Pazjenti bi problemi fit-tirojde ilhom minn Novembru li għadda ma jistgħux isibu mediċina importanti għall-kura tagħhom.
Il-mediċina taħt forma ta’ pilloli bl-isem ta’ Eltroxin għebet mill-ixkafef ta’ l-ispiżeriji aktar minn tliet xhur ilu. Il-pilloli huma importanti għal dawk il-persuni li t-tirojde tagħhom ma tkunx qed taħdem kif suppost u tkun waħda baxxa. Il-pilloli jintużaw ukoll minn dawk il-pazjenti li jkunu għadhom kemm ġew operati minħabba din il-kundizzjoni.
Xogħol il-mediċina hu li sservi ta’ sostitut għall-ormoni.
Normalment il-pazjent ikollu jieħu pillola waħda kuljum biex jikkontrolla l-problema.
Pazjenti li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew li spiċċaw iduru minn spiżerija għall-oħra bit-tama li jsibu din il-mediċina.
Kollha ikkonfermaw li ma setgħux isibu ż-żewġ verżjonijiet ta’ din il-kura medika, kemm il-pilloli tal-50mg u dawk tal-100mg.
Persuni oħra fissru li f’dawn l-aħħar jiem biex inqdew kellhom imorru jixtru din il-mediċina mill-ispiżerija tal-Gvern.
Spiżjara differenti ikkonfermaw ma’ Illum li ilhom ġimgħat sħaħ isaqsu meta se jkunu provduti b’din il-mediċina mill-importatur.
Mitluba jagħtu spjegazzjoni għal din is-sitwazzjoni Alfred Gera and Sons li jimpurtaw din il-mediċina sostnew li l-problema ġejja minn barra minn Malta.
“Il-kumpanija li tipproduċi din il-mediċina qed ikollha problemi ma’ wħud mill-kuntratturi li jimmanifatturawlha l-pilloli. Dawn mhux qed ilaħħqu mal-produzzjoni. Qed jippruvaw isolvu l-problema,” stqarr Robert Magri, Kap Eżekuttiv ta’ Alfred Gera and Sons.
Minn żmien għal żmien l-impurtatur lokali qed jirċievi xi konsenji żgħar imma dawn mhux qed ikunu biżżejjed. Magri ikkonferma wkoll li bħalissa mhux qed jaslu Malta pilloli tal-100mg.
“Din il-ġimgħa rċevejna xi pilloli tal-50mg u mill-aktar fis se nibdew inqassmu minnhom fl-ispiżeriji. Nittamaw li din il-problema tissolva malajr kemm jista’ jkun.”
Wenzu Mintoff
GonziPN
Gonzi for President of the United States of Malta. Kienet ilha ttekktek li n-Nazzjonalisti kienu se jaħdmu din il-kampanja elettorali fuq il-mudell Amerikan, bil-First Lady, bil-bżieżaq, fanfarri u biċ-chewing gum kollu li jgħaqqad il-politika Amerikana.