Il-Fondazzjoni Patrimonju Malti twieġeb għal Ritratti Għawdxin bla permess
Minn Dr Max Ganado,
F’isem tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti,
Valletta
Nirreferi għall-artiklu fil-gazzetta tiegħek ta’ l-20 ta’ Jannar 2008 intitolata Ritratti Għawdxin bla permess, miktuba minn Franica Pulis bl-għajnuna tal-familja Buhagiar minn Għawdex.
Dan l-artiklu jittratta allegazzjoni li xi ritratti ġew riprodotti bla permess fi ktieb ippubblikat mill-Fondazzjoni Patrimonju Malti. Sa llum għadu ma ġiex stabbilit li skond il-liġi Maltija hemm bżonn ta’ permess biex dawn ir-ritratti jiġu ippubblikati. Għalkemm fil-korrispondenza bejn l-avukati hemm diskussjoni ċivili, għandu jingħad li s’issa mhemmx qbil li r-ritratti in kwistjoni huma protetti b’xi liġi rigward il-Copyright jew mod ieħor.
Mhux qed ikun hemm xi dewmien fil-korrispondenza u sakemm ġie ippubblikat l-imsemmi artiklu l-atteġġament kien kostruttiv u kif jixraq. Il-familija Buhagiar sfortunatament issa dehrilha li għandha timxi mod ieħor.
Id-Drittijiet ta’ l-Awtur huma drittijiet ta’ monopolju fuq r-riproduzzjoni ta’ l-opra. Minn meta miet il-fotografu Mikiel Farrugia fl-1957 il-liġijiet li tawh drittijiet ta’ copyright inbiddlu u nbidel ukoll l-ammont ta’ żmien li fih il-fotografu hu intitolat għad-Drittijiet ta’ l-Awtur. Dawn id-drittijiet kienu regolati, fost oħrajn, minn liġi ta’ l-1967 fejn it-terminu ta’ protezzjoni kien jestendi 25 sena mill-publikazzjoni ta’ dawn ir-ritratti.
Ir-ritratti in kwisjoni ġew ippubblikati bħala postcards qabel ma miet il-fotografu (circa 1905 - 1935). Bħala konsegwenza d-Drittijiet ta’ l-Awtur spiċċaw (fl-aħjar ipotesi għall-familja Buhagiar) 25 sena wara li miet il-fotografu, jiġifieri fl-1982. Tmintax il-sena wara, il-liġi viġenti l-Copyright Act ta’ l- 2000, ġiet emendata biex tkun konformi mal-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropea u ġeneralment estendiet l-imsemmi perjodu ta’ protezzjoni għal 70 sena mill-mewt tal-fotografu. Iżda mhux għal kollox.
Fil-fatt din l-liġi tgħid espressament fl-artiklu 60 li:
“Dan l-Att japplika… għal xogħlijiet magħmula qabel il-bidu fis-seħħ ta’ dan l-Att meta l-perjodu ta’ protezzjoni ma jkunx, mal-bidu fis-seħħ ta’ dan l-Att… imħassar b’dan l-Att.”
Il-verżjoni bl-Ingliż hi forsi aktar ċara: “This Act shall apply … to works made before the coming into force of this Act where the term of protection has not, upon the coming into force of this Act, expired under the Copyright Act repealed by this Act.”
Għalhekk id-drittijiet li jgħidu li għandhom il-membri tal-familja Buhagiar ma jeżistux (taħt ebda wieħed mill-verżjonijiet tal-liġijiet) u mill-inqas mill-1982 il-pubbliku in ġenerali seta’ jibda jibbenefika liberament mix-xogħol artistiku ta’ Michele Farrugia.
Hu ta’ ġieh kbir li voluntiera, mingħajr interessi privati, huma lesti li jiddekidaw il-ħin tagħhom biex jorganizzaw u jaħdmu fuq xogħolijiet siewja dwar pajjiżna u l-istorja tagħna. Din il-pubblikazzjoni hi eżempju ta’ dan.
F’għajnejn il-fondazzjoni hu mertu tar-riċerka u xogħol ta’ l-Imħallef Giovanni Bonello li l-isem tal-fotografu Farrugia reġa’ kiber u sar magħruf. Konsegwenza ta’ dan ix-xogħol il-valur tal-fotografiji oriġinali f’idejn l-istess familja Buhagiar, jekk xejn, żdied. Farrugia, minn fotografu ftit imsemmi llum hu rikonoxxut f’pubblikazzjoni Maltija ta’ l-ogħla livell.
Il-familja Buhagiar, li xtaqu jżommu l-informazzjoni dwar il-familja tagħhom privata, minflok ma komplew fid-diskussjoni privata mal-Fondazzjoni, svelaw informazzjoni dwar il-familja tagħhom li ċertament il-Fondazzjoni ma kinitx taf biha. B’din l-azzjoni tagħhom kabbru l-ħsara li ġew ikkwotati li riedu jevitaw. Minbarra l-fatt li l-istess fotografu Michele Farrugia diġà kien poġġa r-ritratti in kwistjoni fl-ambitu pubbliku, ħafna snin ilu meta użahom biex iservu ta’ ritratti fuq postcards.
Il-Fondazzjoni m’għamlet xejn aktar ħlief li ġabret dawn il-postcards u organizzathom f’ċertu ordni u kuntest għall-benefiċċju tal-pubbliku, kemm dak preżenti kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Il-Fondazzjoni, fi ftit kliem, ma ippubblikat ebda informazzjoni privata jew personali li ma kinetx diġà stampata u ippubblikata qabel.
Il-pubblikazzjoni ta’ l-imsemmi artiklu, anki jekk ma kienx intenzjonat li jpoġġi l-Fondazzjoni f’dell ikrah, ħoloq ċerti dubji fuq l-aġir tal-fondazzjoni, li l-Fondazzjoni tħoss li għandha tirribatti.
Il-Fondazzjoni hi fondazzjoni bi skop soċjali li ma tagħmilx profitt u kulma tagħmel trid tagħmlu fl-interess pubbliku, naturalment mingħajr ma tikser xi drittijiet privati.
Jekk kellu jirriżulta li l-familja Buhagiar għandhom xi pretenzjoni fondata, allura l-fondazzjoni hi lesta li tinstab soluzzjoni ekwa mingħajr il-bżonn ta’ proċeduri legali li jiswew il-flus u jisirqu mill-ħin limitat tal-voluntiera li f’kull każ m’għandhom l-ebda interess privat.
Dan il-familja Buhagiar diġà jafuh mill-ittri li ntbagħtulhom. Dan hu l-ispritu ta’ l-artiklu 27 (u oħrajn) tal-Voluntary Organisations Act li jistieden lill-persuni li għandhom xi disgwid ma’ xi organizzjoni voluntarja biex jirrikorru għall-metodi aktar utli biex tintlaħaq soluzzjoni skond il-Liġi (tkun xi tkun) biex l-għanijiet ta’ l-istess għaqdiet volontarji ma jiġux imfixxkla.
Wenzu Mintoff
GonziPN
Gonzi for President of the United States of Malta. Kienet ilha ttekktek li n-Nazzjonalisti kienu se jaħdmu din il-kampanja elettorali fuq il-mudell Amerikan, bil-First Lady, bil-bżieżaq, fanfarri u biċ-chewing gum kollu li jgħaqqad il-politika Amerikana.