L-unika proposti konkreti li ħarġu minn fomm Lawrence Gonzi minn mindu bdiet il-kampanja elettorali huma dawk dwar it-taxxa fuq id-dħul. Kien fl-ewwel appuntament tiegħu mal-media fit-tieni jum tal-kampanja li Gonzi wiegħed iktar tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul billi jnaqqas l-ogħla rata ta’ taxxa għal 25% ħlief għal dawk li jaqbdu €60,000 jew aktar.
Fl-istess ħin Gonzi wiegħed ukoll li n-nisa ma jħallsux taxxa għal sena għal kull wild li jkollhom, inċentiv biex iħajjarhom jibqgħu jagħtu sehimhom fid-dinja tax-xogħol.
Iż-żewġ proposti fihom ħafna x’tomgħod, speċjalment it-tieni waħda li għandha tgħin biex is-suq tax-xogħol ma jitlifx nisa tajbin kif qed isir bħalissa.
Madankollu li jinkwetana hu fattur wieħed. Il-fatt li dawn il-proposti tħabbru daqstant kmieni fil-kampanja elettorali mingħajr ma kien hemm l-ebda ħjiel dwarhom sa dakinhar x’aktarx hu indikazzjoni tal-paniku li jinsab fih il-Partit Nazzjonalista.
Sa llum għadhom l-uniċi proposti fuq il-mejda u wisq nibżgħu li aktar huma parti minn strateġija elettorali milli parti minn qafas politiku. Tant hu hekk li meta ħabbar dawn il-proposti Gonzi lanqas ma ippreżenta ċ-ċifri maħduma ta’ kemm se jiswew lill-pajjiż minkejja l-baraxx ta’ kritika li kienet saret fil-konfront tal-Partit Laburista talli ma qalx kemm se jiswewh il-proposti li jnaqqas is-soprataxxa u jneħħi t-taxxa minn fuq is-sahra.
Il-partiti politiċi daħlu fil-vena li jwiegħdu tnaqqis fit-taxxi għax jafu li proposti bħal dawn jinżlu għasel ma’ l-elettorat.
Imma l-kelb il-mismut kull ilma jaħsbu misħun. Ħadd mhu se jiblagħha li pajjiżna se jkun l-inqas wieħed intaxxat fl-Ewropa u fl-istess waqt se jżomm il-livell ta’ infieq fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fis-servizzi soċjali.
Xi ħaġa, x’imkien, trid iċċedi u l-partiti politiċi mhumiex jgħidu x’se jċedi. Il-probabbiltà hi li l-balla, bħas-soltu, taqa’ wara l-elezzjoni.
Fil-limitazzjoni tagħhom, l-Alternattiva Demokratika hi l-uniku partit li qed jissuġġerixxi miżura biex tpatti xi ftit għat-tnaqqis fit-taxxi li qed iwiegħdu. Qed jipproponu li l-ogħla rata ta’ taxxa fuq il-banek għandha titla’ għal 40% biex tagħmel tajjeb għat-tnaqqis fit-taxxa fuq kulħadd. Jekk xejn hemm element ta’ responsabbiltà fiskali.
Sfortunatament Gonzi u Sant qed jistrieħu fuq it-tkabbir ekonomiku biex jiġġustifikaw il-proposti tagħhom. Għalina dan mhux biżżejjed. X’jiġri jekk l-ekonomija ma tikbirx kif qed ibassru minħabba s-sitwazzjoni mwiegħra fis-suq globali? X’jiġri jekk il-prezz taż-żejt ikompli tiela’ u jagħsar is-swieq?
In-nies għandhom dritt ikunu jafu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet.
Nisa fil-Parlament
Din il-gazzetta temmen bis-sħiħ fil-bżonn li fil-Parlament ikun hemm iktar nisa. Nemmnu li n-nisa jistgħu jġibu fuq il-mejda tad-diskussjoni perspettiva differenti li tirrappreżenta l-ħsieb ta’ iktar minn nofs il-popolazzjoni.
Sfortunatament l-għadd ta’ nisa li se jikkontestaw l-elezzjoni mhuwiex kbir. Il-mara għadha żvantaġġata fil-ħajja politika għax is-sistema hi iddominata mill-irġiel. In-nuqqas ta’ indipendenza finanzjarja u l-piż tat-trobbija ta’ l-ulied għadhom ixekklu lill-mara milli tagħti s-sehem sħiħ tagħha fil-qasam politiku. Huma l-istess problemi li jxekklu lin-nisa milli jkomplu jagħtu sehem sħiħ fid-dinja tax-xogħol.
Hu inkoraġġanti ħafna li f’Għawdex, minkejja l-immaġni konservattiva, il-partiti jirnexxielhom isibu ħafna iktar kandidati nisa.
Nifhmu li mhux faċli għal kull kandidat li jmexxi kampanja personali b’saħħitha fuq id-distrett u ħafna drabi d-diffikultà tkun ikbar għan-nisa.
Għalhekk mill-ġimgħa d-dieħla din il-gazzetta se tkun qed tmexxi kampanja favur iktar nisa fil-Parlament. Se nagħtu spazju speċjali lin-nisa kandidati kollha. Nieħdu l-impenn li nqarrbu l-qarrejja tagħna lejn il-ħsibijiet tal-kandidati nisa biex ikunu jistgħu jaslu għall-ġudizzju elettorali tagħhom anki fuq il-kontenut u mhux biss fuq l-apparenza.
Għall-ġid tad-demokrazija nixtiequ li l-għadd ta’ nisa eletti fil-Parlament ikun ikbar minn dak li kellna sa llum.
Wenzu Mintoff
GonziPN
Gonzi for President of the United States of Malta. Kienet ilha ttekktek li n-Nazzjonalisti kienu se jaħdmu din il-kampanja elettorali fuq il-mudell Amerikan, bil-First Lady, bil-bżieżaq, fanfarri u biċ-chewing gum kollu li jgħaqqad il-politika Amerikana.