MediaToday

Toni u Peppi | 10 ta’ Frar 2008 Nr 67

X’jgħodd: il-mexxej jew il-politka tal-partit?

TONI

Illum jidher ċar li hemm differenza kbira bejn l-istil tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista u dik Laburista. Min osserva li dik Nazzjonalista hi Presidenzjali filwaqt li dik Laburista hi kollettiva għamel osservazzjoni tajba. Iżda hemm raġuni għal din id-differenza fl-istil.
Il-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda karta x’jilgħab ħlief dik tal-personalità tal-Kap tiegħu. Mhux aċċidentali li s-slogan ċentrali tal-kampanja elettorali tissinonima lil Lawrence Gonzi mal-Partit (GonziPN).
Mhux aċċidentali fil-gwerra tal-billboards jidher il-Kap biss. Lanqas mhu aċċidentali li f’din il-kampanja il-Viċi-Kap u l-ministri għebu għal kollox mill-istampa elettorali li qiegħed jibgħat il-PN. Mhux stampa, iżda ħadu posthom kandidati anke mhux magħrufa, allura bil-Kap imdawwar minn nies żgħar saħansitra jidher paternalistiku. F’dan is-sens hi kampanja barra anakronistika meta kullimkien hawn moviment kontra l-kult tal-personalità (Par Idejn Sodi).
Filwaqt li l-kampanja elettorali Laburista, kif jistħoqq liż-żminijiet, hi anqas paternalistika u aktar kollettiva. F’din il-kampanja l-messaġġ li qiegħed jintbagħat hu li nistgħu naħdmu flimkien. Fil-laqgħat Alfred Sant qatt ma jidher waħdu, iżda flimkien mad-Deputati Mexxejja u lanqas ma jiddejjaq jidher mal-Membri Parlamentari tiegħu. Is-slogan ċentrali tal-kampanja elettorali hu wieħed indirizzat lill-Maltin kollha. Alfred Sant ma jidhirx fil-billboards u l-enfasi qiegħda fuq il-messaġġ mhux fuq il-persuna. Aktar minn hekk, meta Alfred Sant għamel żmien nieqes, bir-rwol ta’ Charles Mangion bħala Aġent Mexxej, ħareġ kemm it-tmexxija Laburista hi kollettiva u mhux monolitika, għax il-bastiment ma tefax l-ankri iżda baqa’ għaddej.
Dan kollu jindika li filwaqt il-PN ma baqagħlu xejn mill-pakkett tal-karti tal-logħob ħlief il-Joker, il-Partit Laburista għad għandu l-pakketta tiegħu sħiħ u mhux minsus. Fi ftit kliem il-Partit Nazzjonalista wara 20 sena fil-Gvern għadda żmienu u nixef mill-ideat filwaqt li l-Partit Laburista, wara 20 sena fl-Oppożizzjoni, salv għall-intervall, hu mimli enerġija u ideat.
Kemm il-Partit Nazzjonalista tilef mill-propulsjoni politika tiegħu joħroġ mill-fatt li sa minn xhur ilu dejjem kien pass wara l-Partit Laburista. L-idea tar-riġenerazzjoni tal-portijiet, l-inċentivi fiskali radikali, intervent biex jgħid iż-żgħażagħ bi djun bankarji u ideat oħra, kollha ħarġu mill-kamp Laburista u m’għandi l-ebda dubju li se jsibu posthom fil-manifest elettorali tal-PN.
Qiegħed joħroġ ċar li bil-mod kif il-PN fassal il-kampanja elettorali tilef ħafna mill-immaġinazzjoni u inċentivi politiċi. Anke l-fatt waħdu li kellu jisraq waħda mit-temi elettorali tiegħu mingħand il-President Franċiż, biex ma nsemmix dik ta’ Barak Obama (Yes We Can), hi indikattiva li anke fl-aktar frażijiet sempliċi ma sabx is-sors ta’ immaġinazzjoni, aħseb u ara meta jiġi għall-ideat tat-tmexxija.
Iżda l-Partit Nazzjonalista jaqbillu li jagħżel din il-kampanja għax għandu vantaġġ fuq il-Partit Laburista – ix-Xandir Nazzjonali u ċerta media lokali. Bis-saħħa ta’ dawn qiegħed jipprova jbigħ din l-istampa paternalistika ta’ Lawrence Gonzi. B’Kate dejjem ħdejh bi tbissima perpetwa, u jkolli nammetti li hi mara fotoġenika. B’Lawrence Gonzi dejjem isbaħ milli hu, mentri lil Alfred Sant mhux biss iġibulu iżda jkabbrulu kull felula li għandu.
