MediaToday

Sports | 10 ta’ Frar 2008 Nr 67

Talent, dedikazzjoni…u ftit fortuna

L-appuntament tal-Malta Cup lejn dawn il-ġranet ta’ Frar inkun qed nistennih ta’ kull sena. F’dawn il-jiem wieħed ikollu ċans jagħmel ġimgħa rilassanti fil-kumpanija ta’ l-aqwa plejers fid-dinja tas-snuker. Fl-istess jiem tapprezza l-fatt li plejer li jkun għadu kemm kellmek ftit minuti qabel tarah jagħmel il-meravilji fuq il-mejda ftit tal-minuti wara.
Hekk ġrali jien din il-ġimgħa f’dan l-isport li bla tlaqliq ta’ xejn ngħid li hu t-tieni wieħed tiegħi wara l-futbol. Iċ-Champion tad-Dinja aċċetta mill-ewwel l-istedina li wassaltlu ma’ sieħbi Alex Borg għal din l-intervista.
L-unur li jkollok bniedem ta’ dan il-kalibru quddiemek hu kbir. Għaddejt minn esperjenza bħal din darbtejn fi ftit ġimgħat. Mhux ħażin meta wieħed jikkunsidra li dan hu t-tieni Champion tad-Dinja wara l-plejer Taljan Vincenzo Iaquinta li tagħni intervista esklussiva bħal din.
Iltqajt ma’ John Higgins matul din il-ġimgħa. Sakemm qed nistennih naqbad parlata ma’ Domenic Dale, plejer minn Wales ikkunsidrat fost l-aqwa fil-preżent li hawn fiċ-ċirkolazzjoni. Domenic jgħidli li Malta togħġbu u jrid jiġi fis-sajf li ġejja mat-tfajla Awstrijaka tiegħu jgawdi x-xemx tal-gżira. Jaħsadni hekk kif jgħidli li 17-il sena ilu kien lagħab kontra plejer Malti Pawlu Mifsud u jkun ta’ pjaċir għalih jekk inlaqqgħu miegħu. Insomma, xewqtu qtajthielu l-għada…
John jitfaċċa u jpoġġi ħdejja. Ħin biss biex nordnaw kafè u jibda jkellimni fuq il-ħajja normali tiegħu meta ma jkunx involut fil-logħba ta’ l-isnuker.
“Minbarra li plejer professjonali ta’ l-isnuker jien bniedem tal-familja, miżżewweġ u għandi żewġt itfal. Meta nkun mal-familja naġixxi bħala missier u meta nkun fuq il-mejda ta’ l-isnuker nagħmel minn kollox biex noħroġ l-aħjar tiegħi.
“Fil-karriera parti mis-suċċess tiegħi hu li dejjem imxejt ta’ raġel ma’ kulħadd. Kulmeta rbaħt fraħt u bqajt nirrispetta lill-avversarju u kulmeta tlift dejjem ħadt b’idejn l-avversarju li jkun rebaħli u xtaqlu l-ġid. Fija ma nbidel xejn mill-passat. Xorta għadni l-istess John Higgins ta’ meta kont tifel żgħir meta ma kien jafni ħadd.”
Il-Wizard of Wishaw, kif inhu magħruf, qaleb professjonali fl-1992 meta kellu biss 18-il sena. F’16-il sena rebaħ 27 tournament li ammontawlu għal aktar minn 6 miljun ewro f’rebħ. Iżda John ma jaħbix il-fatt li s-sena 1998 u s-sena l-oħra jibqgħu l-aktar fil-memorji tiegħu bir-rebħ tal-World Championship. Bħalissa John hu ċ-Champion tad-Dinja.
“Ta’ tifel żgħir dejjem ħlomt li nsir plejer professjonali ta’ l-isnuker. Bdejt nitħarreġ minn kmieni u ma niddejjaqx ngħid li fija kien hemm it-talent. Anki waqt it-taħriġ dejjem tajt il-mija fil-mija tiegħi u dejjem ippruvajt nitgħallem xi ħaġa aktar milli diġà naf.
“Qlibt professjonali meta kelli 18-il sena. Ta’ età żgħira bdejt insibha diffiċli għax kont niffaċċa plejers ikbar u ta’ aktar esperjenza minni. Maż-żmien daħlet aktar kunfidenza fija u ċerta biża’ li kelli qtajtha għal kollox. Bdejt nilgħab b’mod rilassat. Meta tirrealizza li qed tilgħab fl-ogħla livelli fid-dinja bilfors li jkollok iżżomm il-konċentrazzjoni massima l-ħin kollu.
“L-aktar affarijiet essenzjali fi plejer ta’ l-isnuker huma t-talent, id-dedikazzjoni u ftit fortuna. Dawk huma t-tliet affarijiet li jrid ikollok biex tkun tista’ tilgħab il-logħba ta’ l-isnuker professjonalment.”
John Higgins twieled fit-18 ta’ Mejju 1975. Joqgħod Glasgow fl-Iskozja u miżżewweġ lil Denise. Għandhom żewġt itfal, Pierce ta’ 6 snin u Olivea ta’ 3 snin. Qed jistennew tarbija oħra għal Mejju. Ikellimni fuq Malta.
“Jien bdejt niġi Malta 15-il sena ilu. Il-pajjiż inbidel ħafna imma n-nies baqgħu l-istess tipikament Maltin. Il-Maltin minn dejjem ħabbejthom għax dejjem laqgħuni u stmawni daqslikieku Malti. Għandkom pajjiż mill-isbaħ. Kont, għadni u rrid nibqa’ niġi Malta.
“Il-kultura tal-Maltin u l-knejjes li għandkom l-aktar li jimpressjonawni. Jien kattoliku wkoll. Ħassejt li għandi nibqa’ dejjem bniedem spiritwali. Nitlob lil Alla kulmeta nirbaħ u nitlef. Importanti li jkollok il-fidi fil-ħajja.”
Inkellmu fuq l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta Cup u jekk jarax xi plejer favorit aktar minn ieħor.
“Ma nqisnix il-favorit u ma naħsibx li għax jien iċ-Champion tad-Dinja se jibzgħu minni. Kulmin qiegħed hawn hu ta’ l-istess livell u kulħadd jista’ jirbaħ lil kulħadd. Ninsab kunfidenti li nista’ nasal sa l-aħħar. Imma jekk fil-bidu kont tistaqsini għall-favoriti ta’ din l-edizzjoni ngħidlek li huma Sean Murphy, Stephen Maguire u Mark Selby.”
F’karriera tant twila mimlija suċċessi u esperjenzi nistaqsi lil John liema kienu l-aktar plejers ta’ l-isnuker li impressjonawh
“Steve Davies kien l-aktar plejer li influwenzani fil-karriera tiegħi. Meta bdejt il-karriera professjonali tiegħi hu kien għaddej mill-aqwa forma u rebaħ lil kulħadd.
“Lil Stephen Hendry ma tistax ma tammirahx. Hu l-aktar plejer li jaf il-logħba u rebaħ dak kollu possibbli fil-logħba ta’ l-isnuker li jagħmlu wieħed mill-aqwa sportivi li qatt ħarġu mir-Renju Unit. Hu Skoċċiż bħali u dejjem ħlomt li nkun jien, Skoċċiż ieħor, li noħodlu r-renju meta jispiċċa.
“Iżda nemmen li l-aktar plejer imwieled b’talent hu Ronnie O’Sullivan. Jaf jaddatta l-logħba għal kull ċirkostanza u kapaċi jirbaħ ukoll anki meta ma jkunx fl-aqwa forma tiegħu. Ronnie impressjonanti.”
John Higgins hu magħruf għall-ħbiberija li għandu mal-plejer professjonali Malti Tony Drago. Kif insemmihulu jidħak u jiddiskrivieh.
“Tony miġnun. Imma apparti li miġnun naħseb Drago hu wieħed mill-aktar plejers maħbubin li hawn fid-dinja ta’ l-isnuker. Kulmeta niltaqgħu dejjem niċċajtaw ma’ xulxin u jien inqisu bħala ħija l-kbir. F’dawn l-aħħar snin waqa’ xi ftit lura u għal dan qed jiddispjaċini.
“Jien minn dejjem kont partitarju tiegħu u wieħed minn dawk li nieħu pjaċir narah kulmeta jkun fl-azzjoni. Hu l-aktar plejer veloċi u rapidu li qatt ħareġ fl-istorja mondjali ta’ l-isnuker minbarra li għandu klassi kbira fuqu li jagħti eċċitament kbir fil-logħba. Nemmen li Tony jista’ jerġa’ jiġi lura għall-plejer kbir li kien fl-imgħoddi u dan għax hu plejer imwield bit-talent tal-logħba ġo fih.”
Sentejn ilu wara l-finali tal-Malta Cup, John Higgins flimkien ma’ Ken Doherty kienu involuti f’inċident ma’ l-Air Malta. Iż-żewġ plejers ħarġu flimkien wara l-finali u sikru sakra bil-konsegwenza li ma tħallewx jaqbu l-ajruplan biex imorru lura pajjiżhom.
“Dik ma kienet xejn. Ħriġna nieħdu drink għal kwiet wara l-finali bil-konsegwenza li bdejna nidħku fix-xejn. Żgur li ma konniex se naqilgħu nkwiet fuq l-ajruplan. Minn dak inhar ħlift li kulmeta nkun imsiefer u nkun waqt il-ġranet tal-logħob ma nixrobx aktar alkoħol. L-Air Malta għamlu storja kbira mix-xejn. L-iskoċċiżi bħal Maltin iħobbu jixorbu. Dak il-lejl għalija u għal Ken inzerta wieħed ta’ divertiment li spiċċa ħażin.”
John hu partitarju ferventi ta’ Celtic. Jgħidli li minbarra l-logħba ta’ l-isnuker għandu aktar sport għal qalbu li jipprattika.
“Jien partitarju kbir ta’ Celtic. Missieri u n-nannu kienu partitarji kbar ta’ Celtic u allura jkun impossibbli li jien ma nkunx. Bħalissa qiegħed diġà nrawwem lit-tifel biex jekk jista’ jkun jitla’ partitarju akkanit aktar minni ta’ Celtic. Jien Kattoliku Ruman u għalhekk ma jistax jonqos li nsegwi l-aktar lil Celtic.
“Inħobb ukoll il-golf. Però meta nieqaf minn plejer professjonali nixtieq li nibqa’ b’xi mod fil-logħba ta’ l-isnuker. Nixtieq nidħol fl-organizzazzjoni u nkun parti mid-deċiżjonijiet li jittieħdu għall-ġid tal-logħba. Is-snuker hu dak kollu li għandi f’ħajti u l-aktar ħaġa li nħobb wara l-familja. Nixtieq nibqa’ nagħmel parti mid-dinja ta’ l-isnuker għal dejjem.”
John jgħidli x’jixtieq li jgħaddi minnu fil-ġejjieni.
“Sa 10 snin oħra nispera li nkun irbaħt xi ftit aktar tournaments. Kif għidtlek qabel irrid nibqa’ ħajti kollha fil-logħba ta’ l-isnuker anki jekk mhux neċessarjament bħala plejer professjonali. Irbaħt kull tournament possibbli fid-dinja u għalhekk kulma jiġi rebħ
fil-futur minn issa ’l quddiem hu kollu bonus.”
Iċ-Champion tad-Dinja irringrazzja lil dawk li l-plejers ikunu konċernati magħhom għall-waqfa annwali f’pajjiżna filwaqt li jibgħat messaġġ lill-poplu Malti.
“Nixtieq nirringrazzja lil Snooker Promotions Malta tal-għajnuna li dejjem kienu għal kull plejer li jiġi hawn. Grazzi lil Hilton tal-faċilitajiet li hawn fil-lukanda. U lill-poplu Malti kollu ta’ kemm iġibilna rispett ta’ kull sena li niġi hawn. Malta sirt inqisha t-tieni d-dar tiegħi.
“Nappella lill-poplu Malti biex jibqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu lil tournaments bħal dawn li jsiru f’pajjiżhom. Nieħu pjaċir nara plejers bħal Tony Drago u Alex Borg idoli f’pajjiżhom u l-appoġġ tal-poplu Malti hu bżonjuż,” temm jgħid Higgins.

Intervista
L-ewwel kandidat dikjarat gay

Julia Farrugia tintervista lil Patrick Attard


Editorijal

Il-karrotta tat-taxxi


Il Punt
Min bix-xabla jagħti
Gino Cauchi


TONI u PEPPI
X'jgħodd: il-mexxej jew il-politka tal-partit?


Emmanuel Micallef
Kalma u trankwillità


Carmelo Mifsud Bonnici

Soċjetà li ma tiqafx



X'kien Jgħid
Zugraga



Wenzu Mintoff

GonziPN

Gonzi for President of the United States of Malta. Kienet ilha ttekktek li n-Nazzjonalisti kienu se jaħdmu din il-kampanja elettorali fuq il-mudell Amerikan, bil-First Lady, bil-bżieżaq, fanfarri u biċ-chewing gum kollu li jgħaqqad il-politika Amerikana.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


Intervisti ta' qabel

03-02-08
Clyde Puli

27-01-08
Charlie Azzopardi

20-01-08
Mary Spiteri

13-01-08
Jason Micallef

06-01-08
Koppja gay

23-12-07
Edwin Grech

23-12-07
Ray Calleja

16-12-07
Victor Scerri

09-12-07
Reno Calleja

02-12-07
Walter Ahar

 

 

 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan