MediaToday

Ittri | 10 ta’ Frar 2008 Nr 67

L-Impjant ta’ Sant’Antnin għall-wiri

Minn Joe Sant,
Kumitat Kontra l-Impjant għar-Riċiklaġġ Propost

Il-WasteServ, kumpanija tal-Gvern li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru George Pullicino, tilfet il-kredibiltà tagħha fost il-poplu Malti. Dan tilfitu prinċipalment għall-mod kif ħadmet l-impjant tar-riċikilaġġ ta’ Sant’Antnin mill-2001 ’il quddiem. Minn impjant nadif u jaħdem tajjeb, dawritu għal miżbla fil-veru sens tal-kelma u rnexxielha ġġibu fi stat ta’ diżastru.
F’Mejju, 2003 il-WasteServ bdiet taħdem biex twaqqa’ l-impjant u minfloku tibni wieħed ġdid akbar minn dak li kien hemm b’żewġ impjanti ġodda, dak imsejjaħ MRF u ieħor tal-ġenerazzjoni tal-gass splussiv.
Mill-bidunett, il-WasteServ għamlet minn kollox biex tidħak bil-poplu u tgħaddih biż-żmien. Issottomettiet applikazzjoni li kienet tgħid li l-impjant il-ġdid kien se jkun ‘titjib ta’ dak li kien jeżisti. Dan ma kienx minnu. Il-pjanti li huma stess issottomettew kixfu l-ingann li kellhom f’moħħhom. Kellhom jibdlu l-applikazzjoni għal waħda tat-twaqqiegħ u l-bini ta’ erba’ impjanti, fosthom tnejn ġodda li fl-impjant li kien hemm qabel ma kinux jeżistu.
Iżda dan ma kienx biżżejjed. Ma’ l-applikazzjoni ddikjaraw li biex jinbena l-impjant kien hemm bżonn spazju ta’ 18,000m2. Ingann ieħor. Fil-fatt meta l-WasteServ ġiet imġiegħla tagħmel studju msejjaħ l-EIA ħareġ li l-ispazju meħtieġ għall-impjant kien ta’ 47,000m2, 29,00m2 aktar minn dak li ddikjaraw. Ir-rapport jgħid li d-daqs ta’ 18,000m2 mogħti mill-WasteServ kien ‘żball’.
Iżda dan l-iżball qatt ma ġie ikkoreġut. U kollox baqa’ sejjer daqslikieku ma ġara xejn. Fil-proċess, meqjus minn kulħadd bħala l-aktar proċess fażull, immanipulat u vvizzjat li qatt sar fil-pajjiż, il-WasteServ tħalliet tagħmel li trid u li jogħġobha. Saħansitra d-dritt u l-obbligu li kellha li tagħżel sit biex isir l-istudju komparattiv ma’ siti alternattivi oħra baqgħet ma wettqitu qatt. Veru li kumpanija WasteServ baqgħet qatt ma għażlet sit hi għax kienet diġà taf minn qabel li l-proċess kien kollu kemm hu finta. Kienet taf li kien kollu mogħdija ta’ żmien la kien diġà deċiż mill-bidunett li l-impjant se jsir f’Sant’Antnin? Il-proċess mhux biss kien ħela ta’ żmien iżda tberbiq ta’ eluf ta’ flus il-poplu.
Il-Ministru George Pullicino, li daqs il-WasteServ u l-maġġoranza tal-Bord tal-MEPA qed jinżamm responsabbli għall-ivvizzjar tal-proċess, qal li se jkunu organizzati ħarġiet għan-nies biex iżuru l-impjant. Naturalment dawn qed ikunu mistiedna biex iżuru l-impjant meta hu vojt miż-żibel u mill-gass splussiv. Lill-WasteServ u lil Pullicino qed nissuġġerilu li jgħid lill-poplu:
- Jekk hux se jilqa’ l-isfida li għamillu l-Kumitat Kontra l-Impjant Propost u jxandar ir-rapport ta’ l-investigazzjoni li għamel l-Awditur tal-MEPA, li issa ilu sena moħbi
- Jikkonfermax jew le li hu nnifsu għal diversi drabi kien jattendi laqgħat flimkien ma’ rappreżentanti tal-WasteServ u l-MEPA dwar l-impjant
- Jikkonfermax ukoll li kienu l-WasteServ stess li innominaw il-konsulenti li suppost kellhom ikunu indipendenti
- Jekk fost dawk innominati mill-kumpanija li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu kienx hemm uħud li kienu mpjegati tal-Gvern
- Jekk fost dawn kienx hemm min saħansitra kellu konnessjoni mal-Ministeru tiegħu u jekk dawn kollha kinux imħallsin mill-iżviluppatur innifsu jew le.
- Jekk dawn il-konsulenti jistgħux verament jitqiesu indipendenti jew inkella kinux fil-bwiet ta’ min innominahom
Tajjeb ukoll jekk Pullicino u l-WasteServ jgħidu min u għaliex kien iddikjarat qies footprint falz li fuqu kellu jinbena l-impjant;
- Jgħidilna wkoll jekk dak l-imsejjaħ żball tal-WasteServ fil-qies, li flok 47,500m2 iddikjarat kważi terz ta’ dak l-ispazju – 18,000m2 kienx ġie ikkoreġut; jekk le, għaliex?
- Jekk Pullicino jew l-Uffiċjali tiegħu nfurmawx lill-Bord tal-MEPA li r-rapport li kellhom quddiemhom li fuqu kienu se jiddeċiedu s-sit kienx żbaljat jew le
- Jekk hux minnu jew le li l-Bord tal-MEPA minkejja li kien jaf li r-rapport dwar il-footprint ta’ l-impjant kien żbaljat, xorta waħda ddeċieda fuqu
-Fuq liema footprint ġie kkalkulat il-ħlas li kellha tħallas il-kumpanija, jekk hux fuq il-footprint falz ta’ 18,000m2 jew dak ta’ 47,500m2? Għax jekk il-ħlas sar fuq il-footprint ta’ 47,500m2, kif jista’ jkun li l-Bord jew Uffiċjali oħra fil-MEPA ma ndunawx bid-diskrepanza daqstant kbira u li allura kollox kien immanipulat u vvizzjat?
- Jekk jafx Pullicino li l-proċedura li segwiet dan il-proċess kienet miksura
Jikkonfermax George Pullicino, li f’każijiet oħra meta kien hemm żbalji simili il-Bord irreaġixxa, filwaqt li fil-każ ta’ l-impjant ta Sant’Antnin, il-maġġoranza tal-Membri tal-Board għalqu għajnejhom għal kollox.
Jista’ Pullicino jgħid hux minnu jew le li r-Rapport dwar l-iżvilupp imsejjaħ DPAR kien f’idejn il-kumpanija WasteServ fid-19 ta’ Diċembru, 2006 filwaqt li lill-istakeholders ingħata ġurnata wara u fuq il-website? U kif inhi din, li filwaqt li r-rapport kien għadu mhux lest, l-aġenda ħarġet fil-15 ta’ Diċembru, ta’l-2006 meta r-Rapport DPAR kien għadu mhux lest?
Fuq kollox il-WasteServ u George Pullicino jistgħu jikkonfermaw ukoll jekk l-istudji dwar is-saħħa ambjentali fuq ir-residenti baqgħu ma sarux?
Dawn huma wħud mill-affarijiet li l-poplu jrid ikun jaf. Għalhekk il-Kumitat Kontra l-Impjant qed jinsisti u se jibqa’ jinsisti biex ir-rapport ta’ l-investigazzjoni ta’ l-Awditur ikun magħruf minn kulħadd.
Aħna ċerti li Pullicino, bil-ftaħir tiegħu fuq it-trasparenza, mhu xejn ħlief duħħan li jisfuma mar-riħ. Konvinti li mhux se jilqa’ l-isfida tagħna u jippubblika r-Rapport ta’ l-Awditur, speċjalment issa li qegħdin f’lejlet elezzjoni ġenerali. Il-pubblikazzjoni tar-rapport tħammarlu wiċċu u jkun il-kaġun li jibqa’ l-art.
Imma llum jew għada r-Rapport ikun ippubblikat u l-poplu jkun jaf il-verità.

Intervista
L-ewwel kandidat dikjarat gay

Julia Farrugia tintervista lil Patrick Attard


Editorijal

Il-karrotta tat-taxxi


Il Punt
Min bix-xabla jagħti
Gino Cauchi


TONI u PEPPI
X'jgħodd: il-mexxej jew il-politka tal-partit?


Emmanuel Micallef
Kalma u trankwillità


Carmelo Mifsud Bonnici

Soċjetà li ma tiqafx



X'kien Jgħid
Zugraga



Wenzu Mintoff

GonziPN

Gonzi for President of the United States of Malta. Kienet ilha ttekktek li n-Nazzjonalisti kienu se jaħdmu din il-kampanja elettorali fuq il-mudell Amerikan, bil-First Lady, bil-bżieżaq, fanfarri u biċ-chewing gum kollu li jgħaqqad il-politika Amerikana.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


Intervisti ta' qabel

03-02-08
Clyde Puli

27-01-08
Charlie Azzopardi

20-01-08
Mary Spiteri

13-01-08
Jason Micallef

06-01-08
Koppja gay

23-12-07
Edwin Grech

23-12-07
Ray Calleja

16-12-07
Victor Scerri

09-12-07
Reno Calleja

02-12-07
Walter Ahar

 

 

 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe
Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan