Aħbarijiet | 03 ta’ Frar 2008 Nr 66
Ix-xamma ta’ elezzjoni fil-qrib qed iħossha kulħadd. KURT SANSONE jagħti ħarsa lejn l-istat tal-partiti politiċi fil-bidu ta’ din it-triq li se twassal għall-vot
Ftit li xejn hemm dubju dwar jekk għada Lawrence Gonzi hux se jsaffar is-suffara ta’ l-elezzjoni. Imma anki jekk il-Prim Ministru jiddeċiedi li jittituba fuq dan, il-pajjiż diġà jinsab f’kampanja elettorali b’messaġġi politiċi iffukati fuq il-mezzi kollha tal-media u fit-toroq.
L-erba’ partiti politiċi bdew iterrqu l-aħħar mil tagħhom għall-Palazz b’tamiet differenti.
Għall-Partit Nazzjonalista t-tama hi li t-titjib ekonomiku ta’ dawn l-aħħar sentejn li ssarraf f’iktar flus fil-but fl-aħħar baġit ikun biżżejjed biex in-nies terġa’ tafda t-tmun tal-pajjiż ‘f’par idejn sodi’, jisimhom ‘Lawrence Gonzi’.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista qed jittama li l-poplu jsarraf ix-xewqa għall-bidla f’vot għalih biex mill-Gvern ikun jista’ jwettaq ‘il-pjan għal bidu ġdid’ b’Alfred Sant u ‘it-tim tiegħu’ fit-tmun tal-pajjiż.
Għaż-żewġ partiti ż-żgħar it-tama hi li jisfrundaw is-sistema politika għall-ewwel darba ħalli jsibu posthom fil-Parlament bil-ħsieb li jkunu parti minn xi Gvern ta’ koalizzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista
Il-PN jidħol għal din il-kampanja b’mexxej li se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali għall-ewwel darba bħala kap tal-partit.
Wara li l-PN tilef kull appuntament elettorali mill-2003 lil hawn, inkluż l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, din l-elezzjoni se tkun il-veru eżami għal Lawrence Gonzi. Jekk jirbaħ isib postu fil-lista tal-‘missirijiet glorjużi’ tal-PN, maġenb Gorġ Borg Olivier u Eddie Fenech Adami.
Bla dubju, rebħa tissoda id Gonzi fil-partit għax ixxejjen kull kritika interna dwar il-kwalitajiet tiegħu ta’ mexxej. Iżda mhux biss. Gonzi isir ‘ir-re’ għax ikun rebaħ kontra kull mistenni u jiżgura li l-PN ikun fil-poter għal kwart ta’ seklu.
L-ewwel billboards li tfaċċaw il-Ħadd li għadda diġà taw indikazzjoni ta’ kif beħsiebu jmexxi ’l quddiem il-kampanja tiegħu l-PN.
Il-messaġġ pożittiv tal-kampanja se jiffoka fuq il-figura ta’ Gonzi. Se naraw lill-Prim Ministru ippużat ma’ nies differenti minn kull kategorija tal-ħajja. Iżda iktar importanti minn hekk, se jidher waħdu u mhux mal-Ministri u l-kandidati tiegħu.
Il-PN jaf li l-ikbar difett li għandu hu ż-żmien li ilu fil-poter. Hemm ħafna uċuh qodma u f’dawn l-aħħar snin inkixfu numru ta’ skandli li jolqtu l-amministrazzjoni pubblika, sintomi ta’ tmexxija li ilha ankrata mal-poter għal ħafna żmien.
Gonzi jibqa’ l-ikbar ass tal-PN għax id-dehra tiegħu toffri serħan il-moħħ. Kemm dan se jkun biżżejjed biex jikkonvinċi lin-nies għad irridu naraw.
Min-naħa l-oħra, il-messaġġ negattiv tal-kampanja hu iffukat fuq il-Partit Laburista u mhux fuq Alfred Sant. Il-billboards lanqas mhuma jfakkru fit-22 xahar li kien fil-Gvern l-MLP bejn l-1996 u l-1998. S’issa qed ifakkru f’uħud mill-proposti jew ‘pariri’ li ta l-MLP tul l-aħħar leġislatura u li skond il-PN kienu ħżiena.
Madankollu hemm dubji kemm kampanja negattiva mibnija fuq il-‘kieku’ (Kieku għaddiet tal-Labour...) se tħalli impatt daqshekk qawwi fuq l-elettorat.
Il-Partit Laburista
L-MLP jaf li fuq livell ta’ personalità Alfred Sant ibati meta mqabbel direttament ma’ Lawrence Gonzi. Mill-bidunett kien ċar li l-Partit Laburista se jaddotta strateġija li tmexxi ’l quddiem l-idea ta’ tim iktar milli lil Sant waħdu. B’hekk ukoll ikun qed jenfasizza li l-avversarju politiku m’għandux tim x’jipproġetta.