Il-ħafna opinjonijiet nieqsa mill-fatti dwar wieħed u l-ieħor. Dan jikseb importanza aktar fid-dawl li x-xandir nazzjonali biż-żewġ frigati li għandu l-PN, waħda jisimha Where’s Everybody? u l-oħra l-Kamra tal-Aħbarijiet, issa mmexxija mill-Ammiral Natalino Fenech.
Minbarra dan jidher ċar ukoll li kemm l-Independent u t-Times rebħu l-kompetizzjoni ġurnalistika “Deal or No Deal” u llum hu ċar aktar mill-kristall li saru l-portavuċi tal-Partit Nazzjonalista u li allura se jagħmlu minn kollox biex ikomplu jillustraw lil Gonzi. Il-Ħadd li għadda l-First On Sunday, fuq il-paġna ta’ quddiem, Lawrence Gonzi ġie jidher qisu George Clooney u Alfred Sant qisu daħlitlu żrara f’għajnejh.
Iżda fil-verità x’nafu dwar Lawrence Gonzi u Alfred Sant? Dwar ta’ l-ewwel ma nafu xejn. Kuntrarjament għal Alfred Sant, Gonzi qatt ma qabad pinna u mqar kiteb sentenza waħda. Ma jħalli l-ebda traċċa permanenti warajh għax filwaqt li kitba tibqa’, il-kliem itir. Lawrence Gonzi, mhux għax ma jafx jikteb iżda ma jridx, irid ikun fil-pożizzjoni komda li ma jkunux nafu x’jaħseb dwar kwistjonijiet. Proprju għalhekk x’ħin irid jista’ jbiddel il-pożizzjoni tiegħu x’ħin irid u meta jaqbillu.
Eżempju ċar, biex ma nsemmix il-kwistjoni tal-kaċċa, tal-bdiewa u d-dati dejjem jiċċaqalqu ta’ proġetti kbar, kienet l-aħħar gaff li se jnaqqas is-ceiling tat-taxxi minn 35% għal 25%. Għamel dan wara li tgħidx kemm ikkritika lill-MLP fuq it-tneħħija tal-15% fuq is-sahra, biex issa sirna nafu li din il-proposta se tiġi tiswa lill-Gvern erba’ darbiet aktar.
Dan jindika mhux biss li l-PN dejjem qiegħed pass wara l-MLP iżda li tilef l-immaġinazzjoni. Għalhekk l-uniku tama elettorali li fadal hi li jkomplu bl-ispin kontra Alfred Sant u jkomplu jonfħu l-personalità ta’ Lawrence Gonzi.
Sant għall-kuntrarju ta’ Gonzi, kulma jonqsu jagħmel hu li jraqqad il-pinna miegħu. Ma jrid jgħid xejn li ma jitniżżilx u jibqa’ u l-iskrivanija tiegħu hi fabbrika ta’ vera ta’ artikli u kummentarji. Ma jiddejjaqx jirreġistra dak li jħoss u l-ideat tiegħu fl-artikli, li ħafna drabi huma l-prekurusri tal-politika tal-Partit Laburista u li wara tiġi ikkupjata mill-PN.
Alfred Sant, kuntrarjament għal Gonzi, ma jiddejjaqx javventura fil-kamp tal-verità b’ta’ fuqu senduqu u l-messaġġ li jibgħat hu li dak li qiegħed tara se tixtri. Lawrence Gonzi mhux hekk. Hu plastiku u anqas tal-laħam. Hu aktar kavernali u anqas miftuħ. Irid li jagħmluh u mhux jagħmel lilu nnifsu. Juri biss il-faċċata tad-dar tiegħu mingħajr ma jdaħħalna fiha biex ma narawx it-taqlib fuq ġewwa – ovvjament dejjem b’sens metaforiku.
Alfred Sant, ħobbu jew obogħdu, ma jiddejjaqx jesprimi lilu nnifsu fuq kwistjonijiet li jaħarqu, anke jekk jaf li se jigbed l-attakki fuqu għax fl-aħħar mill-aħħar hu bejjiegħ ta’ l-ideat u mhux ta’ perċezzjoni propogandistika. Imbagħad hawn regettiera li tant moħħhom fuq kif qegħdin jidhru, m’għandhomx ħsieb jaħsbu u jbigħu biss ideat ta’ ħaddieħor jew ‘second hand’. Din se tkun l-għażla tagħna f’din l-elezzjoni: li nixtru l-oriġinal (l-MLP) jew il-kopja (il-PN)!

PEPPI

X’jgħodd l-aktar, il-mexxej jew il-politika tiegħu? Din hi l-mistoqsija ta’ llum. It-tweġiba għalija hi ovvja. Ovvja ħafna. Jgħoddu t-tnejn li huma. Li tkun mexxej u jkollok il-kwalitajiet ta’ mexxej u li jkollok politika li tgħodd għan-nies li qed tistedinhom jivvutawlek.
Analiżi tal-kampanja malajr turik li l-Partit Nazzjonalista jippreżenta lil Lawrence Gonzi bħala ċ-ċentru bi stedina lill-elettorat li jifhem li għandhom jafdaw lil Lawrence Gonzi jkompli jmexxi lil dan il-pajjiż. Minn naħa l-oħra l-Partit Laburista qed jippreżentaw lil Alfred Sant u qed jinsisti li hu għandu tim miegħu li se jmexxi lil pajjiżna fi żmien erba’ ġimgħat oħra. Naturalment il-kampanji negattivi taż-żewġ partiti dwar xulxin iħallu wkoll l-effett tagħhom.
Hawn insibu lill-Partit Nazzjonalista bil-kampanja tiegħu li xejn mhemm ġdid fil-Labour. Li ħafna minn dawk li rajna telgħin fuq il-palk waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista ma jidhru ġodda xejn.
Il-Partit Laburista, minn naħa l-oħra qed jinsisti li xbajna naraw l-istess uċuh fil-Gvern. F’ċertu sens in-nies qed isibu quddiemhom żewġ partiti li fihom għandhom l-istess uċuh. F’dan il-kuntest l-għażla taf taqa’ fuq l-għażla bejn il-mexxejja.
Fl-1996 jien ivvutajt lill-Partit Laburista minħabba Alfred Sant u ħeġġiġt u rnexxieli nipperswadi oħrajn jagħmlu l-istess.
Dak iż-żmien kont nara f’Alfred Sant mexxej ġdid u frisk li kien qed iwiegħed tmexxija moderna. Alfred Sant kien il-persuna li neħħa l-vjolenza fiżika miċ-ċentru tal-Partit Laburista u kien jidher mexxej li b’mod sinċier ried ibiddel.
Dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista kien għadu kif introduċa l-VAT. Kien hemm min ivvota lil Alfred Sant għax fehem li se jitneħħew il-cash registers. Dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista kien jgħid li se jirbaħ lill-Partit Laburista. Dawn kienu Nazzjonalisti li ma vvutawx għax filwaqt li riedu li l-Partit Nazzjonalista ikun fil-Gvern ma ridux li l-Gvern ikollu maġġoranza li tagħmlu arroganti.
Illum hu l-Alfred Sant li kien Prim Ministru għal sentejn. Illum hu l-istess Alfred Sant li ried li Malta ma tidħolx fl-Unjoni Ewropea, li minkejja li tilef fir-referendum, baqa’ jgħid li rebħu u li tilef l-elezzjoni. Hawnhekk hu ċar li n-nies għażlu lil Eddie Fenech Adami u l-Partit Laburista tilef l-elezzjoni għax il-maġġoranza ma kellhiex fiduċja f’Alfred Sant. Dak iż-żmien l-istess kwistjonijiet ta’ korruzzjoni, l-istess kwistjonijiet ta’ Eddie bħala bniedem, skond Alfred Sant skadut. Dak iż-żmien in-nies għażlu bejn il-mexxejja.
Mhux minħabba l-Ewropa, għax kieku kif tispjegaha li l-Partit Nazzjonalista fl-Elezzjoni ġab ħafna iżjed voti milli ġab fir-referendum? Ifisser li dawk li kienu kontra l-Unjoni Ewropea xorta vvutaw Partit Nazzjonalista għax ma kinux qed jafdaw lil Alfred Sant.
Fix-xena Lawrence Gonzi. Li bħal Alfred Sant kien Prim Ministru. Allura naħseb li n-nies issa tagħżel bejn ir-rekord taż-żewġ mexxejja. Liż-żewġ mexxejja ppruvajna darba u issa rridu nagħżlu lil min se nivvutaw it-tieni darba. Kieku l-għażla kienet biss bejn Alfred Sant u Lawrence Gonzi allura naħseb li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jirbaħ din l-elezzjoni. Iżda l-għażla hi mħawra iżjed minn hekk.
Żgur li llum m’hawn ħadd li qed jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jirbaħ din l-elezzjoni. Anzi. Allura żgur li dawk li ma jridux il-Labour fil-Gvern mhux se jissugraw u se joħorġu jivvutaw u se jivvutaw Partit Nazzjonalista. Iżda hemm ħafna nies li s-soltu jivvutaw għall-Partit Nazzjonalista li għadhom jgħidu jew li mhux se jivvutaw, li se jivvutaw lil Alternattiva jew li saħansitra se jivvutaw Labour.
Il-kwistjonijiet għalihom mhumiex il-korruzzjoni jew l-għoli tal-ħajja. Lanqas mhi Alfred Sant jew Lawrence Gonzi. Lanqas mhu l-ambjent anzi ħafna drabi jridu permess mill-MEPA li ma ħariġx. Il-kwistjoni għalihom hi li jħossu li l-Partit tagħhom ma tahomx kultant dak li huma jsostu li hu tagħhom bi dritt.
Ħafna minnhom jinsistu li mhux se jivvutaw, mhux għax ma nqdewx imma għax iridu bidla. Dawn ikunu lesti jerġgħu jivvutaw Partit Nazzjonalista jekk jibdew jaħsbu li jekk jitla’ l-Labour għandhom aktar x’jitilfu jew hekk jinqdew.
L-akbar effett fuq dawn in-nies ma jsirx la mill-mezzi tax-xandir, la mill-billboards u lanqas mill-mass meetings. L-effett ikun biss fid-djar u f’kuntatti personali. Jekk dan ma jsirx jew ma jsirx biżżejjed, il-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni li jmiss. Jekk il-kampanja tħalli effett, il-Partit Nazzjonalista jaf jitkaxkar u jerġa’ jkun fil-Gvern.

Intervista
L-ewwel kandidat dikjarat gay

Julia Farrugia tintervista lil Patrick Attard


Editorijal

Il-karrotta tat-taxxi


Il Punt
Min bix-xabla jagħti
Gino Cauchi


TONI u PEPPI
X'jgħodd: il-mexxej jew il-politka tal-partit?


Emmanuel Micallef
Kalma u trankwillità


Carmelo Mifsud Bonnici

Soċjetà li ma tiqafx



X'kien Jgħid
Zugraga



Wenzu Mintoff

GonziPN

Gonzi for President of the United States of Malta. Kienet ilha ttekktek li n-Nazzjonalisti kienu se jaħdmu din il-kampanja elettorali fuq il-mudell Amerikan, bil-First Lady, bil-bżieżaq, fanfarri u biċ-chewing gum kollu li jgħaqqad il-politika Amerikana.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


Intervisti ta' qabel

03-02-08
Clyde Puli

27-01-08
Charlie Azzopardi

20-01-08
Mary Spiteri

13-01-08
Jason Micallef

06-01-08
Koppja gay

23-12-07
Edwin Grech

23-12-07
Ray Calleja

16-12-07
Victor Scerri

09-12-07
Reno Calleja

02-12-07
Walter Ahar

 

 

 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan