Il-finezza tal-propaganda partiġġana mhix nieqsa f’din il-kampanja elettorali. Ma nistennewx mod ieħor għax dan hu żmien fejn il-partiti jippretendu li l-elettorat jikkonċentra biss fuq dak li għandhom xi jgħidu huma. Bħal donnu id-dinja ta’ madwarna trid tieqaf għal erba’ ġimgħat u tiffoka biss fuq il-politika lokali. Barra minn hekk l-għodda li għandhom il-partiti llum speċjalment il-mezzi tax-xandir u t-teknoloġija ta’ l-informazzjoni jagħmluhielhom iktar faċli biex jirfinaw il-messaġġi li jridu jibagħtu lill-votanti. Iżda wara ftit biss jiem minn mindu tħabbret id-data tal-elezzjoni diġà nbeda id-dibattitu jew il-battibekki dwar proposti li qed iressqu l-partiti. Dan hu sinjal tajjeb ħafna u jixhed li l-politiċi tagħna fehmu li l-poplu immatura u għalhekk jippreferi li jiddiskuti l-ideat, janalizza l-problemi u jevalwa t-tip ta’ soluzzjonijiet li għandu bżonn pajjiżna.
Il-poplu bl-għajnuna ta’ l-imġiba tal-politiċi waqt il-kampanja elettorali jidher li se jkollu l-opportunità li jiżen il-proposti u mhux joqgħod jintilef dwar ix-xinxilli tal-propaganda fejn il-kosmetiku jingħata prominenza iktar mis-sustanza.
Għalhekk l-ewwel impressjoni li ħadt s’issa hi li l-mexxejja tal-partiti b’mod partikulari qed ikunu kawti ħafna fil-mod kif jipproġettaw ruħhom, f’dak li jgħidu u kif jgħiduh. Mhemmx dubju li l-mexxejja tal-partiti bil-pressjoni u r-responsabiltà li għandhom jieħdu gost jaraw il-partitarji jiġru warajhom, iċapċpulhom u jikbru fl-attendenza tagħhom għall-attivitajiet politiċi li qed isiru ta’ kuljum.
Iżda fil-fond ta’ qalbhom jifhmu li l-messaġġ tagħhom mhux għand dawn biss irid jasal imma jrid imiss l-imħuħ u l-qlub ta’ dawk li mhumiex akkaniti, li għadhom ma ħadux deċiżjoni finali fejn se jixħtu l-vot, lil dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba u lil dawk li jaħsbu li xebgħu u ddejqu mill-appoġġ li kienu jagħtu lill-partit tagħhom. L-appell li għamel kull mexxej ta’ kull partit biex il-poplu jżomm il-kalma u t-trankwillità matul dan iż-żmien ma naħsibx li sar biss bħala formalità biex jidhru kemm huma kontra l-polarizzazzjoni eżaġerata jew kontra l-vjolenza. Nemmen li dan kien appell sinċier għax l-iktar ħaġa importanti f’dan l-istadju hu li l-messaġġ li jrid jgħaddi l-partit lill-elettorat irid jasal b’mod ċar u li jinftiehem sew. Jagħmlu żball il-partiti jekk flok jagħżlu li jfissru fid-dettal, u f’ċertu każi anke sa l-iċken dettal, il-proposti tagħhom jintilfu u jaħlu l-ħin biex joqogħdu jikkritikaw il-proposti ta’ l-oħrajn. Dan iridu jagħmlu ukoll għax hekk jinħoloq id-dibattitu iżda ma jkunux qed jinfluwenzaw il-ħsieb ta’ l-elettorat jekk jagħtu iktar importanza fuq kemm hu ħażin x’qed jipproponi ħaddieħor milli kemm hu tajjeb dak li qed jipproponu huma. Eżempju ċar ta’ dan hu l-mod kif svolġiet id-diskussjoni dwar il-proposta tal-MLP li ma titħallasx taxxa fuq is-sahra.
L-MLP għamel proposta ċara li ma titħallasx taxxa fuq id-dħul mis-sahra. Esponent tal-MLP xtaq jelabora dwar din il-proposta u fost affarijiet oħra qal li jista’ jkun li jkun kunsidrat f’ċirkustanzi partikulari li r-rata tat-taxxa tinbidel minn kif inhi llum (ġeneralment bis-siegħa, siegħa u nofs) mingħajr ma jkun hemm impatt daqstant negattiv fuq id-dħul ta’ l-impjegat għax proprju ma tkunx qed titħallas it-taxxa fuq dan id-dħul.
Il-PN mill-ewwel qabdu ma’ din l-idea u ħarġu jgħidu li l-MLP irid inaqqas il-ħlas ta’ l-overtime u jġibu bis-siegħa siegħa. L-MLP ċaħad dan u qal li l-proposta tiegħu tfisser li jekk il-ħlas preżentement hu ta’ siegħa, siegħa u nofs jew siegħa, sagħtejn jew tlieta dan hekk se jibqa’ u fuq dan l-ammont kollu ma titħallasx it-taxxa. L-MLP ħareġ jgħid li huma l-PN li riedu jnaqqsu r-rata tal-ħhlas tas-sahra meta ikkunsidraw proposti għall-patt soċjali jew meta nnegozjaw ir-rescue plan tal-Air Malta. Il-PN wieġbu li kienu gvernijiet Laburisti tal-passat li qatgħu l-ħlas ta’ l-overtime u minflok kienu jikkumpensaw bit-time off in lieu.
B’dawn il-battibekki qegħdin nispustjaw l-argumentazzjoni kollha li toħroġ minn proposta bħal din. X’inhuma l-vantaġġi ta’ din il-proposta? L-impjegati se jibqgħalhom iktar flus fil-but. Ikunu inkorraġġiti jaħdmu iktar u jipproduċu iktar. Dan jaqbel lil min iħaddem ukoll. Għal min iħaddem bosta drabi jkun aħjar li jagħti l-overtime milli jimpjega nies ġodda biex ilaħħqu mal-produzzjoni jew is-servizzi li jipprovdi.
X’inhuma l-iżvantaġġi? Min iħaddem jista’ jħeġġeġ lill-impjegat biex iktar siegħat jkunu jidhru bħala overtime u b’hekk l-paga ta’ l-impjegat tinżamm milli tiżdied. Id-dħul mit-taxxa fil-Kaxxa ta’ Malta se jonqos. Din il-proposta hi applikabbli biss għal dawk li jaħdmu l-overtime. Ħafna mill-gradi maniġerjali u ta’ superviżjoni ma jiggwadanjaw xejn minn dan.
Proposta bħal din tinkoraġixxi lill-impjegati jqattgħu iktar ħin fuq il-post tax-xogħol u b’hekk jista’ jaffettwa ħażin il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin ħieles. Wieħed irid jara l-effetti ta’ din il-proposta f’kuntest aktar wiesa’. X’inhuma l-mekkaniżmi li se jintużaw biex ma jkunx hemm abbużi? X’effett se jkollha fuq il-purchasing power tal-impjegati u x’impatt se tħalli fuq l-infiq u t-tfaddil tal-familji? Kemm se tiswa lil pajjiż din il-proposta biex titħaddem u x’se jagħmel tajjeb għaliha?
L-elettorat hekk se jifli l-proposti li qed jitressqu. Bħal din hemm l-oħrajn bħall-proposti taċ-ċaqliq tal-bands fuq it-taxxa tad-dħul u l-idea tar-reception class. L-elettorat se jifli wkoll jekk hux qed tintqal il-verità kollha meta jissemmew każi ta’ korruzzjoni jew l-istat tal-għoli tal-ħajja. Se jiddistinwi bejn l-eżaġerazzjonijiet u l-fatti kif jafhom hu. Se jara jekk jagħmilx sens li Partit li mhux rappreżentat fil-Parlament jikkritika lill-Partiti fil-Parlament imbagħad iwiegħed li jaħdem magħhom taħt koalizzjoni jew gvern nazzjonali mill-għada
tal-elezzjoni ġenerali.
Il-kalma u t-trankwillità għalhekk huma meħtieġa. Il-politiku wegħedhom u l-poplu jridhom!
Wenzu Mintoff
GonziPN
Gonzi for President of the United States of Malta. Kienet ilha ttekktek li n-Nazzjonalisti kienu se jaħdmu din il-kampanja elettorali fuq il-mudell Amerikan, bil-First Lady, bil-bżieżaq, fanfarri u biċ-chewing gum kollu li jgħaqqad il-politika Amerikana.