Aħbarijiet | 03 ta’ Frar 2008 Nr 66
Fir-radju l-Bay fuq quddiem
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
Stħarriġ li ippubblikat l-Awtorità tax-Xandir din il-ġimgħa juri li aktar minn nofs in-nies intervistati ma jisimgħux ir-radju filwaqt li l-aktar erba’ stazzjonijiet preferiti huma l-One, Bay, RTK u Calypso.
One Radio għandu l-ikbar udjenza fost in-nisa filwaqt li Bay Radio għandu udjenza iktar maskili.
In-nies li għandhom minn 80 sena ’l fuq iħobbu jisimgħu l-aktar l-RTK u Radju Marija bl-istess daqs. Il-Bay Radio jolqot tliet faxxi ta’ età bħala stazzjon tar-radju favorit mit-12-il sena sa 14, minn 15-il sena sa 24 u minn 25 sena sa 29.
Il-Calypso hu l-aktar magħruf ma’ dawk li għandhom bejn it-30 sena u l-49 u One Radio jinżel l-iktar tajjeb mas-semmiegħa bejn il-50 sena u s-79, li bħala tieni preferenza għandhom lil Radju Malta (50-64) u RTK (65-79).
L-RTK magħruf l-aktar mas-semmiegħa Għawdxin u One Radio mas-semmiegħa tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Il-Bay popolari man-naħa ta’ fuq u fiċ-ċentru ta’ Malta.
Televixin
Mindu bdiet l-iskeda ta’ Ottubru l-istazzjonijiet televiżivi Maltin serqu mill-udjenza li kienet issegwi numru sostanzjali ta’ stazzjonijiet Taljani. Fil-fatt fis-sajf l-istazzjonijiet Maltin lanqas kellhom udjenza ta’ nofs in-nies intervistati b’rata ta’ 43.6 fil-mija, ftit aktar mit-30 fil-mija tan-nies li kienu jsegwu stazzjonijiet Taljani.
Bl-iskeda ta’ Ottubru l-udjenza ta’ l-istazzjonijiet telgħet għal 60.4 fil-mija b’żieda ta’ 16.8 fil-mija. Smash TV biss ma żiedx fl-udjenza tiegħu bi tnaqqis ta’ b’0.6 fil-mija mill-iskeda sajfija. L-istazzjonijiet Taljani naqsitilhom l-udjenza b’8.2 fil-mija.
Bħala stazzjonijiet TVM għandu l-akbar udjenza iżda One TV l-aktar li jdumu jarawh nies minkejja li għandu inqas nies li jarawh.
Mario Axiaq li ħadem fuq l-istħarriġ spjega li hemm aktar nies li jsegwu għal ħinijiet twal il-One TV, li hu l-istazzjon preferit tagħhom iżda hemm iktar nies li jaqilbuh fuq TVM kultant ħin biex jaraw l-aħbarijiet jew programmi oħra.
10.8 fil-mija mill-ispettaturi jaraw it-telebejgħ li għalkemm niżel bi 3.2 fil-mija mill-aħħar stħarriġ li sar l-ammont xorta mhuwiex żgħir. L-aktar faxxa ta’ età li ssegwi t-telebejgħ hi dik bejn il-50 sena u 64, l-istess faxxa li tara l-aktar stazzjonijiet televiżivi Maltin.
Mingħajr l-ebda sorpriża l-ġenerazzjoni żagħżugħa ssegwi l-aktar l-MTV u l-Italia 1.
In-nies jaraw l-aktar televiżjoni bejn is-7.30pm u d-9.30pm bil-quċċata tintlaħaq għall-ħabta tat-8.30pm. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Clyde Puli, Kandidat tal-PN
Editorijal
Il Punt
Leo Brincat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
Kien ssemma għalih il-cruise liner li nħataf fl-1985 fl-ibħra viċin l-Eġittu. L-Achille Lauro kien inħataf mit-terrorista Palestinjan Abu Abbas li spiċċa fiċ-ċentru ta' taqtigħa bejn Ronald Reagan u Bettino Craxi meta l-Amerikani sfurzaw l-inżul fil-bażi tagħhom f'Sigonella, Sqallija l-ajruplan li kien se jieħu lil Abbas lejn it-Tuneżija wara li kien inħeles mill-Eġittu. Dakinhar kienet għaddiet ta' Bettino Craxi li minkejja dak kollu li għadda minnu f'Tangentopoli ftit tas-snin wara, xorta waħda baqa' jitfaħħar għall-pożizzjoni soda li kien ħa fil-każ ta' l-Achille Lauro meta ma kienx ħalla l-prepotenza Amerikana tagħmel bih.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|