MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici| 10 ta’ Frar 2008 Nr 67

Soċjetà li ma tiqafx

1. Mhemmx dubju li jekk ma toqgħodx attent int u taqra ċerti gazzetti u tisma’ ċerti diskorsi tibda temmen li dan hu pajjiż li sejjer lura. Hemm min tant siker fil-politika li jaħsbu li dan hu poplu li jibla’ kollox u ma jqisx sewwa hu. Persunu li jikkonvinċu lilhom infushom li jekk ma jintilfux joskuraw kulma għandna madwarna allura jkun hemm min jibda japprezza li dan hu pajjiż li jinsab verament avvanzat ’il quddiem. Għalhekk wieħed jifhem li l-verità hi li kritika ħarxa u f’ħafna mumenti żleali, hi fir-realtà kumpliment indirett.

2. Il-politika għandha minn dawn il-mekkaniżmi kuntrarji u bnedmin kuntrarjati. Tant l-ekonomija tagħna l-livell tal-għixien marru ’l quddiem, li min qiegħed fuq in-naħa l-oħra jħoss li jekk ma jmaqdarx, allura jkollu jitlaq fil-konfront politiku bi żvantaġġ. Jibda billi jaċċetta l-verità li f’dan il-pajjiż, bl-investimenti qawwija li kellna u bil-livell għoli ta’ impjiegi li irreġistrajna, aħna qegħdin f’pożizzjonijiet ta’ progress soċjali u ekonomiku li qabel ma kellniex. Għalhekk jikkumbattu billi ma jaċċettaw xejn. U għalkemm wieħed jista’ jimpressjona ruħu bl-enerġija fir-ripetizzjonijiet u fiż-żelu kontinwu, però l-impressjoni waħedha mhix prova u wisq u wisq inqas konvinzjoni. Dan għax il-verità ma tistax taħbiha.

3. Min irid jirbaħ il-kunsens ta’ l-elettorat għandu jikkonvinċi li hu l-aħjar biex imexxi għax għandu politika tajba u aqwa minn dik tal-partit fil-Gvern. Li tgħajjar personalment lill-avversarju ma twassal għal imkien. Trid minflok turi biċ-ċar li fuq dak li hawn, int kapaċi tagħmel aħjar. Trid tipprova li għandek storja ta’ suċċess, storja li fiha turi li żammejt kelmtek. Jekk le, għandek il-problema fil-konfront ta’ dak li wettaq il-Gvern. Għax il-pajjiż tagħna kiber u żviluppa diġà f’ħafna direzzjonijiet, iktar u iktar bid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea u bl-addozzjoni ta’ l-ewro. Dawn saru kolonni determinanti għalina. Dawn sarrfu fis-suċċess li għandna, allura kif jista’ xi ħadd joħlom u jgħid li jista’ jiftaħ il-pakkett ma’ l-Unjoni?
4. Dan hu żball li jingħad u indikazzjoni ċara li min qed jgħidu qed jerġa’ jidħak bih innifsu u bil-poplu għax jaf li l-Partit Laburista Ingliż ta’ żmien Harold Wilson diġà kien wiegħed l-istess affarijiet u sab li ma seta’ jagħmel xejn. Ma tantx hemm loġika f’dan. Anzi l-fatt fih innifsu hu perikoluż għax dawn huma kliem li fihom infushom ineħħu mill-istabilità u l-paċi li aħna għandna. Mhemmx dubju li l-impenji u l-livell ta’ għixien ta’ ħafna huma diġà mhedda. Serjament mhedda bis-sempliċi fatt li dawn il-kliem ingħadu. Jiġu mill-ewwel quddiem għajnejja kliem Salamun quddiem iż-żewġ ommijiet.

5. Il-poplu llum għandu jagħraf li jrid jiġġieled biex iżomm dak li għandu. Jekk ma jkunx viġilanti, attent u preparat, dak kollu li l-partit fil-Gvern irnexxielu jibni jispiċċa. Nifhem is-sentiment żbaljat ta’ min, għax jitlef it-tazza, jkun irid ikissirha. Imma hu ħażin li wieħed ikisser is-soċjetà għax mhux fejn irid ikun. Is-soċjetà għandha ħafna u ħaafna minnha li qegħdin tajjeb, għalkemm nifhmu li mhux kulħadd qiegħed hekk. Din mhix raġuni ta’ tifrik ta’ sistema, iżda ta’ għarfien li biha nistgħu mmorru ’l quddiem u ninserixxu lil kull persuna. Il-ġid, l-iżvilupp u t-trasformazzjoni tagħna huma tant kbar li faċli tqabbilhom ma’ ta’ pajjiżi oħra u ssib li, fil-verità, huma ferm aħjar minn tagħhom. Ħafna minna ma jirrealizzawx it-tajjeb li għandna għax qisu rridu naraw biss dak li m’għandniex. Anzi aħjar, hemm min iridna nikkonvinċu ruħna l-kontra.

6. Il-poplu dalwaqt se jissejjaħ għall-ġudizzju elettorali tiegħu. Dan jitlob li, qabel kollox, il-poplu jkun infurmat bl-istat li għandu u se jilħaq biex ikompli jkun iktar aħjar. Jekk dan ma jsirx inkunu qed nonqsu. Naħseb li mhux ta’ barra minn hawn li nippretendu li f’dan il-pajjiż, ikun hemm min ikun hemm fil-Gvern, jassigura li l-livell tal-għixien tagħna jmur ’il quddiem u mhux jinxteħet lura. Min għadu ma niżżilhiex li, l-ewwel, aħna fl-Unjoni Ewropea, u t-tieni, li m’għadux il-pajjiż medjokri li kien, għandu bżonn jaġġorna ruħu. Hemm biss ikollna l-paċi u l-istabbiltà f’dan il-pajjiż. Hekk biss ikollna dak li jixirqilna: li nibqgħu stat demokratiku, modern, Ewropew. Wieħed li jiggarantixxi d-dritt ta’ l-għixien tagħna lkoll. Wieħed li jżomm il-livell tal-ħajja tagħna u li ma jġibx diżastru ekonomiku bil-politika żbaljata tiegħu.

Intervista
L-ewwel kandidat dikjarat gay

Julia Farrugia tintervista lil Patrick Attard


Editorijal

Il-karrotta tat-taxxi


Il Punt
Min bix-xabla jagħti
Gino Cauchi


TONI u PEPPI
X'jgħodd: il-mexxej jew il-politka tal-partit?


Emmanuel Micallef
Kalma u trankwillità


Carmelo Mifsud Bonnici

Soċjetà li ma tiqafx



X'kien Jgħid
Zugraga



Wenzu Mintoff

GonziPN

Gonzi for President of the United States of Malta. Kienet ilha ttekktek li n-Nazzjonalisti kienu se jaħdmu din il-kampanja elettorali fuq il-mudell Amerikan, bil-First Lady, bil-bżieżaq, fanfarri u biċ-chewing gum kollu li jgħaqqad il-politika Amerikana.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


Intervisti ta' qabel

03-02-08
Clyde Puli

27-01-08
Charlie Azzopardi

20-01-08
Mary Spiteri

13-01-08
Jason Micallef

06-01-08
Koppja gay

23-12-07
Edwin Grech

23-12-07
Ray Calleja

16-12-07
Victor Scerri

09-12-07
Reno Calleja

02-12-07
Walter Ahar

 

 

 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan