X'Kien Jgħid?| 03 ta’ Frar 2008 Nr 66
Il-kampanja elettorali telqet – anki jekk mhux uffiċjalment.
Bit-twaqqif tal-billboards kompluti b’messaġġ elettorali ovvju fit-toroq prinċipali tal-pajjiż inkixef is-sigriet ta’ Lorenzo u Saliba. Insomma, kont korrett fit-tbassira li għamiltilkom ġimagħtejn ilu!
Issa jonqos naraw min hu l-ħmar il-magħkus li se jdur għalih id-dubbien. Għax f’kampanja bejn tnejn ras imb’ras, jispiċċa jitlef min ikun l-isfortunat li jiġrilu bħall-ħmar il-magħkus!
Id-dottor Sant kellu l-problema ta’ l-operazzjoni li għamel, wieħed jista’ jgħid b’urġenza, u llum jidher li rkupra sewwa. Madankollu żgur ma jistax jagħmel il-brutta figura li għamel nhar it-Tnejn fuq il-programm Bondiplus meta qagħad bilqegħda ċass jireċta parti li donnu studjaha bl-amment... qisu statwa tax-xemgħa minn ta’ Madame Toussaud, bid-differenza li ċaqlaq ħalqha biex tgħid messaġġ irrekkordjat! L-għada fil-programm Disset fuq l-istess stazzjon, hekk imsejjaħ nazzjonali, kien anqas artifiċjali, anki jekk xorta baqa’ jirrepeti l-istess affarijiet.
Fil-Konferenza ġenerali d-dottor Sant tkellem b’mod meqjus imma mil-lat ta’ sustanza bqajna fejn konna. Ir-referenza għal Michael Woods forsi kellha l-effett temporanju li qajmet ftit entużjażmu, iżda kien ovvju wisq li din kienet biċċa reċta ippjanata minn qabel... bil-kameras televiżivi tas-Super One jaqilbu mill-ewwel fuqu malli Sant semmieh! Din ma kenitx kumbinazzjoni.
Għan-nies tat-triq żgur li dan kien żball, meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi kollha. Ma nafx kif id-dottor Sant jissogra jiftaħar b’wieħed li qaleb mill-Partit Nazzjonalista għall-Partit Laburista minħabba raġunijiet suspettużi u dubjużi.
Imbagħad il-kampanja tal-Labour hi ripetizzjoni ta’ ma nafx kemm il-kampanja telliefa oħra li għamlu tal-Labour... dejjem jipproponu il-bidla u jwiegħdu xi ħaġa li tiżgarra. Tnax il-sena ilu wegħdu li jneħħu l-VAT; ħames snin ilu li jżommuna barra mill-Unjoni Ewropea u jagħtuna xahrejn bla income tax, issa li se jaqtgħu nofs is-surcharge... Imma n-nies tinsa.
Min-naħa l-oħra l-kampanja ta’ Lorenzo jista’ jkollha ferm aktar problemi. Il-verita’ dejjem tibqa’ li d-dottor Sant jista’ jsib ruħu Prim Minsitru mingħajr ma jżid vot wieħed għas-sempliċi raġuni li l-PN se jitlef mill-voti li kellu billi il-voti ta’ l-imgerrxa jmorru għand l-Alternattiva, il-partit ta’ Josie, jew addiritura jastjenew. U din hi l-ewwel u l-akbar problema li għandu Lorenzo. Id-deċiżjoni li hu stess jikkontesta d-Disa’ Distrett li jinkludi s-Swieqi hi attentat iddisprat biex jiġbor xi ftit minn dawk il-voti lura. Għad irridu naraw jekk din il-mossa hix se tikseb ir-riżultat mixtieq.
B’din id-deċiżjoni nkixfet xi ħaġa oħra minn dak li Joe Saliba il-ħin kollu jaħbi – li s-sondaġġi li qed jagħmel urewh li l-PN l-aktar li waqa’ lura kien proprju f’dak id-Distrett. L-ewwel u l-akbar problema għal Lorenzo se tkun kif joħroġ lin-Nazzjonalisti jivvutaw. Min-naħa l-oħra d-dottor Sant żgur li m’għandux problema bħal din!
Problema oħra li għandu Lorenzo hi l-baraxx kbir ta’ talbiet għal kulma dak li jkun ifettillu jitlob; talb ġustifikat jew mhux, iżda dejjem talb imgeżwer fit-theddid, sintendi! It-theddid fi żmien l-elezzjoni jkompli juri li din ir-reppublika hi mibnija fuq ir-regħba u mhux fuq
ix-xogħol.
Filwaqt li l-kandidati Laburisti jistgħu iwiegħdu l-ilma jiżfen, anki jekk jafu li jkunu qed jidħqu bin-nies, il-kandidati Nazzjonalisti jintalbu jżeffnu l-ilma issa u mingħajr dewmien, qabel il-ġurnata tal-votazzjoni! Għal dan l-iżvantaġġ Lorenzo qajla għandu risposta.
Lorenzo jista’ jiftaħar bil-proġetti li saru matul l-erba’ snin li għamel Prim Ministru, iżda anki hawn tal-Labour dejjem isibu xi jmaqdru, imqar jekk ma jkollhomx raġun. Ftit ġranet ilu kienet inawgurata s-sala ġdida ta’ l-iskola ta’ Ħal Safi. L-inawgurazzjoni inzertat saret f’ġurnata bil-maltemp u din l-imbierka sala ma għandhiex aċċess dirett minn ġewwa l-iskola: trid toħroġ barra biex tidħol fiha, ħaġa li normalment mhix xi diffikultà. Il-gazzetta ta’ kuljum tal-GWU għamlet festa tirrapporta l-garr minħabba din il-problema flok il-ferħ u l-gratitudini għax inbniet din is-sala! Hekk hu kif xi ħaġa li suppost tagħti vantaġġ lil-partit fil-Gvern tinqaleb, f’leħħa ta’ berqa, fi kritika negattiva u garr,
Imbagħad hemm problemi komuni: xi paroli żejda bla ħsieb minngħand xi esponent ewlieni ta’ partit bħal, biex nagħti eżempju, xi Wistin Gatt jew xi Debono Grech, jista’ jitfa’ lura lil dak il-partit, anki jekk temporanjament. Inċident bħal dan jista’ jiżvija l-pjani tal-kampanja li jkunu saru bir-reqqa u jista’ jkun biċċa sfortuna għal naħa u fortuna għan-naħa l-oħra.
Kollox ma kollox
iż-żewġ mexxejja li jistgħu isiru Prim Ministru wara l-elezzjoni jidhru li huma t-tnejn magħkusa. Min jaf min minnhom se jdur għalih l-aktar id-dubbien! |
|
Julia Farrugia tintervista lil Clyde Puli, Kandidat tal-PN
Editorijal
Il Punt
Leo Brincat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
Kien ssemma għalih il-cruise liner li nħataf fl-1985 fl-ibħra viċin l-Eġittu. L-Achille Lauro kien inħataf mit-terrorista Palestinjan Abu Abbas li spiċċa fiċ-ċentru ta' taqtigħa bejn Ronald Reagan u Bettino Craxi meta l-Amerikani sfurzaw l-inżul fil-bażi tagħhom f'Sigonella, Sqallija l-ajruplan li kien se jieħu lil Abbas lejn it-Tuneżija wara li kien inħeles mill-Eġittu. Dakinhar kienet għaddiet ta' Bettino Craxi li minkejja dak kollu li għadda minnu f'Tangentopoli ftit tas-snin wara, xorta waħda baqa' jitfaħħar għall-pożizzjoni soda li kien ħa fil-każ ta' l-Achille Lauro meta ma kienx ħalla l-prepotenza Amerikana tagħmel bih.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|