Il-pinna u l-karta jgħannqu lil xulxin u jnisslu l-kliem bl-għajnuna tal-ħsieb li daqqa jmur lura, daqqa jmur ’il quddiem. Jgħaqqad kollox u jifrex kollox fl-issa.
U hekk bdejt nikteb bħall-mijiet ta’ drabi oħra. Bilqiegħda fejni Samweli li bħali għandu karta u qed iħażżeż b’ħafna lwien. Nittama li joqgħod kwiet għalkemm drajt nikteb fl-istorbju. Nixtieq li xi darba jaqra dak li kiteb nannuh. Imma dan mhux f’idejja. Hekk jew b’hekk dejjem qrajt u ktibt li ridt. Ħieles hu, ħieles jien.
Ili sena ’l bogħod mill-għagħa. Baqagħli biss il-familja u l-kitba. Xtaqt li ħidmieti tibqa’ sħiħa kif kienet għal snin twal, daqqa f’qasam daqqa f’ieħor. Ħajti biċċiet li bħal kliem f’tisliba issa jersqu lejn xulxin u jingħaqdu f’ħemda ta’ ħsieb. Xtaqt ħafna, ħdimt. Id-dawl l-aħmar. L-ilwien tad-dawl mhux f’idejja.
Ħriġt mid-dar, middejt riġlejja ħalli mmur l-quddies tal-Ħadd. Kif dort il-kantuniera rajt quddiemi tnejn minn nies. Wieħed b’karta f’idu, iħares lejn in-numri tad-djar fuq naħa, l-ieħor bla karti jgħarrex fuq in-naħa l-oħra. Wasalt qribhom. Lil dak bil-karti f’idu ili nafu għexieren ta’ snin. Ħdimna flimkien f’ħafna elezzjonijiet. Intbaħt x’qed jagħmlu. Tbissimt. “Dan l-aħħar tbiddlu n-numri”. Ma kienx hemm ħtieġa li nistaqsihom x’qed jagħmlu. Billi safejn naf jien ħadd minnhom ma kien kandidat għall-elezzjoni li ġejja fhimt li qed iħejju t-triq għal xi ħadd.
U issa jekk jarahom xi ħadd mit-tieqa jħarsulu lejn id-dar, lejn it-tarġa? Jifhem li mhumiex ħallelin, minkejja li serq hawn kemm trid, billi kienu qed jaħdmu fil-beraħ u fl-elezzjonijiet qed joqorbu. B’danakollu ħadd ma jieħu gost li ħaddiehor jistħarreġ fuqu. It-triq hi ta’ kulħadd. M’għandha l-ebda R.T.O. bħal xi għalqa jew mogħdija. Kaċċa fit-triq ma tistax issir. Nittama li ħadd m’għadu jaħseb li xi nħawi huma tiegħu u lil min jirfes l-art jilqgħu b’xi tir jew bit-tgħajjir.
Ħriġt għal seba’ elezzjonijiet u minn elezzjoni għall-oħra sirt aktar għaqli. Il-karti li fuqhom isir xi sinjal jistgħu jdejqu lil dak ta’ wara t-tieqa. Għalhekk bdejt nitgħallem in-numri u l-ismijiet tad-djar minn qabel. Kien hemm xi żmien li ma kienx jaqbel li ndur bieb bieb. Biż-żmien kulħadd daħħalha f’rasu li m’hawnx aħjar minn tbissima u kelma. Il-ġenn u d-dlam għebu minn ħafna mħuħ. Il-jedd għall-vot ifisser għażla li titwettaq wara żmien ta’ ħsieb. Għażla li ma tissarrafx f’xi taqtiegħa bis-sjuf għax wieħed tajjeb mija fil-mija u l-ieħor ħażin mija fil-mija.
Qed interraq qalb il-vrus tal-karta. Il-kandidat qed iterraq fit-triq. Inħabbat bieb. Nistenna li jinfetaħ. Minn mindu żżewwiġt u kelli t-tfal dejjem ħdimt il-kampanja magħhom. Nies impinġija ħadd ma jieħu gost jarahom wara biebu. Qed nisma’ passi ġejjin minn wara l-bieb. Jiena u marti nieħdu b’idejn min fetaħ. Nidħlu. Fil-ħajja hemm l-hemm u d-diqa. Daqqa ta’ id tista’ tingħata wkoll f’kampanja. Bniedem jgħid kelma, l-ieħor jgħid oħra. Il-laqgħa ssir fil-kamra ta’ l-ikel u mhux f’xi salott. Ġieli jiena u marti sirna bħal qassis fit-tberik u bħalu marbutin li nżommu fommna sieket. La xxandarx ġrajjiet in-nies.
