Jgħajtu x-xjuħ u jgħajtu t-tfal, viva l-jiem tal-Karnival! U ma setax ikollkom Karnival ikkulurit iktar minn ta’ din is-sena lejlet Martedi Gras bis-sejħa ta’ Dottor Gonzi għall-Elezzjoni Ġenerali fit-8 ta’ Marzu. L-għażla li kellu quddiemu Dottor Gonzi xejn ma kienet faċli. Bilfors ried jagħmilha qabel l-aħħar ta’ Marzu għax skond Reggie Fava tal-Kamra tal-Kummerċ, kif jiskadi Marzu se jkollkom splużjoni kbira fil-prezzijiet. L-għażla kienet bejn Jum il-Mara inkella l-Ides of March fil-jum li Ġulju Ċesri kien assassinat minn dawk ta’ madwaru, Brutu u l-bella kumpanija. Ta’ qassisu li hu, Lorry Gonzi, eks President ta’ l-Azzjoni Kattolika, żgur m’għaddilux minn moħħu li jagħmel l-Elezzjoni Ġenerali l-għada tal-Ġimgħa l-Kbira. U mnalla għax tgħidx kemm kontu taraw deputati u kandidati skaduti jkaxkru ktajjen u libsin ta’ ċenturjuni waqt il-purċissjonijiet
tal-Ġimgħa l-Kbira bit-tama lin-nies jivvutawlhom.
Tony Abela tan-Nazzjonalisti għall-inqas konsistenti f’ħaġa waħda. Ma joqgħodx jistenna l-elezzjoni ġejja biex jilbes tar-Re fil-Karnival, irrid ngħid fil-Ġimgħa Kbira, imma jilbes ta’ re sena wara sena. Tant daħal f’dan ir-rwol ta’ re mill-Antik Testment, is-Sur Tony skond ma jgħiduli sħabi tax-Xirka, issa qed jiddelitta jieħu s-saluti rjali quddiem l-armata żarmata ta’ Malta.
Flok Randan ta’ sawm se jkollkom Randan ta’ indiġestjoni ta’ tagħjir
bil-goff, ftaħir bir-rimi u storbju u għajjat milli jgelgel. Suppost li f’Malta għandkom sistema politika bil-primus inter pares, bil-Prim Ministru ‘l-ewwel fost l-ugwali’. Imma minn kif nista’ nifhem, issa l-primus iddeċieda li jagħmel kampanja elettorali mingħajr il-pares, fejn kollox hu, jidher biss hu, u kollox ikkonċentrat fuqu. B’dan it-tip ta’ raġunament, jekk ma joqgħodx attent Dottor Gonzi se jispiċċa jibla’ l-kalċi ta’ l-imrar kollu hu jekk tiġihom ħażina lin-Nazzjonalisti.
U bilħaqq issa li ġie nieqes Fra Andrew Bertie, għax ma jitħajjarx Dottor Edward Fenech Adami jidħol minflok u bħala Granmastru ta’ l-Ordni? Hekk jew b’hekk persuna ta’ esperjenza bħalu, li f’tebqa t’għajn minn kariga istituzzjonali taqbeż għal oħra, niddubita jekk għandkomx f’Malta u hekk jew b’hekk diġà jinsab insedjat fil-Palazz
tal-Granmastru.
Sħabi tax-Xirka tgħarrfuli li tgħidx kif għaddejjin bħalissa uħud mill-Ministri purtinara tal-kabinett Nazzjonalista. Ninu Ninu tal-qagħqiet nefaq iktar minn €40,000 minn flus
il-poplu fuq ktejjeb bi propaganda partiġġana
mill-iktar sfaċċata. Dan
il-ktejjeb hu miżgħud b’ritratti tal-kulur ileqqu ta’ pavimenti u zuntiera illustrati mill-ħaddiem tal-Public Works b’Ninu Ninu jgħasses fuqhom biex ix-xogħol isir sew ħa joħroġ ta’ nies fid-distrett fejn kumbinazzjoni jinsabu ħafna minn dawn
il-pavimenti u zuntiera.
Issa jekk Ninu Ninu jrid jagħmel propaganda personali għalih, żgur mhux minn neqsin, biss biss il-Gvern tiegħu ikkumpensah b’xi €160,000 ta’ wesgħa ta’ bankina. Imma ngħid: dan kif biex jipperpetwa lilu nnifsu fil-poter, dan kif għandu l-faccia tosta li jkun galantom flok bi flusu bi flus il-poplu? Anki ta’ dawk li ma jifilħux iġerrħu iktar id-dehra ta’ wiċċu u wiċċ sħabu li ilhom għal dawn is-snin kollha iffossilizzati fil-poter?
Jien ħaġa waħda ngħid. Bħalma l-Laburisti fl-1987 kien ħaqqhom daqqa ta’ sieq fuq sormhom biex jiġu xkanati ’l barra mill-bereġ tal-poter, bl-istess mod anki jekk għal raġunijiet differenti, hemm bżonn li n-Nazzjonalisti jitbasktu ftit fin-nirien jekk mhux ta’ l-infern, għall-inqas tal-purgatorju biex ipattu ftit għal dnubiethom.
U mhux jitfaċċa Lorry Gonzi fil-bitħa ta’ Kastilja bil-‘mea culpa’ xahar qabel l-elezzjoni jitlob maħfra għan-nuqqasijiet tal-Gvern tiegħu u jippretendi li dnubietu maħfura qisu qatt ma kien xejn. Minn jaħseb li bil-manipulazzjoni u bl-ispin jista’ jirbaħ l-elezzjonijiet, ikun qed jittratta l-poplu ta’ zugraga.
Wenzu Mintoff
GonziPN
Gonzi for President of the United States of Malta. Kienet ilha ttekktek li n-Nazzjonalisti kienu se jaħdmu din il-kampanja elettorali fuq il-mudell Amerikan, bil-First Lady, bil-bżieżaq, fanfarri u biċ-chewing gum kollu li jgħaqqad il-politika Amerikana.