Wenzu Mintoff | 03 ta’ Frar 2008 Nr 66
Kien ssemma għalih il-cruise liner li nħataf fl-1985 fl-ibħra viċin l-Eġittu. L-Achille Lauro kien inħataf mit-terrorista Palestinjan Abu Abbas li spiċċa fiċ-ċentru ta’ taqtigħa bejn Ronald Reagan u Bettino Craxi meta l-Amerikani sfurzaw l-inżul fil-bażi tagħhom f’Sigonella, Sqallija l-ajruplan li kien se jieħu lil Abbas lejn it-Tuneżija wara li kien inħeles mill-Eġittu. Dakinhar kienet għaddiet ta’ Bettino Craxi li minkejja dak kollu li għadda minnu f’Tangentopoli ftit tas-snin wara, xorta waħda baqa’ jitfaħħar għall-pożizzjoni soda li kien ħa fil-każ ta’ l-Achille Lauro meta ma kienx ħalla l-prepotenza Amerikana tagħmel bih.
Iż-żarbuna
Achille Lauro proprjament kien politikant tradizzjonali Taljan, Demokristjan, li kien jiġi elett mir-reġjun ta’ Napli. Dan Achille Lauro kien magħruf għal kif kien jirnexxilu litteralment jixtri l-voti. Ma nafx hux għax kellu xi sehem f’xi fabbrika taż-żraben, inkella għax f’Napli tal-Ħamsinijiet kien għad hemm ħafna għaks u ħefa. Imma l-iktar mod effettiv kif is-Sur Lauro kien jikkapparra l-voti kien billi jagħti par żarbun lil kulmin kien se jivvutalu, imma b’daqsxejn ta’ riserva żgħira.
Lill-votant prospettiv tiegħu, Lauro kien jagħtih żarbuna waħda qabel il-votazzjoni u ż-żarbuna l-oħra jagħtihielu wara l-elezzjoni. S’intendi kien jeżisti mezz ċert kif is-Sur Lauro u l-ħbieb tiegħu jsiru jafu jekk dawk li jmorru jivvutaw b’żarbuna waħda kienx ikun ħaqqhom il-premju taż-żarbuna l-oħra jew le.
Meta dawn ta’ żarbuna waħda jidħlu fil-klassi biex jivvutaw, jiddikjaraw li ma jafux jaqraw u jiktbu, anki jekk ikunu jafu u jiddikjaraw il-vot tagħhom fil-miftuħ quddiem l-assistenti kummissjonarji li kienu jmorru jirfsu mal-galoppini ta’ Lauro li kien jieħdu ħsieb it-tqassim tat-tieni żarbuna.
Issa minn kif jgħiduli f’Malta ta’ wara l-gwerra, u nimmaġina li anki f’Napli, is-sitwazzjoni kienet bejn wieħed u ieħor l-istess, anki fost dawk li kellhom il-‘privileġġ’ ta’ par żarbun. Kien hawn min biex il-ħajja ta’ żarbun jagħmilha tnejn kien jilbes żarbuna waħda u jinfaxxa s-sieq l-oħra bl-iskuża li kellu xi ferita li ma tistax tfiq. Imbagħad wara li jkun herra l-ewwel żarbuna, kien jilbes iż-żarbuna fis-sieq taparsi feruta u jbiddel il-faxxa minn sieq għal oħra. Fi ftit kliem xorta waħda kien possibbli tiskappriċah lis-Sur Lauro, teħodlu mqar żarbuna waħda, tilbisha u tinfaxxa s-sieq l-oħra u xorta tivvota kif trid int.
Anki f’Malta x-xiri tal-voti ġieli jieħu forom pjuttost Biżantini, minbarra dawk tradizzjonali tal-favuri u tal-pjaċiri. Għad hawn sfortunatament ċerti tipi li jixtru l-vot ta’ dak u l-ieħor billi joffrulu somma flus u dak li jkun jew jagħtihom il-voting document u ma jmurx jivvota, inkella jitlob l-għajnuna ta’ l-assistenti kummissjonarji biex jivvota jew saħansitra jintalab jieħu ritratt bil-mobile tal-polza tal-vot biex ikollu xhieda ta’ kif ivvota.
Sistema oħra li naf li ġieli ntużat f’Għawdex f’elezzjonijiet imgħoddija ma’ ċerti votanti anzjani li jbatu b’ċerti skrupli reliġjużi hi dik ta’ ċertu kandidat pjuttost xettiku mill-votanti li kienu jwegħduh il-vot tagħhom.
Dan kien iġorr kurċifiss żgħir fil-but mhux biex iħarsu minn kull għawġ imma biex appena xi anzjan jew anzjana jwiegħduh il-vot tagħhom, fil-pront joħroġilhom il-kurċifiss mill-but u jgħidilhom: ‘Aħlef fuq il-kurċifiss li hekk se tagħmel’.
Majjistral
F’din il-kampanja elettorali li issa ġmielna dħalna fiha, qed naraw dan is-sindromu tax-xiri tal-voti à la Achille Lauro jieħu diversi dimensjonijiet fil-kuntest lokali.
Rajna l-kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi jiddandan il-Ħadd li għadda l-Manikata fix-Xagħra l-Ħamra, sit ta’ sbuħija naturali li ftit għandna bħalu.
Li kien għal Dr. Gonzi dan il-pajsaġġ naturali mill-isbaħ kien jisfa meqrud darba għal dejjem mill-iżvilupp spekulattiv ta’ vilel u bini ieħor li kienu se jiffurmaw parti mill-kumpless tal-korsa tal-golf, mill-fertilizzanti u l-erbiċidi li ta’ bil-fors kienu se jisqu l-korsa tal-golf li paspar li jrid jagħmel hemmhekk il-Kap Nazzjonalista.
Sustanzi kimiċi li kienu se jivvalenaw il-ġwiebi naturali kbar ta’ l-ilma li jinsabu taħt il-ħamrija u l-blat fix-Xagħra l-Ħamra. Meta l-pjanijiet ta’ Gonzi spiċċaw irrukkaw minħabba l-oppożizzjoni li sab ma’ wiċċu minn naħa tas-socjetà ċivili, dan ra kif għamel biex inessinha kemm jista’ jkun malajr din il-bawxata.
Fid-daqqa u l-ħin beda jgħid li hemmhekk se jagħmel park nazzjonali ta’ wirt naturali u storiku. Għalkemm għadu ma sarx imqar sold xogħol fuqu u lanqas biss ħammluh mill-iskart varju li kien ilu jinġema’ fih, għammduh bl-isem ta’ Majjistral u għamlu wkoll il-logo tiegħu.
F’nofs id-Disgħinijiet lil Stanley Zammit kienu abbandunawh u ħallewh jegħreq waħdu minħabba l-kwistjoni tal-kaċċa. Issa fettlilhom jirxuxtawh wara li kienu qatluh politikament u intrigawh biex ikun chairman tal-fondazzjoni li se tmexxi dan il-park.
Il-Buskett
Il-Ħadd li għadda saret speċi ta’ attività l-Manikata fejn sintendi spikkaw l-aktar quddiem il-kameras Gonzi u Pullicino biex jiċċelebraw it-twaqqif ta’ dan l-hekk imsejjaħ park, meta fil-verità għadu ma sar l-ebda xogħol fuqu. Fi staġun politiku bħal dak li qegħdin fih, ċertament li Achille Lauro kien ikollu ħafna x’jagħmel bit-tqassim taż-żraben. Issa veru li Lauro kien jipprova jistadek b’żarbuna waħda biex jagħtik l-oħra, imma għall-inqas it-tieni żarbuna li kien jagħtik kienet tkun ġdida u mhux imqatta’ bħall-ewwel waħda.
Ara fil-każ ta’ Gonzi lejlet l-elezzjoni qed iwiegħdek żarbuna ġdida, ibiegħlek il-ħolma li xi darba fix-Xagħra l-Ħamra fl-annu mai jkun hemm park nazzjonali ta’ wirt naturali u storiku, meta ż-żarbuna li diġà għandna f’saqajna ha mqattgħa u mdamdma. Il-masġar tal-Buskett li hu parti mill-wirt kbir li ħallewlna warajhom il-Kavallieri hu ġahwra li mhux lakemm ikollna oħra bħala.
Safrattant il-Buskett jinsab fi stat ta’ telqa ġenerali, partijiet minnu qegħdin litteralment jiġġarrfu, mhemmx min jieħu ħsiebu u jħarsu 24 siegħa kuljum, is-sebat ijiem tal-ġimgħa u xogħol ta’ tiswija u manteniment ilu ma jsir żmien fuqu.
F’temp ta’ ftit ġimgħat fil-Buskett matul is-sena li għaddiet kien hemm mhux inqas minn tliet attentati biex partijiet minnu jingħataw il-ħruq.
Fil-Buskett jingħataw ukoll il-permessi mill-Awtoritajiet biex isiru parties ta’ kull xorta u għamla, b’damdim liema bħalu, minn inżul ix-xemx sa sbieħ filgħodu. Meta għad jasal dak il-jum li taqa’ saħta fuqna li minħabba t-traskuraġni ta’ l-Awtoritajiet u l-ġenn ta’ xi individwu jew tnejn il-Buskett jinqered darba għal dejjem? Ħlift miegħi nnifsi li hemmhekk ikun il-mument li nemigra minn dan il-pajjiż darba għal dejjem, sakemm ma nkunx diġà qiegħed l-Imgieret!
Kif tista’ tieħu bis-serjetà u temmen lil Achille Lauro ta’ Malta li wara l-elezzjoni se jagħtik żarbuna ġdida, meta ż-żarbuna eżistenti tħalliet tmur lura b’dan il-mod? |
|
Julia Farrugia tintervista lil Clyde Puli, Kandidat tal-PN
Editorijal
Il Punt
Leo Brincat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
Kien ssemma għalih il-cruise liner li nħataf fl-1985 fl-ibħra viċin l-Eġittu. L-Achille Lauro kien inħataf mit-terrorista Palestinjan Abu Abbas li spiċċa fiċ-ċentru ta' taqtigħa bejn Ronald Reagan u Bettino Craxi meta l-Amerikani sfurzaw l-inżul fil-bażi tagħhom f'Sigonella, Sqallija l-ajruplan li kien se jieħu lil Abbas lejn it-Tuneżija wara li kien inħeles mill-Eġittu. Dakinhar kienet għaddiet ta' Bettino Craxi li minkejja dak kollu li għadda minnu f'Tangentopoli ftit tas-snin wara, xorta waħda baqa' jitfaħħar għall-pożizzjoni soda li kien ħa fil-każ ta' l-Achille Lauro meta ma kienx ħalla l-prepotenza Amerikana tagħmel bih.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|