Din il-gazzetta tista’ tiżvela li Charmaine Gerada, kanvaser tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi u kunsilliera tal-PN fl-Isla, intgħażlet biex tagħti parir f’laqgħa li matulha tqassmu 22 post f’isem id-Dipartiment ta’ l-Akkomodazzjoni Soċjali. Jirriżulta li l-postijiet kollha, ħlief tnejn, ingħataw fil-Kottonera li tagħmel parti mit-Tieni Distrett elettorali u li fih se jikkontesta Lawrence Gonzi. Iż-żewġ postijiet l-oħra kienu f’San Ġiljan u fil-Floriana.
Il-Ministeru ta’ Cristina ikkonferma li fil-laqgħa li ddeterminat min se jgawdi mill-postijiet ġodda kien hemm ukoll Michelle Mallia li tmexxi l-uffiċju tal-Customer Care tal-Ministeru ta’ Dolores Cristina u li regolarment tieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord ta’ l-Allokazzjoni.
Kienet il-preżenza ta’ Charmaine Gerada l-aktar li għokrot l-għajn. Gerada minbarra li hi kunsilliera tal-PN hi persuna viċin ħafna Lawrence Gonzi tant li taħdem fis-Segretarjat Privat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gerada hi wkoll President tal-Kumitat PN Senglea.
Din il-gazzetta staqsiet lil Dolores Cristina, il-Ministru responsabbli mill-housing, għal-liema raġuni li f’laqgħa li ddeċidiet min għandu jieħu dawn il-postijiet, aċċettat li jkun hemm preżenti Charmaine Gerada.
Dolores Cristina ammettiet li Gerada kienet tassew preżenti għal din il-laqgħa. Mitluba tispjega taħt liema kapaċità kienet preżenti Gerada, il-Ministru Cristina wieġbet li Charmaine Gerada hi Customer Care Co-ordinator tal-Ministeri kollha u “intalab il-parir tagħha dwar xi każijiet soċjali peress li midħla sew ta’ l-applikanti minn naħa tal-Kottonera.”
Illum staqsiet għal-liema raġuni ħadd mill-40 persuna f’post li qiegħed fil-periklu ma gawda minn dawn il-postijiet li tqassmu.
Dolores Cristina wieġbet li “fejn ikun hemm periklu imminenti l-inkwilini jikru mill-privat u l-Awtorità tad-Djar tħallas għal din il-kera.”
Meta staqsejnieha xi kriterji ntużaw fil-proċess biex tqassmu t-22 post, il-Ministru wieġbet li “il-kriterji huma bbażati fuq sett ta’ bands li l-Awtorità tad-Djar stabbiliet biex ikopru sitwazzjonijiet differenti li l-applikanti jistgħu jsibu ruħhom fihom.
“Fost l-akbar ħtiġijiet hemm dawk soċjali u ta’ relazzjonijiet familjari li mhux dejjem ikunu jidhru fil-pubbliku.”
Il-Ministru qalet lil din il-gazzetta li “il-maġġoranza tal-persuni li ibbenefikaw huma mill-inħawi tal-Kottonera peress li dawn ikunu wrew bħala l-ewwel preferenza tagħhom il-Kottonera waqt li ftit li xejn ikun hemm applikanti minn partijiet oħra ta’ Malta li jkunu jridu post f’dawn l-inħawi.”
Illum staqsiet lill-Ministru Dolores Cristina jekk hux lesta li biex isserraħ moħħ il-poplu li kollox mexa b’mod trasparenti, turina l-files.
Il-Ministru wieġbet li “il-files ta’ l-applikanti jinkludu dokumenti privati fosthom ċertifikati mediċi u deċiżjonijiet tal-Qorti u juru l-qagħda finanzjarja ta’ l-applikant. Għaldaqstant mhux possibbli li dawn il-files isiru pubbliċi.”
Il-Ġimgħa filgħaxija din il-gazzetta għamlet talba oħra din id-darba biex naraw il-files fil-preżenza tal-Ministru jew rappreżentanta tagħha u nintrabtu li ma nxandru xejn li hu privat. Tard ilbieraħ wara nofsinhar il-Ministru wieġbet hekk: “L-att dwar il-protezzjoni tad-data ma jippermettiex li d-Dipartiment juri l-files ta’ persuni privati lil terzi persuni. Madankollu, meta n-nies jidħlu fil-post allokat lilhom, wieħed jista’ jistaqsi lilhom għall-informazzjoni mixtieqa.”
Wenzu Mintoff
GonziPN
Gonzi for President of the United States of Malta. Kienet ilha ttekktek li n-Nazzjonalisti kienu se jaħdmu din il-kampanja elettorali fuq il-mudell Amerikan, bil-First Lady, bil-bżieżaq, fanfarri u biċ-chewing gum kollu li jgħaqqad il-politika Amerikana.