MediaToday

Editorjal | 17 ta’ Frar 2008 Nr 68

Ommijiet weħidhom

Ma nistgħux nibqgħu ċassi bħala soċjetà quddiem il-fenomenu dejjem jiżdied ta’ trabi li jitwieldu lil ommijiet weħidhom.
Li fl-2007 kien hemm iktar minn 700 tarbija li twieldu f’dawn iċ-ċirkostanzi jfisser li jista’ jkun hawn iktar minn 700 mara f’periklu ta’ faqar.
Ftit huma n-nisa li jagħżlu li jrabbu lil uliedhom weħidhom b’kapriċċ. Mhi faċli la għat-tarbija u wisq inqas għall-omm. L-Istat għandu jindirizza dan il-fenomenu b’kumpassjoni u b’impenn ħalli dawn l-ommijiet jingħataw il-possibbiltà jqumu fuq saqajhom mingħajr il-ħtieġa li jibqgħu jiddependu fuq is-servizzi soċjali għat-tul.
Jekk hemm min qed jabbuża mis-servizzi soċjali billi b’konvenjenza jiddikjara ‘father unknown’ minkejja li l-omm xorta tkun qed tgħix mal-missier allura l-id iebsa għandha taqa’ fuq min qed jabbuża. Imma żgur mhux il-każ li l-ommijiet kollha weħidhom qed jabbużaw mis-sistema. Apparti dan irridu nagħmlu żgur li s-sistema ta’ għajnuna fiha nnfisha ma tkunx qed timbotta lin-nies lejn l-abbuż.
Is-soluzzjonijiet iebsa nieqsa mis-sensittività għad-diffikultajiet ġenwini li jgħaddu minnhom ommijiet weħidhom li qed imexxi ’l quddiem Josie Muscat idarrsuna.
Id-diskors ta’ Muscat jinftiehem daqslikieku kull omm weħidha iddeċidiet li jkollha tarbija ħalli ssir sangisug fuq is-servizzi soċjali.
Mhux se nsolvu l-problemi finanzjarji tal-pajjiż billi nistigmatizzaw sezzjoni żgħira ta’ nies vulnerabbli.
Jeħtieġ nistaqsu għalfejn qed ikollna dan il-fenomenu. Ma rridux ngħaddsu rasna taħt ir-ramel. Illum iż-żgħażagħ sa minn età żgħira qed ikollhom relazzjonijiet sesswali. Inutli nibqgħu nħambqu kontra din ir-realtà. Teżisti u rridu naraw x’se nagħmlu biex narmaw lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna bl-informazzjoni kollha dwar is-sesswalità, ir-responsabbiltà u l-użu tal-kontraċettivi.
L-aċċess għall-media
It-tensjoni tal-kampanja elettorali tinħass sew mhux l-inqas fost il-ġurnalisti li jirrappurtaw l-attivitajiet politiċi taż-żewġ mexxejja ewlenin.
Ma tagħmilx sens li l-ġurnalisti ma jitħallewx jistaqsu fuq dak li jridu. F’kampanja elettorali fejn l-attivitajiet qed jiġru kuljum il-media għandha l-obbligu lejn l-udjenza tagħha li tistaqsi fuq dak li jidhrilha anki jekk il-mistoqsijiet ma jkunux dwar is-suġġett magħżul mill-politiċi.
Din il-ġimgħa kellna żewġ sitwazzjonijiet patetiċi. Fl-ewwel każ kellna lil Simon Busuttil iwaqqaf lil Charlon Gouder milli jistaqsi lil Lawrence Gonzi dwar Jesmond Mugliett għax is-suġġett magħżul kien l-ambjent. L-aġir ta’ Busuttil żgur ma jirriflettix l-ispirtu Ewropew li tant iġġieled għalih.
It-tieni każ kien meta persuna li tikkoordina l-attivitajiet fuq barra ta’ Alfred Sant ipprova jwaqqaf lil Lou Bondì milli jistaqsi dwar is-soprataxxa f’konferenza li ittrattat iċ-ċentri tas-saħħa.
Anki jekk Bondì qatt ma qajjem kjass f’xi attività organizzata mill-PN, l-aġir tal-MLP kien wieħed patetiku.
Sfortunatament il-partiti politiċi huma mwerwra mill-kameras tat-televiżjoni tagħhom stess. Kull darba qed ikollna sitwazzjoni stupida fejn il-camera persons taż-żewġ stazzjonijiet politiċi jispiċċaw jiffilmjaw lil xulxin għax mhux jafdaw lil tan-naħa l-oħra.
Hu ta’ dwejjaq li l-aċċess għall-mexxejja politiċi f’din il-kampanja elettorali hu ristrett ħafna għax l-attivitajiet qed ikunu ikkontrollati mill-bidu sa l-aħħar.
Il-ġurnalist għandu funzjoni importanti f’kampanja elettorali biex iwassal l-informazzjoni u l-analiżi lin-nies u jistaqsi lill-politiku fuq dak li jidhirlu hu.
Nistennew iktar maturità miż-żewġ partiti l-kbar u l-istazzjonijiet televiżivi rispettivi tagħhom.
Min-naħa tagħna ma nħossu l-ebda obbligu li nżommu mas-suġġett li jagħżlu l-politiċi.

Intervista
“A sense of can do”

Kurt Sansone jintervista lil Alex Sciberras


Editorijal

Ommijiet weħidhom


Il Punt
Ħames bozozi
Christopher Cutajar




Emmanuel Micallef
Riħa tintenn tad-“W...C...”


Carmelo Mifsud Bonnici

Ambjent apprezzat minn pajjiż mibdul



X'kien Jgħid
Uno per tutti vs Tutti per uno



Wenzu Mintoff

Fil-Mater Dei
Il-ħafna kontroversji li tberfel u tħabbel fihom il-Mater Dei ma kinux fuq jekk dan l-isptar hux state-of-the-art jew le. Il-busillis kollu kien dwar kemm kienet ġustifikata n-nefqa tas-somma astronomika ta' €700 miljun li ġew sburżjati fuq dan l-isptar.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan