Rajt lil Alfred Sant jipprova jipperswadi lilna l-votanti minn fuq it-taraġ ta’ Kastilja li jekk jitla’ fil-Gvern mhu se jħalli lil ħadd isir ministru jekk ma jinħallx mill-konflitti ta’ interess li d-Deputat jista’ jkollu.
Sirna nafu wkoll li hemm xi eċċezzjonijiet għal din it-tolleranza żero.Waqt il-qari ta’ din id-dikjarazzjoni solenni spalla ma’ spalla miegħu kellu lin-Nutar Charles Mangion.
Nixtieq nistaqsi jekk din it-tolleranza żero tapplikax għad-deputati anke meta jkunu fl-Oppożizzjoni?
Ejja nieħdu l-każ tal-bejgħ ta’ Pender Place. Filwaqt li l-Mexxej Laburista kien qed jikkritika lill-Gvern għax il-post kien se jinbigħ bix-xejn lil xi ‘bażużlu’, Charles Mangion kien avviċinat mix-xerrej biex jagħmillu l-kuntratt. Ta’ dan kollu d-Deputat Mexxej hu stmat li tħallas €87,000 (Lm37,361).
Kif kienu joħorġu Mangion u Sant li kieku l-kuntratt ħadmu s-Segretarju Parlamentari Toni Abela?
Il-kunflitti ta’ interess ma jgħoddux biss għad-Deputati tal-Gvern. Nista’ nkun Deputat fl-Oppożizzjoni u bħala xogħol inkun naħdem id-dawl u l-ilma. Jiġi fuqi bażużlu korrott u biex ma nopponix xi proġett minn tiegħu jimlini bix-xogħol imħallas tajjeb.
Wieħed darba smajtu jgħid qawl Malti kemmxejn baxx imma biex inkun prudenti se npoġġih hekk: ‘Biex taqta’ x-xamm trid taqta’ l-imnieħer... ta’ kulħadd!’
Wenzu Mintoff
GonziPN
Gonzi for President of the United States of Malta. Kienet ilha ttekktek li n-Nazzjonalisti kienu se jaħdmu din il-kampanja elettorali fuq il-mudell Amerikan, bil-First Lady, bil-bżieżaq, fanfarri u biċ-chewing gum kollu li jgħaqqad il-politika Amerikana.