-proposti li tħabbru s’issa mill-partiti diġa’ bdejna nitfixklu f’saqajn xulxin. Għadna ma smajniex bi proposta ċara li ma fiha l-ebda dubju dwar kif tista’ titħaddem, kemm se tiġi tiswa, x’impatt se tħalli u jekk għandniex verament ħtieġa tagħha. Kull proposta li ssemmiet s’issa ġabet magħha iktar mistoqsijiet milli tweġibiet jew ħolqot kontroversja sħiħa.
Bir-riżultat li l-elettorat iktar qed iħabbel rasu dwar x’mhux jintqal milli f’dak li qed jixxandar jew jitħabbar. Mhux biss il-proposti fihom xamma ta’ ingann iżda bosta esponenti tal-partiti li jitħajru jitkellmu dwar il-proposti mressqa mill-partit tagħhom stess qed ikomplu jħabblu l-kobba.
Niskanta kif ċerti kandidati jew uffiċjali tal-partiti jersqu quddiem il-pubbliku biex suppost jipperswaduh u minflok jispiċċaw joħorġu ta’ mażetta u jinqabdu li ma jkunux ippreparati. Bla ma jafu jkunu qed jagħmlu disservizz lill-partit tagħhom stess u flok iżidu fl-appoġġ jew almenu s-simpatija jkunu fil-fatt qegħdin ibiegħdu lill-elettorat milli jagħti kas ta’ dak li jkunu qegħdin jgħidu. Mhux qed nirreferi għal dawk li jbatu biex jikkomunikaw jew li m’għandhomx id-don ta’ l-oratorija effettiva. Qed nirreferi għal dawk li għandhom parola facile iżda meta jiġu għas-sustanza jispiċċaw qishom il-bramel vojta li jagħmlu biss l-istorbju!
Sa ġimgħa ilu kont qed naħseb li matul din il-kampanja kien se jirnexxielna noħolqu dibattitu serju dwar il-proposti u b’hekk l-elettorat kien se jkollu għodda tajba biex jagħmel l-aħjar għażla. Iżda matul il-ġimgħa li għaddiet bħal donnu erġajna waqajna fin-nassa li d-diskussjoni politika nirriduċuha għal waħda ċarlatana fejn iktar intlifna nitgħajru bejnietna milli nispjegaw sew l-ideat politiċi u kif dawn se jissarrfu fil-prattika. L-aħbarijiet fuq il-mezzi tax-xandir iktar qed jagħtu importanza dwar kemm il-mexxejja qed jaħarbu lill-ġurnalisti jew kemm-il darba qed jaħarbu l-mistoqsijiet. Mill-banda l-oħra bosta ġurnalisti jidhru li mhux huma qed jippreparaw il-mistoqsijiet, iżda l-istrateġisti tal-partit li huma s-sidien tal-istazzjon jew tal-ġurnal tagħhom, li qed jużawhom biex jakkommodaw l-istrateġija tagħhom. Minn dak li rajt matul il-ġimgħa li għaddiet wasalt għall-konklużjoni li l-partiti iktar moħħhom kif jibnu kampanja negattiva biex “tkisser lin-naħa l-oħra” milli biex tippromwovi l-pożittiv tal-partit tagħhom stess. Qed jagħmlu dan mhux il-partiti l-kbar biss iżda issa daħlu fiċ-ċirku l-partiti l-oħra wkoll.
Anke d-dibattiti fuq it-televizjoni qed ikunu neqsin mir-rispett lejn l-intelliġenza taċ-ċittadin u kultant qed jaqgħu f’assurdità ta’ repetizzjonijiet li ilna nisimgħu snin sħaħ mingħajr sens ta’ dibattitu profond u formattiv.
Bħal dak li qallu min ikun isegwi ma jafx jgħodd mill-wieħed sa l-għaxra! Mhux ta’ b’xejn li ħafna min-nies fit-triq iktar għoxew jitħattu dwar kif Mintoff irnexxielu jieħu rikba minn fuq il-PBS mid-dar tiegħu sa l-Evans Building milli dwar dak li qalu l-mexxejja tal-partiti waqt l-attivitajiet politiċi.
Oħrajn iktar kien moħħhom f’dawk iċ-ċittadini li għal xi raġuni jew oħra għazlu li joħorġu fil-pubbliku biex juru li ddeċidew ibiddlu l-alleanza tagħhom. Mhux qed ngħid li dawn ma jħallux effett għax kif jgħidu l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn! Iżda jien, u bħali hawn ħafna, iktar jinteressani x’se jiġri fil-qasam tax-xogħol, fl-edukazzjoni u fl-ambjent u x’bidla għandu bżonn pajjiżna milli x’iddeċidew li jagħmlu Said, Rossignaud, Woods u Cacopardo! Naturalment dawn bagħtu messaġġ u l-elettorat huwa intelliġenti biżżejjed biex jiżen u jifli l-imġiba tagħhom u jekk dawn humiex il-ftit minn ħafna jew humiex biss il-waħdiet. Żgur li x’qed joffru l-partiti huwa iktar importanti u ta’ priorità u l-kampanja elettorali m’għandhiex tieħu s-sura ta’ diskursata bejn erbat iħbieb waqt xarba fil-każin.
Wieħed jittama li fit-tliet ġimgħat li baqa’ ir-rankatura elettorali tieħu forma ta’ ġlieda bejn l-ideat, ta’ evalwazzjoni ta’ proposti konkreti u ta’ tollerranza ta’ l-opinjonijiet diversi. Wieħed jistenna li matul dan iz-zmien għandha tiżdied (u mhux tonqos) l-istima ta’ l-elettorat lejn il-politiċi li qed joffru s-servizzi tagħhom għal ġid tal-pajjiż. Dan ir-rispett jinkiseb kemm-il darba l-partiti jifhmu li l-elettorat mhuwiex in-ngħaġ ta’ Bendu.
Tkun ħasra kbira jekk id-deċiżjoni lil min se nivvotaw tkun ibbażata biss fuq x’riħa tinten kien hemm fiċ-ċaqliq ta’ Woods u Cacopardo... u oħrajn bħalhom mingħajr ma nagħtu widen ta’ x’hemm lest għalina... fil-Bidu Gdid meta Flimkien Kollox Possibli!

Intervista
“A sense of can do”

Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras


Editorijal

Ommijiet weħidhom


Il Punt
Ħames bozozi
Christopher Cutajar




Emmanuel Micallef
Riħa tintenn tad-“W...C...”


Carmelo Mifsud Bonnici

Ambjent apprezzat minn pajjiż mibdul



X'kien Jgħid
Uno per tutti vs Tutti per uno



Wenzu Mintoff

Fil-Mater Dei
Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan