L-ewwel ma tiekol l-għajn u dan jgħodd ukoll għall-kampanja elettorali fejn ħafna drabi l-kontenut, l-ideat u l-proposti jindifnu taħt l-islogans u r-ritratti jleqqu.
F’din l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista ried juża l-għajta prinċipali tiegħu biex ifakkar fir-referendum li kien inżamm ħames snin ilu fl-istess ġurnata li fiha se ssir l-elezzjoni.
Ma kienx hemm il-ħtieġa li tiddaħħal il-kelma ‘iva’ fl-islogan tal-PN għax kien tajjeb biżżejjed bil-kliem ‘Flimkien kollox possibbli’.
Madankollu, ‘Iva’ għandha konnotazzjonijiet kbar marbuta mad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u torbot ma’ l-islogan ‘Iva għall-Ewropa’ li kien moda fl-2003.
Dak iż-żmien kantanti varji kienu nagħqdu flimkien biex ikantaw id-diska ‘Ngħidu Iva’ bil-messaġġ speċifiku li post Malta kien fl-UE. Kienet tattika li ħadmet għax l-UE kellha appell nazzjonali iktar milli partiġġan.
Ħames snin wara l-PN qed jerġa’ jipprova jenfasizza dak l-istess spirtu anki jekk iċ-ċirkostanzi llum mhumiex l-istess bħal dawk ta’ l-2003.
Id-diska magħżula mill-PN għal din l-elezzjoni hi kompożizzjoni maħduma apposta bit-titlu ‘Iva, flimkien kollox possibbli’ u kantatat minn numru ta’ kantanti li kienu wkoll ħadu sehem fl-2003. Madankollu, illum l-effett ‘nazzjonali’ ma joħroġx għax din id-darba qed jitwassal leħen il-partit u mhux l-għajta nazzjonali fuq kwistjoni partikulari.
Il-kelma ‘flimkien’ li suppost tfisser sens ta’ għaqda u unjoni bejn membri varji tas-soċjetà tikkuntrasta ma’ l-apparenza ta’ Gonzi waħdu.
Kap li dejjem jidher waħdu diffiċli jirrifletti li hemm għaqda fil-partit tiegħu.
Fl-istess waqt li għandek slogan li qed jippromwovi l-għaqda għandek slogan ieħor, ‘GonziPN’, li jibgħat messaġġ għal kollox l-oppost.
Dan l-islogan ifakkar ukoll f’wieħed li kien intuża għal Eddie Fenech Adami fl-1992: ‘Eddie fiduċja’. Id-differenza tibqa’ li Fenech Adami kellu storja warajh li ratu jmexxi l-partit fi żminijiet diffiċli ħafna sa ma ħa r-riedni tal-pajjiż f’idejh fl-1987 u ġab stabbiltà u serħan tar-ras.
Għal Gonzi s’issa dan għadu mhux il-każ. Il-mexxej Nazzjonalista għadu ma rebaħx elezzjoni waħda fit-tmun tal-partit, anzi fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew fl-2004 il-PN lanqas ġab 40 fil-mija tal-voti, l-agħar riżultat mill-Ħamsinijiet lil hawn.
Bidu ġdid
L-istampa tinbidel xi ftit fl-islogans tal-Partit Laburista. Slogan li jifforma parti mill-branding tal-partit jibqa’ ‘Xogħol, Ħarsien u Dinjità’.
Hu messaġġ qasir u ċar fejn apparti li jagħti importanza lix-xogħol, tispikka l-iktar il-kelma dinjità.
Dawn it-tliet kelmiet huma abbinati mal-għajta prinċipali: ‘Pjan għal bidu ġdid’.
L-islogan mhuwiex ġdid għax ilu jintuża għal dawn l-aħħar erba’ snin biex jagħti timbru lid-dokumenti politiċi tal-MLP. Il-fatt li l-partit ħass li ma kellux joħloq għajta speċifika għal din il-kampanja jista’ jkun indikazzjoni li huma ċerti li se jirbħu u li l-mewġa ta’ bidla ilha ġejja.
Iżda jekk ma kien hemm xejn ġdid fl-islogan tal-MLP għax ilu jintuża għal dawn l-aħħar ftit snin kien hemm bidla fil-kulur aħmar li tilef mis-saħħa tiegħu u sar iktar fil-vjola jew aħjar maġenta. Fuq il-billboard intużat tifla tiżfen il-ballet, żgur mhux xi ħaga assoċjata mal-partit tal-ħaddiema. Dawn iż-żewġ bidliet huma immirati biex iwasslu messaġġ ta’ trankwillità lill-klassi medja li mhux dejjem ħassitha komda mal-MLP.
Fl-istess ħin sparixxew it-torċa, l-innu tal-partit u l-imkatar ħomor nirien li jfakkru fil-partit tal-ħaddiema ta’ żmien ieħor.
Il-bidla
Il-bidla hi wkoll it-tema tal-kampanja ta’ l-Alternattiva Demokratika. Madankollu l-bidla għall-AD għandha tifsira differenti bil-lingwaġġ tagħha jiffoka fuq il-bżonn ta’ gvern ta’ koalizzjoni.
‘Bil-vot tiegħek, il-bidla’, tenfasizza l-għażla li għandhom in-nies f’idejhom. Il-kulur oranġjo użat għall-ewwel darba minn dan il-partit jispikka meta mqabbel mal-kuluri li użaw il-partiti l-oħra.
Madankollu, tinħass in-nuqqas ta’ preżenza ta’l-AD fuq livell nazzjonali meta mqabbel mal-partiti l-oħra. L-islogan ma jispikkax biżżejjed għax hemm nuqqas ta’ billboards u nuqqas ta’ materjal ieħor fid-djar.
Min-naħa l-oħra bl-għajta ‘Sovranità, Serjetà, Ġustizzja’, Azzjoni Nazzjonali trid twassal l-idea ta’ pajjiż mibni fuq id-dixxiplina u l-patrijottiżmu. It-ton hu ftit awtoritarju u rett filwaqt li l-kuluri aħmar u blu fil-logo jagħtuk x’tifhem li jekk wieħed iddejjaq min-naħa jew oħra s-soluzzjoni hi Azzjoni Nazzjonali.
Bħal dejjem, għalkemm l-għajta hi nofs il-bejgħ, wieħed irid jistenna sa l-elezzjoni biex jara liema slogan se jwassal għar-rebħa. Nistennew u naraw!
Wenzu Mintoff
GonziPN
Gonzi for President of the United States of Malta. Kienet ilha ttekktek li n-Nazzjonalisti kienu se jaħdmu din il-kampanja elettorali fuq il-mudell Amerikan, bil-First Lady, bil-bżieżaq, fanfarri u biċ-chewing gum kollu li jgħaqqad il-politika Amerikana.