Din l-istrateġija saret ħafna iktar valida wara l-intervent mediku ta’ Sant. Għalkemm il-mexxej Laburista deher f’saħħtu fil-konferenza ġenerali u fl-ewwel impenji pubbliċi tiegħu hu ovvju li l-piż tal-kampanja ma jistax jerfgħu waħdu. Għalhekk se ssir ukoll enfasi fuq il-partit, il-kandidati u d-deputati mexxejja biex jipproġettaw l-idea ta’ tim kbir u magħqud.
Minkejja li l-MLP tella’ l-ewwel billboards, s’issa l-messaġġ għadu iffukat fuq il-messaġġ tal-bidla. Nistennew li meta tkun varata l-kampanja uffiċjali jibdew jidhru l-uċuħ u Alfred Sant żgur mhux se jkun waħdu.
Skond l-istħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika l-MLP jidħol għal din il-kampanja b’vantaġġ tajjeb fuq il-PN. Madankollu l-partit jaf li għad hemm madwar 20 fil-mija ta’ l-elettorat li għadu mhux kommess u li faċilment jistgħu jaqilbu l-miżien naħa jew l-oħra.
Minkejja ż-żmien twil li ilu fl-oppożizzjoni, il-Partit Laburista ma jistax jistrieħ fuq xi mewġa b’saħħitha favur il-bidla. L-MLP ma jridx jinsa li wara żmien daqstant twil bl-istess Gvern fil-pajjiż, b’mod naturali jinħoloq diskors waħdani li jagħmilha diffiċli biex in-nies tirraġuna barra l-qafas li hi mdorrija fih.
Hekk kien ġara fl-1971 u l-1987 meta, minkejja li l-bżonn tal-bidla kien jinħass b’mod ovvju, il-bidla seħħet biss b’rebħa minima ta’ ftit iktar minn 4,000 vot. L-istess jista’ jiġri llum.
Jekk Sant jirbaħ se jkun għamel bħalma għamel Dom Mintoff qablu fl-1971 li wara żewġ telfiet elettorali reġa’ sar Prim Ministru. Jekk jitlef, isem Sant jintesa kompletament u tibda t-tiġrija ‘imdemmija’ biex xi ħadd jeħodlu postu fit-tmun.
Alternattiva Demokratika
L-AD se tidħol għal din il-kampanja elettorali b’mexxej li jgawdi rispett mill-avversarji politiċi tiegħu, b’serħan ir-ras li matul l-2007 il-partit ġab appoġġ medju ta’ bejn tnejn u tlieta fil-mija fl-istħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika u bil-ħsieb li mill-2004 lil hawn kiseb riżultati importanti f’uħud mill-kunsilli lokali.
Imma l-esperjenza ta’ kull elezzjoni mill-1992 (l-ewwel waħda li ikkontestat l-AD) uriet li fil-ġlieda ta’ l-aħħar li twassal għall-jum tal-votazzjoni l-AD dejjem sofriet minn emoraġija ta’ voti minkejja s-simpatija li tgawdi.
Din id-darba fejn m’hemmx kwistjonijiet nazzjonali x’jiġu deċiżi fl-elezzjoni l-AD tittama li s-suċċess li kiseb Arnold Cassola fl-2004 meta fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew ġab iktar minn 22,000 vot ikun ripetut fl-elezzjoni. Mhux probabbli jiġri hekk imma t-terremot politiku li seħħ fil-PN f’dawn l-aħħar erba’ snin, bin-nies jesprimu dwejjaq kbar għat-tmexxija tal-pajjiż, jista’ jkun ta’ vantaġġ għall-AD.
Il-kandidatura ta’ Carmel Cacopardo, eks membru ta’ l-eżekuttiv tal-PN, mal-Ħodor hi sintomatika ta’ dak li jħossu wħud min-Nazzjonalisti li m’għadhomx iħossuhom komdi mal-PN ta’ Lawrence Gonzi u Joe Saliba. Kemm dan se jsarraf f’voti għall-AD għad iridu naraw imma m’hemmx dubju li l-PN iqis lill-Ħodor bħala xewka.
Madankollu, l-AD bdiet din il-kampanja elettorali fuq ton kwiet iżżejjed. Sa llum il-partit għadu assenti wisq mid-diskors politiku. Parti mill-problema hi n-nuqqas ta’ aċċess fil-media iżda meta wieħed iqis li t-tliet partiti l-oħra diġà bdew bil-billboards u t-tqassim tal-karti fid-djar, s’issa l-AD ma tidher imkien.
Apparti dan għad m’hemmx ħjiel ta’ min huma l-kandidati tal-partit u fejn se jikkontestaw, xi ħaġa li l-elettorat ikun irid informazzjoni dwarha f’sistema fejn id-distrett hu iktar importanti mill-aspett nazzjonali.
Azzjoni Nazzjonali
L-iktar partit ġdid fix-xena politika s’issa għadu ma rreġistrax fl-istħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika. Madankollu, madwar l-Ewropa kollha jeżisti fenomenu fejn is-saħħa ta’ partiti b’bixra leminija estrema tkun ħafna ikbar fir-realtà milli juru s-surveys.
