Ittri | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68
Minn Saviour Sammut,
Ħal Safi
Biex aktar jikkonvinċuna kemm l-MLP u l-PN ta’ llum saru fula maqsuma issa li qed toqrob l-Elezzjoni telqulha għal sensiela ta’ wegħdi u qed jimpikaw bejniethom min se jwiegħed l-iktar biex jingħoġob l-iktar.
Nistħajjilhom żewġt itfal qed jiġġieldu għall-istess ħaġa u jekk ma jeħduhiex qisu wasal l-aħħar jum tad-dinja għalihom. Tassew li dawn iż-żewġ partiti għandhom storja li ttul għexieren kbar tas-snin. Iżda kont bdejt nittama li dawn se jimmaturaw daqstant li jibdew jimpikaw bejniethom fit-tajjeb li jistgħu jirrendu lill-pajjiż. Ma kellux ikun hekk.
F’dik li hija ħsara ambjentali, spekulazzjoni , tnaqqir ta’ green areas donnhom impikaw bejniethom waħda sew u ħallew lill-industrija tal-kostruzzjoni tiddetta fuq esiġenzi oħra sew ambjentali kif ukoll dawk ta’ saħħitna.
Fil-mod partiġġan li bih mexxew lil dan il-pajjiż, fil-ħatriet politiċi, fit-tħollija barra ta’ nies daqstant kwalifikati u kompetenti iżda li ma jappartjenux għaċ-ċrieki ristretti, fil-mod kif qasmu lil dal-ġens f’mentalità ta’ żewġ tribujiet, ma jirbħilhom ħadd.
Daqstant ieħor fil-monopolju li kkapparraw fil-mezzi nazzjonali tax-xandir billi ppustjaw nies li jakkomodaw l-aġenda politika tagħhom, is-sistema elettorali fejn rikbuha b’tali mod li jippruvaw jagħmluha kemm jista’ jkun diffiċli għal ħaddieħor li jidħlilhom fl-għalqa.
Fil-mod qarrieqi kif tiġi ffinanzjata l-magna propagandistika tagħhom fejn jidhru fid-deher l-intriċċi ta’ bejn l-industrija tal-kostruzzjoni u l-politika. Kif jista’ wieħed jibqa’ jkollu fiduċja f’dawn iż-żewġ partiti jekk ma jridx li jgħodd lilu nnifsu b’kompliċi ma’ din il-prattika ħażina tal-mod kif inħaddmu l-ħajja politika f’pajjiżna? Kulmin, quddiem dan il-ħażen kollu jagħlaq fommu u għajnejh ma jistax jitqies ħlief kompliċi ma’ dan il-ħażen innifsu.
Żgur li l-elettorat Malti ma jistax jibqa’ jġib l-iskuża li ma kellux għażliet oħra, li quddiemu kellu jagħzel bejn l-inqas ħażin minn fost it-tnejn. Alternattiva Demokratika bir-rappreżentantza tagħha fil-Parlament jekk mhux ukoll f’koalizzjoni ta’ Gvern bħalma jeżisti f’ħafna pajjiżi Ewropej oħra, żgur li se tkun attenta biex iġġib il-vera bidla li dan il-pajjiż tixraqlu, mhux bidla kosmetika ta’ għassiesa tal-poter, minn tim blu għal tim blu ieħor, jew minn tim blu għal tim tewmi aħmar, iżda bidla ta’ prattika politika fejn il-meritokrazija tibda tieħu post in-nepotiżmu, fejn jissikkaw il-brejkijiet fuq iżjed żvilupp bla sens ta’ art agrikola.
Dan biss jista’ jfejjaq il-mard li beda jikkankra lil dan il-pajjiż, li twikka b’mexxejja li ħalltu l-partit mal-pajjiż li suppost kienu qed imexxu, li iċċensuraw u warrbu għal kollox lil min ipprova jikkritika l-mod li bih kienu qed imexxu.
Bis-sehem tagħna lkoll, dan il-proġett għal ġejjieni aħjar, għal uliedna u għall- ġenerazzjonijiet futuri, jista’ jirnexxi minn hawn u ftit ġranet oħra. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|