Il Punt - Christopher Cutajar | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68
Wara li nhar it-Tlieta li għadda l-Prim Ministru stqarr li jekk jerġa’ jkun elett, jieħu f’idejh il-Ministeru ta’ l-Ambjent biex, skond kif qal hu, ineħħi kull “dell” jew irregolaritajiet “remoti” li jista’ jkun hemm fil-MEPA, kompla jikkonferma dak li dejjem ħsibt.
Kompla jikkonferma li l-Ministri li għandu madwaru huma bla sinsla u ma jafux jaqbdu l-barri minn qrunu.
Peress li nhar it-Tlieta l-Prim Ministru Demokristjan ta’ Malta kien f’muża mdawla biex iżewwaq diskorsu, għoġbu joħroġ b’din li jagħti ħames bozoz (li ma jaħlux dawl daqs dawk li nixtru s-soltu), lil kull familja f’Malta u f’Għawdex. Biex inkun kontabbli, jien se nistqarr minn issa kif se nuża dawn il-bozoz ġaladarba jaslu fid-dar fejn noqgħod. Ħalliha li jien ma rridhom jaslu qatt. Imma jekk jaslu nużahom hekk.
L-ewwel bozza nixgħelha fuq il-Partit Nazzjonalista li jemmen li għandu d-dritt divin li jmexxi lil dan il-pajjiż. Li jtella’ billboards fit-triq li juru lil Gonzi fl-istess qagħdiet li l-Korea tat-Tramuntana tqiegħed lill-Kim Il Sung u lil ibnu Kim Yong Il, f’vena ta’ kult tal-personalità li tfakkarni fir-ruxxmata busti, monumenti u stampi li rajt fl-Ażerbajxan is-sajf li għadda, jigglorifikaw lil Heydar Aliyev.
Dan ma tgħidx li Gonzi ġab l-Indipendenza ta’ Malta jew waqqaf ir-Repubblika Maltija. Jew saħansitra ġab il-Ħelsien ta’ Malta billi keċċa lin-NATO u lill-imperjalisti Ingliżi minn pajjiżna. Kulma għamel hu li wiret bomba se tisplodi, mingħand dak li għoġbu jżanżan il-Palazz ta’ San Anton, ma jmurx ma jlaqqatx il-borma sal-qiegħ.
It-tieni bozza nixgħelha fuq l-uċuh tal-Ministri Nazzjonalisti, li fit-22 sena li ilni ħaj kelli narahom kuljum fuq it-televixin jiftaħru bl-għeġubijiet kbar li qed jagħmlu. Dawk li jaħsbu li jagħmlu x’jagħmlu dejjem jistgħu iġibuha żewġ. Ta’ bankina, wieħed minnhom ħa €871.95 (Lm374.33) għal kull metru kwadru li b’kollox jitilgħu għal €163,056.14 (Lm70,000) b’kollox. L-ieħor jagħti l-kuntratt lil min hu fi sħab miegħu biex jibni mill-ġdid pont li sakemm ilestuh se jkun diġà qdiem. Ieħor, l-ewwel wera ruħu r-Renegade tal-PN, biex imbagħad aċċetta li joqgħod konsulent privat ta’ l-istess persuna li kellu xi jgħid magħha. Mhux se nsemmi aktar, għax lanqas iz-zkuk ta’ l-Amazonja ma jservuni biex nistampa din il-lista li kont għadni biss tħajjart nibda.
It-tielet bozza nixgħelha fuq dawk li baqgħu jappoġġaw lill-Partit Nazzjonalista sa llum u b’saħħa kbira tant li jekk tikkritika xi ħaġa f’dan il-pajjiż jgħodduk b’pessimist, bniedem mudlam u jitħajru wkoll iniżżluk fil-lista ta’ l-injoranti u l-ingrati lejn il-“ġid kbir” li wettaq dan il-Gvern Demokristjan. Bid-dawl tal-bozza ġo wiċċhom nistaqsihom: Kif tifilħu tibqgħu tappoġġaw dan il-partit li kemm ilu fil-Gvern ħlief juri d-debba u jqabbeż il-ħmara lill-poplu m’għamilx?
Ir-raba’ bozza nixgħelha fuq wiċċ iż-żgħażagħ Maltin biex nara fihom ir-rieda tal-bidla fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. Irridu l-bidla għaliex wara li kien hemm partit li tana l-opportunità li nsiefru fuq safra Ewropea b’anqas xkiel, jew inkella naqqsilna l-ostakli biex naħdmu f’pajjiżi Ewropej, qalb ħafna tlellix u rebbigħat ġodda, l-istess partit għoġbu jkompli jnaqqas l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’pajjiżna, għoġbu jġib aktar impjiegi bil-kuntratt definit (per eżempju għal sitt xhur biss) jew part-time f’pajjiżna.
Il-ħames bozza nixgħelha fuq proposti li bis-serjetà jagħtu nifs lill-klassi tal-ħaddiema, biex jitnaqqsulha l-piżijiet. Proposti li ma jurux ruħhom bla saħħa quddiem il-mewġ li ġej minn barra u dak li diġà għandna fuq ġewwa, iżda minflok jintefgħu quddiemu biex itaffu l-qawwa tiegħu.
Is-surcharge: iż-żejt qiegħed m’għola s-sema imma l-ħaddiem ma jaħtix li kellu Gvern li qagħad jeħodha kontra l-hedging biex jilgħabha tal-bravu. Għalhekk għandha titnaqqas is-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
L-overtime: il-ħaddiem spiċċa bilfors irid jaħdem l-overtime biex ilaħħaq mal-ħajja. Għalhekk għandha titneħħa t-taxxa fuq l-overtime. Biex nagħmlu l-ewwel pass biex naslu lura għas-sitwazzjoni li bil-paga bażika biss tkun tista’ tlaħħaq mal-ħajja.
L-edukazzjoni: bħalissa lit-tfal Maltin irriduhom isiru ġenji f’sekonda, b’sistema edukattiva klassista, elitista u li sa mill-bidu tilgħab il-logħba tal-ġudizzju universali u tarma tifred it-‘tajbin’ mill-‘ħżiena’. Għandu jkollna sistema li ma tarax kif tħalli barra iżda minflok tagħmel minn kollox biex iddaħħal ġewwa fiċ-ċirku tal-għarfien tajjeb tal-kitba, il-qari u l-użu tan-numri lit-tfal Maltin u Għawdxin. Għalhekk sena skolastika oħra qabel il-Primarja biex il-pedamenti jkunu taż-żonqor.
U malli l-ħames bozoz jinxtegħlu kollha, nerġa’ nirrealizza għal darba oħra li dak il-partit li tela’ fil-Gvern bl-għajta ta’ ‘Xogħol, Ġid, u Serjetà’, spiċċa ħalla warajh pajjiż jaffaċċa sfidi ta’ qgħad u kundizzjonijiet medjokri tax-xogħol, ta’ aktar nies jgħixu taħt il-linja tal-faqar u ta’ pajjiż li l-‘s’ ta’ serjetà lanqas għadu jaf ilissinha. Is-swiċċ qiegħed f’idejna!
Christopher Cutajar hu attivist fil-qasam soċjali u politiku |
|
Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|