MediaToday

Aħbarijiet | 03 ta’ Frar 2008 Nr 66

AD lesta tidħol f’koalizzjoni mal-partit li jaqbel mal-prijoritajiet tagħha

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

L-Alternattiva Demokratika (AD) qalet li lesta tagħmel koalizzjoni ma’ dak il-partit li hu lest jaqbel mal-prijoritajiet tagħha għall-elezzjoni li ġejja.
Din l-istqarrija li saret ilbieraħ waqt konferenza stampa tista’ titqies bħala l-ewwel attività diretta ta’ l-AD marbuta ma’ l-elezzjoni.
Mistoqsi minn din il-gazzetta kemm l-AD tista’ tkun kredibbli ma’ l-elettorat kemm-il darba ma tiddikjarax qabel l-elezzjoni ġenerali ma’ liema partit se tagħmel koalizzjoni, iċ-Chairperson Harry Vassallo qal: “L-ebda wieħed mill-partiti l-oħrajn ma qal li se jagħmel koalizzjoni magħna. Aħna lesti li nagħmlu koalizzjoni ma’ kulmin hu lest li jaddotta l-proposti tagħna.
“Aħna għandna l-identità tagħna u għalhekk min se jidħol f’koalizzjoni magħna jrid jirrispetta l-identità tagħna. Tistgħu tistaqsu lill-partiti l-oħra jekk għandhomx xi nuqqas ta’ qbil fundamentali mal-proposti tagħna,” sostna Vassallo.
Matul il-laqgħa għall-ġurnalisti l-AD nediet dokument bis-sitt oqsma ta’ prijorità biex tidħol f’koalizzjoni ma’ wieħed miż-żewġ partiti l-kbar wara l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.
Mistoqsi jekk l-AD diġà avviċinatx lil xi wieħed miż-żewġ partiti l-kbar f’dan ir-rigward, Vassallo qal: “Aħna ma’ avviċinajna lil ħadd. Aħna l-bieb dejjem miftuħ.”
Vassallo fakkar li waqt il-kampanja li wasslet għar-referendum tat-8 ta’ Marzu 2003 dwar
is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u l-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali xahar wara, l-AD kienet uriet li kapaċi li tieħu sehem f’koalizzjoni.
Vassallo semma kif il-Partit Nazzjonalista kien imbagħad għamel offerta lill-AD biex tieħu siġġu fil-Parlament u ma tikkontestax l-Elezzjoni Ġenerali li kien imiss.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, qal Vassallo, “Gvern Nazzjonalista għamel minn kollox biex joskura s-sehem ta’ l-AD fil-kisba tas-sħubija ta’ Malta fl-UE. Il-PN daħħal lil Malta fl-UE iżda m’għandux valuri Ewropej u qed jirreżisti kull direttiva ta’ l-UE. Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista ma kienx favur is-sħubija, biddel il-pożizzjoni tiegħu u issa hu favur sħubija fl-UE, iżda qed jittituba minħabba kalkoli ta’ opportuniżmu elettorali.”
Hu stieden lill-PN biex ineħħi r-reżistenza u lill-MLP biex ineħħi t-titubar fejn tidħol l-UE u l-valuri tagħha.
Vassallo qal li l-AD se toħroġ fuq kull distrett f’Malta u f’Għawdex, iżda hemm distretti fejn hemm aktar probabbiltà li l-partit itella’ siġġu fil-Parlament, fosthom fl-10 Distrett.
Mistoqsi minn din il-gazzetta liema huma d-distretti l-oħra li fihom l-AD qed tistenna li tkun b’saħħitha minbarra l-10 Distrett, il-mexxej tal-partit identifika lil Għawdex, in-Nofsinhar ta’ Malta kif ukoll dawk il-lokalitajiet fejn l-AD għandha kunsilliera lokali.

Intervista
Nippreferi nitlef għax għedt il-verità

Julia Farrugia tintervista lil Clyde Puli, Kandidat tal-PN


Editorijal

L-id goffa ta' Falzon


Il Punt
Irridu informatika għal kulħadd
Leo Brincat

TONI u PEPPI
Sentenza mnaqqsa għal drogat li għamel programm?


Emmanuel Micallef
Il-poplu deċiż


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-Valur tax-xogħol



X'kien Jgħid
Il-ħmar il-magħkus



Wenzu Mintoff

Achille Lauro

Kien ssemma għalih il-cruise liner li nħataf fl-1985 fl-ibħra viċin l-Eġittu. L-Achille Lauro kien inħataf mit-terrorista Palestinjan Abu Abbas li spiċċa fiċ-ċentru ta' taqtigħa bejn Ronald Reagan u Bettino Craxi meta l-Amerikani sfurzaw l-inżul fil-bażi tagħhom f'Sigonella, Sqallija l-ajruplan li kien se jieħu lil Abbas lejn it-Tuneżija wara li kien inħeles mill-Eġittu. Dakinhar kienet għaddiet ta' Bettino Craxi li minkejja dak kollu li għadda minnu f'Tangentopoli ftit tas-snin wara, xorta waħda baqa' jitfaħħar għall-pożizzjoni soda li kien ħa fil-każ ta' l-Achille Lauro meta ma kienx ħalla l-prepotenza Amerikana tagħmel bih.

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075