MediaToday

Toni U Peppi | 03 ta’ Frar 2008 Nr 66

Sentenza mnaqqsa għal drogat li għamel programm?

TONI

Iċ-ċifri mhux sbieħ. Fil-ħabs hemm madwar 400 priġunier. Minn dawn hemm ’il fuq minn 300 ikkundannati għal reati li għandhom x’jaqsmu mad-droga. Ħafna minnhom akkużati b’pussess flimkien ma’ bejgħ tad-droga. Jien nagħmel differenza ċara bejn persuna li tieħu d-droga u tispicca tbigħ fit-triq, għal ħaddieħor biex tkompli tieħu d-droga, minn persuna li tkun traffikant u m’għandux problema tad-droga. Għall-ispekulatur tad-droga, m’għandu jkun hemm ebda ħniena. Anzi ngħid li għat-traffikanti puri u sempliċi għad m’għandniex pieni ħorox biżżejjed.
Magħdud man-numru kbir ta’ priġunieri b’konnessjoni mad-droga fil-ħabs stess hemm ċirku ta’ nies mhux magħrufa li xorta jmexxuha fil-ħabs. Mhux l-ewwel darba li nisimgħu fl-aħbarijiet li nqabad priġunier bid-droga fuqu. Għalkemm il-ħabs għandha sservi bħala istituzzjoni korrettiva, u kien proprju għalhekk li konna bdilnielu ismu, dan l-iskop assolutament mhux jintlaħaq. Kulma aħna qegħdin nagħmlu b’dawn il-ħafna pieni ta’ karċerazzjoni fil-każ ta’ vittmi tad-droga hu li bil-ħabs qegħdin inneħħu s-sintomu għal mument iżda m’aħniex neħilsu għal kollox mill-kawża.
Dawk li hemm ċans li jiġu riabilitati permezz ta’ programm minn barra l-ħabs, sakemm ikunu qegħdin Kordin, kulma jkunu qegħdin jagħmlu hu li jistabbilixxu aktar kuntatti mad-droga għal meta jerġgħu joħorġu barra, jekk mhux ukoll joħduha fil-ħabs. Għalhekk bis-sistema li għandna issa, qegħdin biss inħeġġu xorta ta’ ċirku vizzjuż. Jien ċert u konvint li mit-300 u fuqhom li hemm il-ħabs in konnessjoni mad-droga mhix l-ewwel darba li rifsu l-għatba ta’ Kordin b’konnessjoni ma’ dan ir-reat. Minbarra dan kollu l-vittmi l-aktar dgħajfa jispiċċaw dominati għal kollox minn dawk li jkunu traffikanti u priġunieri fl-istess ħin.
Minn informazzjoni li għandi meta l-vittma toħroġ barra jkun hemm ċans tajjeb li tibqa’ biċċa għodda f’idejn dawk li jkunu ġewwa sakemm xi darba terġa’ tingħaqad miegħu. Għalhekk jien m’għandi xejn kontra li nsibu sistemi alternattivi għas-sistema arkajka u ta’ falliment totali li għandna bħalissa. Agħar minn kif qegħdin ma nistgħux inkunu. Billi nippruvaw ma nkunu qegħdin nitilfu xejn.
Għandu jkun hemm xorta ta’ inċentiv biex persuna ma tintilifx u terġa’ lura fi ħdan is-soċjetà. Fejn qablilna aħna tajna inċentivi biex nikkontrollaw xi reat partikulari. Mhux qed ngħid li għandna niddepenelazzaw jew li jsiru xi amnestiji bħal m’għamilna fil-każ tas-snieter u l-multi tal-VAT, għalkemm irrid ngħid li l-futur tal-ġenerazzjoni ta’ għada għandu ħafna aktar importanza minn senter, jew meta xi ħadd jiskarta taxxa. Iżda huwa ċert li min ikun vittma tad-droga jrid jingħata ċ-ċans ta’ ħajtu anke jekk b’xi mod ikun marbut mal-bejgħ tagħha, meta jkun jidher ċar li dan qiegħed jagħmlu għax hu nnifsu vittma tad-droga.
Diġà bdejna nirrilassaw il-liġijiet bħal per eżempju il-każ ta’ ‘sharing’, li sa ftit ilu kien reat punibbli bilfors bil-ħabs. Irridu wkoll indaħħlu definizzjoni ċara ta’ xi tfisser traffikant fil-każ ta’ dawk li huma vittmi, li jbigħu għal ħaddieħor, biex huma stess jerġgħu jieħdu d-droga.
Irridu wkoll nagħmlu reviżjoni tax-xorta ta’ kastig, li m’għandux ikun wieħed li inevitabbilment iwassal għall-ħabs. F’dan ir-rigward ‘piena’ ta’ riabilitazzjoni hi ħafna aħjar minn ċella f’Kordin.
Għandu jkun hemm inċentivi li jekk wieħed tassew juri r-rieda li jrid jerġa’ lura lejn is-soċjetà jingħata dan iċ-ċans. B’hekk ikun hemm il-possibbiltà li jiggwadanja l-individwu u finalment anke l-kollettività.
Ovvjament biex nagħmlu dan irid ikollna infrastruttura effettiva li tiggarantixxi żewġ affarijiet. L-ewwel, ir-rieda tajba tal-vittma li tassew trid taqbad it-triq tas-sewwa u li ma tkunx qiegħda tabbuża minn din is-sistema bħala xi manuvra ulterjuri.
It-tieni li jkun hemm moniteraġġ u prosegwiment effettiv tal-persuna meta terġa’ lura lejn is-soċjetà.
Aktar minn hekk l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu l-kuntatti neċessarji għall-vittma, qabel toħroġ minn programm residenzjali, ta’ xogħol u kif ukoll alloġġ, u mhux dak li jkun jintreħa għal riħu waħdu.
Programm residenzjali flok piena karċerarja naqbel magħha assolutament. Iżda din trid tkun sistema ta’ dak li jissejjaħ ‘in lieu of punishment’. Din tkun tikkonsisti f’sitwazzjoni ta’ semi-libertà, fejn f’każ ta’ mġiba tajba u korretta l-permanenza tal-programm tiġi rilassata biex dak li jkun anke jingħata xi xorta ta’ leave taħt kawteli. Iżda rrid nagħmilha ċara li ma jkunx ifisser li jekk persuna turi avverżjoni għal din is-sistema allura jkun ifisser li tkun ħarbet minn kull kastig. Din il-piena alternattiva m’għandhiex isservi biex dak li jkun jevita li jiġi maqful u daqshekk.
Infrastruttura oħra neċessarja f’dawn iċ-ċirkostanzi huma dawk li jiġu msejħa biex jiddeċiedu, jiġifieri l-Qrati. Twaqqfet dik li tissejjaħ ‘Drugs Court’. Sa llum Malta m’għandna xejn minn dan kollu għalkemm hemm magistrati li għandhom frekwenza ta’ dawn il-każijiet aktar minn maġistrati oħrajn.
Iżda f’Malta hija biss ħaġa aċċidentali, konnessa mad-distribuzzjoni tax-xogħol fil-Qrati. Mhix sistema omogenea u speċjalizzata bħalma qiegħed jiġri f’pajjiżi oħra. Li jkollok pieni alternattivi għal dawk li għandna llum ifisser li jrid ikollok qrati speċjalizzati, li jisimgħu dawn il-każijiet, possibilment anke apparti mill-qrati ordinarji. Irrid ikun hemm ukoll ġudikant imrawwem u magħġun f’dawn ix-xorta ta’ reati, b’nies professjonali miegħu, biex il-ġudizzju jkun indirizzat lejn ħaġa waħda, mhux li jitfa’ f’ċella, iżda li jsalva individwu.
Fl-aħħarnett, bħalma ngħid dejjem, ir-rieda tajba ma tridx tigi biss mill-vittma biex sistema bħal din tirnexxi. Trid tiġi wkoll minn min għandu jipprovdi għaliha. F’dan il-każ, il-klassi politika.

PEPPI

Bħala soċjetà inħallsu biex il-persuni addicts ifiequ imbagħad meta jkunu issetiljaw nibagħtuhom il-ħabs u nerġgħu nibdew inħallsu biex jerġghu jitkissru
Persuna li hi addict m’għandha qatt tispiċċa l-ħabs. Persuna li qed teqred lilha nfisha ħaqqha l-imħabba u mhux il-kastig li joffri l-ħabs. Jekk hawn xi ħadd jaħseb li tista’ tibgħat persuna addict tad-droga l-ħabs biex tieqaf għandu żball kbir. Fil-ħabs tista’ tieħu d-droga. Dan mhux fil-ħabs ta Malta biss, iżda fid-dinja kollha. Hija ħaġa kważi naturali li fil-ħabs ikun hemm id-droga. Allura kif tibgħat persuna li jieħu d-droga jindanna ġo ċella biex ikun irid jieħu iżjed droga? Din hija ġennata li qed twassal biex ikollna aktar persuni jieħdu d-droga u jmutu b’overdose.
Fil-maġġoranza tal-każi l-persuni ma jispiċċawx il-ħabs minħabba drogi imma minħabba atti kriminali oħra, l-aktar serq jew traffikar jew prostituzzjoni. Persuna li tkun addict għad-drogi tinħtieġ bejn €100 u €1,000 kuljum.
Biex iżomm il-vizzju li jkollha l-persuna addict trid tisraq kważi kuljum.
Biex iġġib il-flus persuna addict taf tixtri d-drogi għaliha, tieħu biex tinqeda u l-bqija tbiegħha lil ħaddieħor biex ikollha flus biżżejjed biex terġa’ tixtri.
Ħafna minn dawk li jinqabdu jittraffikaw ikunu dawn in-nies imkissra li ma jittraffikawx biex isiru sinjuri iżda biex ikomplu jkissru lilhom infushom. Naf uħud minn dawk imkissra bid-droga li jmorru jipprostitwixxu rwieħhom. Uħud minnhom studenti ta’ l-Università li filgħaxija jmorru joffru servizz lill-irġiel biex bil-flus li jdaħħlu jinqdew. Uħud minnhom huma ġuvintur li jmorru f’postijiet partikulari u għal €11 jagħmlu s-sess ma’ irġiel oħra. Kollox jagħmlu għad-droga.
Id-droga ma jibqgħux jeħduha biex tagħtihom
il-pjaċir tal-bidu. Jeħduha biex ma jibqgħux morda. Ironija imma jkollhom jiħduha minħabba l-uġigħ li jibdew iħossu. Biex ma jibqgħux morda. Speċi ta’ mediċina. Li tkissirhom.
Impressjonani wieħed addict li irrakkuntali kif bintu ta’ ftit snin kienet ma tiflaħx u martu bagħtitu għand it-tabib biha. Tagħtu Lm5. Żiedhom ma’ li kellu biex mar jixtri d-droga u lit-tifla ħadha lura taparsi mar għand it-tabib.
Persuna addict oħra irrakkuntat, li kif spiċċa biegħ kollox anke l-ftit deheb li bintu tat-twelid kienet għadha kif qalgħet rigali fil-magħmudija.
Kollha jispiċċaw jisirqu kollox lill-ġenituri tagħhom. Imbagħad jisirqu lil ħuthom. Imbagħad jibdew jisirqu lil kulmin jiġi quddiemhom. Jinqabdu mill-Pulizija u jsibu rwieħhom fil-qiegħ. Familja titkisser. Ħafna jbatu mal-persuna bid-droga. Jibdew każ il-Qorti wieħed wara l-ieħor li jdumu għaddejjin is-snin.
Mhux faċli tieqaf mid-droga. Ikolli ngħid li l-maġġoranza ta’ dawk li jkunu addicts jibqgħu bil-vizzju għal għomorhom. Jieqfu u jerġgħu jibdew. Ftit huma dawk li jirnexxielhom. Dik hija r-realtà fid-dinja. Imma jkun hemm dawk li specjalment bl-appoġġ u l-imħabba tal-familja u l-ħbieb jirnexxilhom jiefqu. Jagħmlu programmi tal-Caritas, ta’ Sedqa, ta’ Oasi u oħrajn u jiefqu ta’ veru. Ikunu ilhom is-snin clean. U jirnexxielhom. Jibqgħu clean. Isibu xogħol. Jissetiljaw mal-familja. Jibqgħu jagħtu l-urina biex jippruvaw li baqgħu clean. Iżda jkun fadlilhom il-każijiet fil-Qorti. Li kif jaf kulħadd idumu s-snin. Jinqata’ l-każ u jeħel il-ħabs. Allura issa din l-istess persuna li sakemm inqata’ l-każ baqa’ clean, irranġa, għandu jerġa’ jidħol il-ħabs, jitlef ix-xogħol, ifarrak familja u aktarx jerġa’ jibda jieħu d-drogi? Tista’ taqbel li dawn jispiċċaw il-ħabs?
Jiġifieri s-soċjetà tħallas biex il-programmi ta’ riabiltazzjoni jaħdmu u jfejqu wħud mill-vittmi u meta jkunu fiequ l-istess soċjetà tikkundannahom il-ħabs u terġa’ tħallas biex dawn jerġgħu jibdew jitfarrku. Ma titwemminx. Imma hekk jiġri.
Le, ma naqbilx la li jispiċċaw il-ħabs u lanqas li jkollhom sentenza mnaqqsa. Jistgħu jingħataw xogħol komunitarju, anke jgħinu lil addicts oħra. Jingħataw snin fejn ikunu ordnati jibqgħu jagħtu l-urina biex b’hekk jinżammu milli jerġgħu jaqgħu. Imma mhux il-ħabs.
Il-ħabs mhux post għal nies li jieħdu d-droga aħseb u ara għal nies li fiequ mid-droga.
Ħafna minnhom jispiċċaw fil-qiegħ. Jisirqu ’l ommhom.

Intervista
Nippreferi nitlef għax għedt il-verità

Julia Farrugia tintervista lil Clyde Puli, Kandidat tal-PN


Editorijal

L-id goffa ta' Falzon


Il Punt
Irridu informatika għal kulħadd
Leo Brincat

TONI u PEPPI
Sentenza mnaqqsa għal drogat li għamel programm?


Emmanuel Micallef
Il-poplu deċiż


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-Valur tax-xogħol



X'kien Jgħid
Il-ħmar il-magħkus



Wenzu Mintoff

Achille Lauro

Kien ssemma għalih il-cruise liner li nħataf fl-1985 fl-ibħra viċin l-Eġittu. L-Achille Lauro kien inħataf mit-terrorista Palestinjan Abu Abbas li spiċċa fiċ-ċentru ta' taqtigħa bejn Ronald Reagan u Bettino Craxi meta l-Amerikani sfurzaw l-inżul fil-bażi tagħhom f'Sigonella, Sqallija l-ajruplan li kien se jieħu lil Abbas lejn it-Tuneżija wara li kien inħeles mill-Eġittu. Dakinhar kienet għaddiet ta' Bettino Craxi li minkejja dak kollu li għadda minnu f'Tangentopoli ftit tas-snin wara, xorta waħda baqa' jitfaħħar għall-pożizzjoni soda li kien ħa fil-każ ta' l-Achille Lauro meta ma kienx ħalla l-prepotenza Amerikana tagħmel bih.

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075