Intervista | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68
Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras
M’intix se tara wiċċu fuq il-billboard tal-Partit Nazzjonalista li identifika lil dawk il-kandidati Laburisti li ilhom jimmilitaw fil-politika. Alex Sciberras hu wieħed mill-uċuh ġodda tal-MLP.
Minkejja li għad għandu biss 25 sena ilu sindku ta’ l-Imsida mill-2006 u jirrappreżenta ġenerazzjoni ġdida ta’ politiċi rari li jimmiltaw f’partit minħabba t-tiswir ideoloġiku tagħhom u mhux għall-konvenjenza personali. Tallinqas dik hi l-impressjoni li nieħu meta niltaqa’ miegħu.
L-ewwel involviment politiku ta’ Sciberras kien bħala student mal-Moviment Graffitti u ftit wara ssieħeb mal-għaqda taż-żgħażagħ ta’ Alternattiva Demokratika. Jitbissem meta nistaqsih kif persuna bħalu li beda l-karriera politika ma’ movimenti radikali u mhux konformisti jista’ jsib ruħu komdu f’partit kbir li fi ħdanu jiġbor numru ta’ kontradizzjonijiet bħal meta jrid isib bilanċ bejn l-ambjentalisti u l-kuntratturi, il-kaċċaturi u dawk li jixtiequ li l-kaċċa tieqaf biex ikunu jistgħu jgawdu l-kampanja mingħajr xkiel.
“Iż-żmien li għamilt fil-Graffitti u l-Alternattiva Demokratika kien wieħed ta’ tagħlim politiku għax f’dawn l-għaqdiet l-ideoloġija tingħata importanza kbira. Madankollu kont sorpriż meta ngħaqqadt mal-Partit Laburista għax sibt il-libertà kollha biex nitkellem u nwassal dak li nemmen fih jien fl-istrutturi kollha tal-partit. Qatt ma kelli lil xi ħadd mill-partit jagħmilli pressjoni fuq x’għandi ngħid jew nagħmel lanqas bħala sindku.
“Hu ovvju li partit kbir ikollu ħafna vuċijiet. Dejjem kelli ċ-ċans li mmexxi l-ideat tiegħi anki jekk mhux dejjem qbilt ma’ kull deċiżjoni li ttieħdet. Hekk titlob id-demokrazija. Illum l-MLP hi d-dar naturali tiegħi,” jenfasizza Sciberras.
Dwar il-billboard tal-PN li jiddeskrivi lill-MLP bħala partit li mhu joffri xejn ġdid għax għandu l-istess uċuh bl-istess ideat ta’ snin imgħoddija, Sciberras itenni li l-MLP għadda minn proċess ta’ ristrutturar. “Anki jekk l-uċuh li qed jippreżenta l-MLP mhumiex kollha ġodda, nemmen li għandna l-aħjar taħlita bejn esperjenza u demm ġdid fil-qafas ta’ politika li qed tirrispondi għall-ħtiġijiet tan-nies.”
Il-pern tal-politika tal-partit hi ‘l-bidla’. Nistaqsih jekk il-bidla li qed jitkellem dwarha l-MLP tfissirx biss bidla maniġerjali fil-mod kif jitmexxa l-pajjiż u allura mingħajr ruħ ideoloġika.
“Irridu bidla fil-mod ta’ kif issir il-politika għax hemm numru ta’ sfidi fil-qasam edukattiv, fil-qasam ambjentali, f’dak ekonomiku u dak soċjali li ma ġewx indirizzati. Il-bidla mhix biss waħda maniġerjali għalkemm f’din l-elezzjoni l-kwistjoni tal-governanza tajba hi importanti ħafna. Meta l-MLP jitkellem fuq iktar effiċenza fit-tħaddim tal-flus pubbliċi u t-tnaqqis tal-ħela jfisser ukoll iktar flus f’idejn il-Gvern biex ikun jista’ jimplimenta l-politika soċjali tiegħu.
“Imma iktar minn hekk aħna rridu nkunu gvern ta’ opportunitajiet għal kulħadd, iktar u iktar għaż-żgħażagħ ħalli nnislu a sense of can do. Irridu persuni li jemmnu f’pajjiżhom biex il-kwalità tal-ħajja tkompli titjieb. Imma se nkunu wkoll Gvern iktar soċjali.
“Mhix se tkun sempliċi bidla ta’ uċuh f’min jamministra l-pajjiż iżda kull bidla mhux bilfors tkun waħda radikali. Qed nipproponu bidla fil-mod ta’ kif naffrontaw problema.”
Isemmili bħala eżempju l-proposta tar-reception class bejn il-kinder u l-ewwel sena tal-primarja.
“Fl-edukazzjoni hemm nuqqasijiet kbar. Hemm problema ta’ illitteriżmu, ta’ studenti li joħorġu kmieni mis-sistema edukattiva, li ma jafux jużaw in-numri u l-kompjuters. Biex nindirizzaw din il-problema qed nipproponu reception class ħalli l-problemi fil-qasam edukattiv naqbduhom kmieni. B’hekk inkunu qed nagħtu ċans ikbar lil tfal ta’ bejn l-erba’ u l-ħames snin jirnexxu.”
Inwaqqfu fin-nofs u nfakkru li l-union tal-għalliema (MUT) ħarġet b’lista ta’ mistoqsijiet kritiċi u pertinenti dwar din il-proposta Laburista.
“Il-bidla ma tistax titwettaq mil-lum għal għada imma li qed ngħidu hu li aħna lesti ninvestu bħala gvern fondi kbar biex intejbu l-edukazzjoni. Nemmnu li r-reception class tista’ tgħin biex titjieb is-sistema edukattiva u allura se nkunu kommessi li npoġġu r-riżorsi neċessarji biex din titwettaq b’suċċess. Qed inħarsu fit-tul u hemm bżonn li nibdew nippjanaw fit-tul,” isostni.
Jekk fl-edukazzjoni l-MLP qed jippjana fit-tul mhux l-istess jista’ jingħad dwar l-enerġija u l-ispiża tagħha fuq il-konsumatur. Il-proposta biex is-soprataxxa titnaqqas bin-nofs fl-ewwel ġimgħa ta’ Gvern Laburista ma tħarisx fit-tul, anzi tippremja lil min jaħli bl-istess mod bħal min jibża’ għall-elettriku.
“Jista’ jagħti każ li meta titnaqqas is-soprataxxa jiżdied il-konsum għax in-nies taħli iktar imma fil-politika jrid ikollok il-prijoritajiet. Din miżura li se tittieħed mill-ewwel biex tħaffef il-piż finanzjarju minn fuq il-familji li qed isibuha diffiċli jaslu bil-paga sa l-aħħar tax-xahar.
“Imma mill-esperjenza tiegħi meta nżur il-familji ma tantx nieħu impressjoni li hawn min irid jaħli l-elettriku għax kulħadd konxju mill-piż finanzjarju. Wara kollox it-tariffi tal-konsum illum diġà huma strutturati biex min jaħli iktar iħallas iktar.
“Iżda l-MLP qed jgħid ukoll li lest jinvesti fl-enerġija minn sorsi alternattivi u allura se nkunu qed inħarsu wkoll fit-tul,” jgħid Sciberras.
Naqbadlu fuq il-proposta l-oħra ewlenija, dik tat-tneħħija tat-taxxa minn fuq is-sahra. Din il-miżura ftit li xejn se jkollha impatt fuq medda kbira tal-klassi medja li fl-aħħar mill-aħħar se tkun hi li tiddeċiedi fejn se jxaqleb il-miżien elettorali. Ħafna nies b’paga medja ma jitħallsux tas-sahra għax din tkun inkluża fil-paga.
“Ma naqbilx miegħek li medda kbira tal-klassi medja mhux se tintlaqat għax hemm faxxa sħiħa ta’ nies li jaħdmu s-sahra. Imma għal darb’oħra hi kwistjoni ta’ prijoritajiet politiċi. Din il-miżura se tgħin biex nies li jiddependu fuq is-sahra ħalli jkabbru d-dħul tagħhom ikollhom iktar flus fil-but. Se nkunu qed ngħinu lil min hu batut. Hi wkoll inċentiv biex min irid, speċjalment fil-manifattura, ikun jista’ jaħdem iktar. Se tgħin biex is-sahra mhux dikjarata toħroġ fil-beraħ u tinċentiva lil min sa llum ipprefera li ma jagħmilx sahra għax jinqabad b’iktar t-taxxa biex jagħżel li jaħdem iktar...”
Nerġa’ nwaqqfu f’diskorsu. Fuq naħa l-MLP qed jgħid li l-miżura tas-sahra se tgħin biex persuna taħdem iktar u fuq naħa oħra qed jipproponi li titreġġa’ lura d-deċiżjoni tal-festi pubbliċi li ma jiżdidux mal-leave ħalli l-ħaddiem igawdi iktar ħin ħieles mal-familja. Din mhux kontradizzjoni?
“Le. Il-leave kien dritt tal-ħaddiem li ttieħed mingħajr ma ħalla impatt fuq l-ekonomija. Il-ħaddiem ma kellux għażla f’dik id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra minkejja l-inċentiv tas-sahra li se jkun qed idaħħal Gvern Laburista, il-ħaddiem se jibqa’ bid-dritt tal-għażla jekk jagħmilx sahra jew le.”
Il-wegħda tal-Prim Ministru li jerġa’ jwessa’ l-faxex tat-taxxa biex kważi kulħadd ħlief dawk bi dħul ta’ €60,000 ikun qed iħallas l-ogħla rata ta’ 25 fil-mija niżlet għasel ma’ ħafna fil-klassi medja. Għal dawn in-nies, li mhux bilfors se jaraw iktar flus fil-but bil-proposta tas-sahra tal-MLP, x’inċentiv għandhom biex jivvutaw lill-Partit Laburista?
Sciberras ma jdumx jogħmodha. “L-MLP qed jisħaq u jwiegħed iktar value for money u titjib fis-servizzi li jagħti l-Gvern. Pereżempju rridu nnaqqsu l-listi ta’ stennija fl-isptar u nimplimentaw miżuri biex niżguraw li proġetti pubbliċi jitlestew fil-ħin u skond il-baġit miftiehem. Gvern iktar effiċenti jfisser li min qed iħallas it-taxxa se jara li flusu qed jintefqu b’mod tajjeb u biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.
“Iżda niddejjaq li l-politika tirriduċi ruħha qisha xi kaċċa għall-voti sempliċiment b’enfasi fuq kemm se jinqatgħu taxxi. Bħala partit ilna li tkellimna dwar it-tnaqqis tas-soprataxxa u t-tneħħija tat-taxxa minn fuq is-sahra u kienu intenzjonati speċifikament biex jagħtu nifs lill-familji li f’dawn l-aħħar snin ħassew il-piż tat-taxxi jagħfas. Kien biss issa li l-PN ġie u ħabbar dan it-tnaqqis kbir fit-taxxa fuq id-dħul.”
Il-manifest tal-MLP jitkellem fuq it-twessigħ tad-definizzjoni tal-familja b’tali mod li jkunu rikonoxxuti d-drittijiet u l-obbligi individwali tal-persuni f’relazzjoni li ma taqax taħt il-kappa ta’ familja tradizzjonali. Dan se jkun ifisser pass ’il quddiem għal koppji li jikkoabitaw, persuni gay f’relazzjoni stabbli u forom oħra ta’ familji. Madankollu dak li qed jipproponi l-MLP mhuwiex progressiv biżżejjed għax ir-relazzjoni fiha nnifisha tal-koppja mhux se tkun rikonoxxuta. Nistaqsi lil Sciberras għalfejn dan il-pass ta’ nemla meta seta’ sar pass ta’ ġgant.
“Il-bidla li qed nipproponu hemm bżonn tkun waħda kalma u trankwilla. Ma rridux rivoluzzjoni. Dak li qed nipproponu fil-qasam tal-familja diġà hu pass ta’ kuraġġ. Apparti li se nkunu qed nindirizzaw id-drittijiet ta’ l-individwi f’dawn ir-relazzjonijet se nkunu qed noffru wens lit-tfal li joħorġu minn dawn il-familji.
“Nistgħu nmorru pass ’il quddiem imma fuq kwistjonijiet morali ma naħsibx li l-Gvern għandu jimponi.”
Ma nifhimx l-aħħar argument għax b’mod limitat diġà l-Gvern se jkun qed jimponi meta jilleġisla biex jirrikonoxxi d-drittijiet ta’ l-individwi li jiffurmaw familji mhux tradizzjonali.
“Meta tiltaqa’ man-nies tinduna li hawn realtà fejn għad mhux żgħir ta’ familji mhumiex ibbażati fuq il-mudell tradizzjonali. Dawn il-familji wkoll qed jindukraw lit-tfal. F’dan il-kuntest għandna obbligu li nindirizzaw il-problemi li qed jiffaċċaw,” iwieġeb Sciberras.
Fuq l-istess tema nistaqsih għalfejn l-MLP ma jipproponiex id-divorzju fil-manifest.
“Nemmen li wasal iż-żmien li titqanqal diskussjoni serja dwar id-divorzju. Personalment naqbel li għandu jidħol imma m’għandux ikun il-Gvern li jinstiga d-diskussjoni. Bejn l-1996 u l-1998 il-Gvern waqqaf kummissjoni biex tistudja fost l-oħrajn l-introduzzjoni tad-divorzju. Kien attentat biex jitqanqal dibattitu fuq is-suġġett għax kienet tinħass il-ħtieġa mis-soċjetà ċivili.
“L-MLP hekk qed jerġa’ jgħid. Jekk jitqanqal id-dibattitu mis-soċjetà ċivili l-Gvern ikun lest li jiftaħ id-diskussjoni. Li għandek partit li qed jgħid li hu lest jiddiskuti diġà hu pass ’il quddiem. Imma nista’ niżgurak li fuq moħħ il-maġġoranza kbira tan-nies mhemmx il-kwistjoni tad-divorzju imma l-għoli tal-ħajja u kif se jlaħħqu sa l-aħħar tax-xahar bil-paga tagħhom.”
Qabel ma nitlaq nistaqsi lil Sciberras jekk jemminx li l-MLP se jirbaħ l-elezzjoni. Ma jaħsibhiex, imma kliemu hu meqjus.
“Konvint li se nirbħu anki għax jinħass sentiment ġenerali favur il-bidla. Hemm bżonn ngħaddu mill-politika antikwata għal waħda ġdida, lejn politika fejn... iva, flimkien kollox hu possibbli. Irridu u se nkunu Gvern inklussiv b’politika li tmur lil hinn mill-klikek.”
Ma jsemmiliex l-Ewropa. Nistaqsih jekk l-MLP hux komdu bl-isħubija.
“L-aħħar konferenza ġenerali tagħna wriet biċ-ċar kemm aħna komdi fl-UE. L-MLP qatt ma kien kontra l-UE. Kien jgħid li ż-żmien li kellu jieħu pajjiżna biex jissieħeb kellu jkun itwal. Imma llum id-dibattitu fuq dan hu bla bżonn. Lanqas m’hemm diskussjoni fuq il-pakkett negozjat kif qed jippruvaw ipinġuha n-Nazzjonalisti.
“L-UE hi soċjetà fejn wieħed ipoġġi madwar mejda u jitkellem. Il-Partit Laburista japprezza l-ġid li jista’ jinħoloq bl-isħubija u se jkun lest jimpenja ruħu biex dan jasal għand kulħadd. Imma qed ngħidu wkoll li madwar il-mejda tad-diskussjoni se nkunu qed niddefendu l-interessi tal-pajjiż. Fl-aħħar mill-aħħar, anki bir-riżultat ta’ l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew fl-2004, jidher li l-poplu xtaq li jissieħeb ma’ l-UE imma bil-Partit Laburista fit-tmun għax jaf li nistgħu nkunu aħjar fuq livell Ewropew.”
L-intervista tintemm hemm u aħna u ħerġin mill-bini lil Sciberras iwaqqfu raġel u jitolbu jiffirmalu fuq il-business card qisu xi attur jew plejer tal-futbol famuż. Viżibbilment imbarazzat Sciberras idur lejja u jgħidli: “Din qatt ma ġratli.”
Min jaf hux sinjal ta’ kif l-elettorat se jilqa’ lil dan il-kandidat żagħżugħ meta jmur jivvota minn hawn u ġimagħtejn oħra? |
|
Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|