Nies oħra: ma’ min qed niltaqa’ l-ewwel darba, ma’ min ili naf is-snin. Ma dawn ta’ l-aħħar nista’ nistrieh ftit. Nitkellem fuq politka, fuq partiti. Ma nsemmix kandidati oħra. Marti bħali, uliedi żgħar iħarsu ’l hawn u ’l hinn. Bejn wieħed u ieħor kull partit jaf kemm se jkollu deputati minn distrett. Ġirja bejn kandidati ta’ l-istess partit. Xi ħadd isaqsini lil min jagħti n-numru tnejn. Ma’ ċerti nies nista’ nitkellem ċar u tond.
Ġieli għamilt ftehim ma’ kandidati oħra. Ma’ nies oħra nħalli kollox f’idejhom. Ġieli sibt li xi kandidat ieħor ikun qal, waqt iż-żjajjar tiegħu, biex lili jagħtuni t-tieni. Din tista’ tkun logħba biex lili jeħodli l-wieħed. Tħoss il-weġgħa għax jista’ jkun li ntefgħet xibka biex taqbad l-ewwel għasfur. L-isbaħ ċajta meta ngħid lin-nies li l-wieħed se nagħtih lili nnifsi.
Fis-sistema Maltija għal dawn l-aħħar 20 sena, l-wieħed hu kollox għall-partiti u għall-kandidati. Għall-ewwel li bdejt noħroġ kien hawn min jagħmel ħafna kalkoli u jpaspar riżultati. Kien għadu ma ġiex il-kompjuter imma anki għal dak iż-żmien tifel li kien jaf jgħodd kien jintebaħ li s-surmast għallmu fil-klassi mod ieħor.
Jinfetaħ il-bieb. Tara fuq il-wiċċ ħarsa mhux sabiħa għal kollox.
Minkejja l-mara u t-tfal ikolli nibqa’ fuq l-għatba. Ngħid kelma, nagħmel li nista’. Ġieli l-bieb infetaħli u min kien f’dik id-dar ma kellu tama f’ħadd u f’xejn. Nara kif nibni pont li nittama li jkun aħjar minn dak ta’ San Ġiljan. Quddiemi nsib minn kollox. Jien bniedem mal-bnedmin u xejn aktar.
Interrqu minn triq għall-oħra. Il-bini ilu tiela’ u ġieli sibna ruħna f’labirint li ħoloq żvilupp mgħaġġel. Induru u nduru biex naraw jekk insibux daħla għal dar. Ma tidher l-ebda mogħdija u ż-żmien qed jagħfas. Kien ġrali hekk fi Triq Xintill, Ħal Tarxien.
Ix-xogħol jitħaffef meta nsibu postijiet fejn jiltaqgħu bosta nies… suq, zuntier. Maż-żmien xi nies bdew jiġbrulna f’darhom nies oħra. Din hi laqgħa fejn qed nilagħbu ‘home’. L-aħħar laqgħa wara jum iebes. Nistrieħu u nistgħu nitkellmu. Niftakar fi żminijiet meta ħafna nies kienet tinġabar fil-każini. Kienu jinġabru familji meta barra t-triq kien jinġabru nies li kienu jiddejqu li jinġabru fil-familji. Dak iż-żmien naqas id-dawl f’dawn il-gżejjer. Ix-xandir blieh. Kif se jinstemgħu l-ilħna ta’ kulħadd? Il-leħen moħbi li jibqa’ sejjer minkejja xbieki tal-ħadid. Fl-aħħar mill-aħħar Malta mhix ’il bogħod mill-bqija ta’ l-Ewropa li issa żgur tagħmel parti minnha.
Semmejt lill-mara u lit-tfal. Għall-ewwel elezzjoni li ħriġt meta kelli 24 sena ma kontx miżżewweġ. Dawwarni ħafna missieri li minħabba x-xogħol tiegħu kienu jafuh ħafna nies f’Ħal Tarxien u f’Raħal Ġdid. Il-Gudja u Ħal Għaxaq mexxieni Karmnu Caruana. Konna mmorru l-Ħadd wara nofsinhar. Dawn iż-żewġt irħula kienu tiegħu. Beda jlaqqagħni man-nies u dawn fl-aħħar bdew jistaqsuh lil min jivvutaw. Kien jitbissem, kien jaf li kellu distrett ieħor fejn kien popolari ħafna, u dejjem imbuttani ’l quddiem.
Qed nisma’ ħsejjes wara l-bieb ta’ barra. Daħlu Mikiel u Grabiel. Samweli niżel mis-siġġu u beda jgħajjat x’ħin ra lil ħutu.
Wenzu Mintoff
GonziPN
Gonzi for President of the United States of Malta. Kienet ilha ttekktek li n-Nazzjonalisti kienu se jaħdmu din il-kampanja elettorali fuq il-mudell Amerikan, bil-First Lady, bil-bżieżaq, fanfarri u biċ-chewing gum kollu li jgħaqqad il-politika Amerikana.