MediaToday

Aħbarijiet | 03 ta’ Frar 2008 Nr 66

Il-mara ta’ Angelik tħebb għal Frank Portelli

Il-‘Madonna’ tirringrazzja lil Xarabank

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Il-programm Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa li reġa’ ddiskuta l-allegat dehriet ta’ Angelik Caruana qanqal trikki trakki li baqgħu għaddejjin anke wara li spiċċa l-programm.
It-tabib Frank Portelli, li kien wieħed mill-esperti mistiedna għal dan il-programm, qed jallega li spiċċa aggredit minn Catherine Caruana, il-mara ta’ Angelik.
Il-każ seħħ eżatt kif spiċċa l-programm meta Caruana, li hi eks pulizija, dehret nieżla minn fost l-udjenza u resqet lejn fejn kienu l-membri tal-panel.
“Kif eżatt spiċċa l-programm jien kont qed nitkellem ma’ xi ħadd. F’ħin minnhom tfaċċat il-mara ta’ Angelik li bdiet tgħajjat u tgħid kliem abbużiv fil-konfront tiegħi,” isostni t-tabib Portelli.
Allegatament f’ħin minnhom il-mara nstemgħet tgħid: “Taf x’qed iżommni lura? Il-Madonna qed iżżommni lura.”
Iżda fi ftit sekondi l-qiegħa saħnet sew.
“F’daqqa waħda l-mara ta’ Angelik Caruana ħebbet għalija,” qal Dr Frank Portelli.
“Nixtieq pubblikament nirringrazzja lil dak is-security li kien pront u intervjena mill-ewwel biex żamm il-mara lura,” kompla t-tabib.
Sorsi qrib il-programm Xarabank ikkonfermaw li t-tabib Portelli kellu jkun eskortat lejn il-karozza tiegħu minn ħaddiema tas-sigurtà biex ikun żgurat li ma jkun fl-ebda periklu.
Mistoqsi jekk għamilx rapport lill-Pulizija dwar dan l-inċident Portelli qal li m’għamilx.
“Jien ma nista’ nara l-ebda aġir qaddis meta kont attakkat fiżikament. Il-Knisja għandha jkollha għarfien tal-fatt li min hu debboli jkun vulnerabbli ħafna u jkollu bżonn attenzjoni u protezzjoni.
“Qassisin b’mod individwali għandhom responsabbiltà kbira meta konxjament jew le jkunu qed jgħinu biex dawn l-affarijiet ikomplu jiġru. Nemmen li l-Knisja Maltija għandha tidħol f’dan il-każ u toħroġ stqarrija ċara.”
It-tabib Portelli sostna ma’ din il-gazzetta: “F’dan il-każ kollu m’hawn l-ebda miraklu. Dawn huma nies iffissati u jinfluwenzaw b’mod ħażin lil ħafna nies oħra.”
Hu rabat dan il-kumment mal-fatt li nies qrib Angelik qed isostnu li ma ġarrbu l-ebda ħsara fil-vista ta’ għajnejhom meta għal ħin twil ħarsu dirett lejn ix-xemx.
“Aħna t-tobba nibqgħu nagħtu l-parir li ħadd ma jħares dirett lejn ix-xemx għax issir ħsara fir-retina,” spjega tabib.
Il-Kurja Maltija ftit jiem qabel il-programm Xarabank intervjeniet u ordnat lil Fr Hayden, id-Direttur Spiritwali ta’ Angelik, biex anke jekk kien diġà ikkonferma li se jattendi għall-programm jirrifjuta li jagħmel dan. Hayden kien mitlub biex ma jitkellimx aktar dwar dan il-każ u biex ma jiktibx aktar fuq is-sit elettroniku www.borgin-nadur.org
Sadanittant persuni li kienu preżenti f’waħda mill-allegat dehriet tal-‘Madonna’ lil Angelik Caruana sostnew li Angelik qal li l-‘Madonna’ faħħret lil Xarabank talli se jgħinha twassal il-messaġġ tagħha.
Skond Angelik il-Madonna staqsiet jekk il-preżentatur ta’ Xarabank jippreferix li ssejjaħlu ‘Peppi’ jew ‘Joe’.
Mitlub jikkummenta wara l-programm ta’ nhar il-Ġimgħa Joe Azzopardi sostna li hu “telaq mill-premessa li Angelik Caruana seta’ gideb jew ivvinta. Konvint li mhux qed tidher il-Madonna jew ix-xitan għax ma nemminx. Imma llum, wara li kont preżenti għal waħda mill-attivitajiet imsejjħa tal-pjagi, naħseb li r-raġel tassew qed jiġrilu xi ħaġa li wieħed għad irid jiskopri x’inhi.”
Il-programm Xarabank wera kif f’waħda minn dawn l-okkażjonijiet meta Angelik Caruana kien mitluf f’estasi, persuni madwaru bdew jaħarquh b’lighter, madankollu r-raġel minn Birżebbuġa baqa’ jitbissem u iffukat fuq id-‘dehra’ mingħajr l-iċken sinjal li kien qed iħoss in-nar.
L-istess ġara meta waqt estasi minnhom Mark Xuereb, il-psikjatra ta’ Angelik, ipprova jmisslu għajnejh b’biċċa bajda.

Intervista
Nippreferi nitlef għax għedt il-verità

Julia Farrugia tintervista lil Clyde Puli, Kandidat tal-PN


Editorijal

L-id goffa ta' Falzon


Il Punt
Irridu informatika għal kulħadd
Leo Brincat

TONI u PEPPI
Sentenza mnaqqsa għal drogat li għamel programm?


Emmanuel Micallef
Il-poplu deċiż


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-Valur tax-xogħol



X'kien Jgħid
Il-ħmar il-magħkus



Wenzu Mintoff

Achille Lauro

Kien ssemma għalih il-cruise liner li nħataf fl-1985 fl-ibħra viċin l-Eġittu. L-Achille Lauro kien inħataf mit-terrorista Palestinjan Abu Abbas li spiċċa fiċ-ċentru ta' taqtigħa bejn Ronald Reagan u Bettino Craxi meta l-Amerikani sfurzaw l-inżul fil-bażi tagħhom f'Sigonella, Sqallija l-ajruplan li kien se jieħu lil Abbas lejn it-Tuneżija wara li kien inħeles mill-Eġittu. Dakinhar kienet għaddiet ta' Bettino Craxi li minkejja dak kollu li għadda minnu f'Tangentopoli ftit tas-snin wara, xorta waħda baqa' jitfaħħar għall-pożizzjoni soda li kien ħa fil-każ ta' l-Achille Lauro meta ma kienx ħalla l-prepotenza Amerikana tagħmel bih.

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075