Ittri | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68
Minn Eddy Privitera,
Mosta
Wieħed mill-Billboards li tpoġġew mill-PN madwar Malta u Għawdex jgħid li “Kieku għaddiet tal-Labour flusek kienu jiġu jiswew 10 fil-mija anqas”.
Tajjeb li wieħed l-ewwel ifiehem fil-qosar xi tfisser “żvalutazzjoni”. Żvalutazzjoni tfisser li tonqos is-saħħa tal-flus li jkollok fil-but. Fi kliem ieħor, bl-istess ammont ta’ flus li jkollok qabel ma tkunx tista’ tixtri l-istess ammont ta’ prodotti jew servizzi li kont tixtri jew tagħmel użu minnhom qabel.
Kulħadd jammetti ħlief għal xi ftit li l-għamad li għandhom quddiem għajnejhom ma jħallihomx jammettu l-verità – li l-introduzzjoni ta’ l-ewro diġà ġabet magħha għoli mhux ġustifikat fil-prezz ta’ diversi prodotti u tista’ tgħid fuq is-servizzi kollha.
Dan ammettietu saħansistra l-Kap tar-Rappreżentanza ta’ l-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Joanna Drake, li żgur ħadd ma jista’ jakkużaha li għandha xi aġenda politika kontra l-Gvern Nazzjonalista.
Ta’ kuljum naqraw stejjer ta’ żidiet li żgur ħadd ma jista’ jgħid li dawn iż-żidiet huma kkawżati minn xi żieda li ġiet minn barra. Lanqas għax għolew iċ-ċereali! Fost il-ħafna stejjer li qrajt, anki f’dan il-ġurnal, sibt dawn:
Student kien imjur jittrenja f’gym f’lukanda f’Bugibba. Sa Diċembru 2007 kien iħallas Lm76 (€177.03). Minn Jannar 2008 intalab iħallas €200 għad-dritt (Lm85.86) Jiġifieri €23 jew Lm10 aktar minn qabel. Li jfisser żieda ta’ 13 fil-mija. Mela dan l-istudent sofra żvalutazzjoni ta’ 13 fil-mija biex imur il-gym wara li daħlet l-ewro!
Tifel kien imur jilgħab il-Billiard f’kumpless turistiku f’San Ġiljan. Sa Diċembru 2007, biex jilgħab kien irid jitfa token (speċi ta’ munita) li kienet tiswa Lm0.25 (€0.58). Issa, wara li daħlet l-ewro, min imexxi dan il-kumpless ġietu idea brillanti kif jgħolli l-prezz waqt li taparsi jidher li l-prezz tat-tokens raħas ’l isfel għad-dritt! X’għamel? Il-prezz tat-tokens li kienu jiswew €0.58-il waħda sa Diċembru, niżżlu ’l isfel għal €0.50 (Lm0.21).
L-ewwel ħsieb li jiġik hu l-prezz roħos! Iżda biex it-tifel ikun jista jilgħab il-billiard din is-sena jrid jitfa’ żewġ tokens – jiġifieri €1 (żewġ tokens ta’ €0.50-il waħda). Dan ifisser li l-prezz għola minn Lm0.25 għal Lm0.43 (€1) għad-dritt! Dan it-tifel mela sofra żvalutazzjoni ta’ 72 fil-mija biex jilgħab il-billiard din is-sena wara li daħlet l-ewro.
Iżda l-isbaħ storja sibtha f’din il-gazzetta stess ta’ l-20 ta’ Jannar. Il-UHM għolliet il-miżata tal-membri tagħha din is-sena, minn Lm1 (€2.33) għal €2.50 (Lm1.07) għad-dritt. Meta lis-Segretarju Ġenerali tal-UHM ġibdulu l-attenzjoni għal din iż-żieda, skond l-istorja ta’ Illum, hu wieġeb li kienu se jgħollu l-miżata aktar minn hekk iżda ddeċidew li jniżżluha l-isfel għad-dritt għal €2.50! Din il-miżura, li skond Gejtu Vella “irrawndjawha ’l isfel”, xorta se tfisser dħul aktar ta’ Lm23,000 jew €53,575 fis-sena! Din il-miżura wkoll tfisser żvalutazzjoni ta’ 7 fil-mija għal membri tal-UHM fil-ħlas li jridu jagħmlu għall-miżata.
Mela allura issa kulmin ikun irid jgħolli l-prezz tal-prodotti jew is-servizzi tiegħu jista’ juża l-istess argument jew skuża, jgħid li hu kien se jgħolli l-prezz aktar iżda ddeċieda li “jirrawndja l-prezz ’l isfel”, għalkemm xorta waħda l-prezz ikun għollieh ’il fuq minn kif kien qabel!
Diġà ktibt li soffrejt żvalutazzjoni ta’ 20 fil-mija meta issa mmur naqta’ il-ftit xagħar li għandi u 41 fil-mija żvalutar meta mmur għand it-tabib. Tajt dawn il-ftit eżempji biex ħadd ma jħalli lill-propogandisti tal-PN ibeżżgħuh b’xi żvalutar li qatt ma seħħ taħt Gvern Laburista. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|