Fi ħdan il-PN teżisti din il-biża’ dwar il-partit ta’ Josie Muscat. Strateġisti Nazzjonalisti jemmnu li l-votant tradizzjonali Nazzjonalist, speċjalment fin-naħa t’isfel ta’ Malta, iħossu komdu ħafna bid-diskors ta’ Muscat. Dan jista’ jwassal għal telf sinifikanti ta’ voti mill-PN lejn l-AN anki jekk għalissa dan iċ-ċaqliq mhux qed jirreġistra fl-istħarriġ.
Bla dubju s-saħħa finanzjarja taż-żewġ esponenti ewlenin ta’ AN, Josie Muscat u Anglu Xuereb, tinħass sew. Il-partit ilu li beda jtella’ il-billboards u jqassam il-karti fid-djar f’ċerti distretti. Issa li l-kampanja mhux uffiċjali bdiet, żdiedu l-billboards b’messaġġ dirett lejn min xeba’ mis-sitwazzjoni politika kif inhi.
L-AN bil-messaġġi tagħha qed tindirizza direttament il-vot ta’ protesta li jistgħu jagħtu xi wħud f’din l-elezzjoni. Imma, bl-immigrazzjoni tkun waħda mill-kwistjonijiet li jsemmu n-nies meta mistqosija x’jaħsbu li hi l-ikbar problema fil-pajjiż, l-AN tista’ tisfrutta s-sitwazzjoni b’diskors iebes anki jekk hu nieqes mir-razzjonalità.
It-13-il Distrett
Għawdex jippreżenta sfida għall-PN. Fl-elezzjonijiet lokali li saru bejn l-2005 u l-2007 il-Partit Laburista għamel rebħiet sinifikanti f’xi lokalitajiet u l-Alternattiva Demokratika tellgħet kunsillier għall-ewwel darba fis-Sannat.
Jekk wieħed iqabbel ir-riżultat elettorali li kiseb il-PN fl-elezzjoni ġenerali ta’ l-2003 mar-riżultat fl-elezzjonijiet lokali li saru bejn l-2005 u l-2007, juri li l-partit fil-Gvern tilef ftit iktar minn erbgħa fil-mija mis-saħħa tiegħu. Iggwadanjaw minn dan il-Partit Laburista li żdied bi kważi tlieta fil-mija u fuq skala iżgħar, l-AD.
L-10 Distrett
L-ikbar sfida għall-PN f’dan id-distrett ġejja mill-AD fejn fit-tliet rawnds tal-kunsilli ġabet ’il fuq minn sebgħa fil-mija tal-voti. Il-PN irid jifaċċa wkoll il-kritika qawwija min-nies tiegħu stess dwar żvilupp bla rażan fl-inħawi li qed jolqot b’mod ħażin ħafna lir-residenti.
B’Harry Vassallo għal darb’oħra jikkontesta fuq dan id-distrett l-istrateġija tal-PN se tkun li joħroġ kemm jista’ jkun kandidati biex jiġbor ħafna voti ta’ simpatija.
Id-9 Distrett
Il-problemi għall-PN hawnhekk ġejjin mill-Partit Laburista. Fl-ikbar żewġ lokalitajiet f’dan id-distrett, l-Imsida u San Ġwann il-kunsilli lokali ntrebħu mill-MLP għall-ewwel darba. It-tielet lokalità kruċjali hi s-Swieqi fejn l-AD tgawdi appoġġ qawwi. B’dawn il-fatturi jimilitaw kontra l-partit fil-Gvern hu ċar li l-għażla ta’ Lawrence Gonzi li jikkontesta f’dan id-distrett hi immirata biex jiġbor lura l-voti tan-Nazzjonalisti mxebbgħa mill-Gvern imma lesti jafdaw lil Gonzi.
It-2 u t-3 Distrett
Mhemmx dubju li f’dawn id-distretti l-Partit Laburista hu l-iktar b’saħħtu. Il-logħba hawnhekk se tkun bejn il-PN u l-AN għal dawk il-votanti li tradizzjonalment dejjem ivvutaw PN. Fit-Tielet Distrett hemm ukoll il-fattur ta’ l-AD li bil-kandidatura ta’ Carmel Cacopardo tista’ tiġbor vot sinifikanti, speċjalment fuq Marsaskala.
|
|
Julia Farrugia tintervista lil Clyde Puli, Kandidat tal-PN
Editorijal
Il Punt
Leo Brincat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
Kien ssemma għalih il-cruise liner li nħataf fl-1985 fl-ibħra viċin l-Eġittu. L-Achille Lauro kien inħataf mit-terrorista Palestinjan Abu Abbas li spiċċa fiċ-ċentru ta' taqtigħa bejn Ronald Reagan u Bettino Craxi meta l-Amerikani sfurzaw l-inżul fil-bażi tagħhom f'Sigonella, Sqallija l-ajruplan li kien se jieħu lil Abbas lejn it-Tuneżija wara li kien inħeles mill-Eġittu. Dakinhar kienet għaddiet ta' Bettino Craxi li minkejja dak kollu li għadda minnu f'Tangentopoli ftit tas-snin wara, xorta waħda baqa' jitfaħħar għall-pożizzjoni soda li kien ħa fil-każ ta' l-Achille Lauro meta ma kienx ħalla l-prepotenza Amerikana tagħmel bih.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|