Sports | 03 ta’ Frar 2008 Nr 66
Antoine Zahra hu wieħed minn dawk il-plejers li ta’ eta’ żgħira dejjem segwejt b’interess kbir. Huwa l-uniku plejer attwali fit-tim Karkariż li laħaq u lagħab f’dawn l-aħħar epoki tat-tim tal-futbol. Kien fl-iskwadra anki qabel ma’ t-tim tela’ Premier u baqa’ dejjem leali lejn il-flokk aħmar u isfar fiż-żminijiet li ma kinux daqshekk faċli għalih.
Nikkunsidrah wieħed mill-plejers sfortunati ta’ l-aħħar ġenerazzjoni tal-futbol Malti. It-talent li għandu bil-ballun urieh minn meta kien tifel. Ċert li kien jagħmel ħafna aktar milli għamel li kieku l-injuries li sofra f’dawn l-aħħar snin ma żammewhx ’il bogħod mil-logħba.
Illum irritorna. Wara tant terturi u martirju fl-aħħar ġimgħat reġa’ ħa ċans u beda jitħarreġ b’mod ħafif. S’issa jidher li kollox qed jindika li se nerġgħu narawh wieħed mill-protagonisti tal-kampjonat Premier fis-snin li fadallu jilgħab.
Tikkunsidra l-eta’ li għandu, din tista’ tkun l-aħħar fażi tal-karriera tiegħu jekk ikollu jerġa’ jħoss l-uġigħ li tant tah fastidju f’dawn l-aħħar snin. Wieħed ta’ min jawguralu ftit aktar fortuna minn dik li kellu s’issa fil-karriera tal-futbol. Aktar minn ċert li għat-tim ta’ Birkirkara se jkun iċ-ċirasa fuq il-kejk f’mument delikat ħafna li Antoine stess ixebbħu ma’ dak ta’ l-ewwel snin meta t-tim kien promoss fil-kampjonat Premier.
Iltqajt miegħu nhar it-Tnejn wara nofsinhar. F’din l-intervista ta’ aktar minn siegħa, Antoine ikellimni fuq Birkirkara tal-preżent, passat u futur u ż-żminijiet is-sbieħ li kellu mat-tim nazzjonali Malti.
Filwaqt li jispjegali l-martirju li għadda minnu kulmeta ħassu muġugħ, jgħidli li l-ikbar frustrazzjoni għalih kien il-fatt li jħobb tant il-ballun u l-logħba tal-futbol u għamel żmien twil jara biss lil sħabu jitħarrġu u ma setax ikun maghhom fl-iskwadra.
“Inħossni żvinturat meta wieħed jikkonsidra l-karriera qasira ta’ plejer tal-futbol. Ħakmuni affarijiet li ma kellix kontroll fuqhom. Jien jiddispjaċini biss meta nara plejers jilagħbu l-futbol imma ma jkunux iħobbuh. Fis-sens li ma jkunux daqshekk dedikati. Imbagħad meta nkun waħdi ngħid, ‘imma għalfejn jien, għalfejn lili dawn l-injuries kollha?’ M’għandix rimors li stajt għamilt aktar milli għamilt. Għaddejt minn uġigħ u terturi kbar.”
Kien dan l-ewwel diskors tiegħu hekk kif poġġejna quddiem xulxin. Jiddispjaċik għall-fatt li mill-ħarsa wkoll jurik li l-plejer xtaq li ta aktar milli ta s’issa lill-klabb tar-raħal li hu twieled u trabba fih. Issa jidher deċiż li jekk ix-xitan ma jerġax jittanta se jagħti dak kollu li jista’ għal Birkirkara.
“Jien twelidt fil-logħba tal-futbol. Missieri kien jilgħab ukoll ma’ Ħal Qormi fiż-żmien meta kienu telgħu fl-Ewwel Diviżjoni. Ommi tgħidli li minn meta kont żgħir kont dejjem nixxuttja l-ġebel u xi ballun. Niftakar li mill-iskola kienu għażluna l-MFA u ta’ 12-il sena kont mort ma’ Birkikara. Minn hemm qatt ma ħarist lura.”
Antoine jgħidli li kellu jerġa’ jirritorna għax-xogħol meta waqaf mit-tim nazzjonali Malti.
“Jien naħdem mal-Malta Freeport. Meta fiż-żmien kont nilgħab mat-tim nazzjonali kont sponsorjat minn hemm imma wara l-injuries li sofrejt kelli nirritorna għax-xogħol. Qabel ħajti kienet futbol biss minn filgħodu sa filgħaxija. Illum differenti. Nagħmel fuq il-post tax-xogħol sat-3.30pm u wara mmur għat-taħriġ. Nirritorna d-dar f’xi 8pm.
“F’dawn l-aħħar snin ħajti nbidlet. Bqajt bniedem normali bħalma kont dejjem iżda tgħallimt nieħu l-affarijiet kif jiġu minn kull aspett anki jekk ikunu kbar. Mhux se nagħmel ħafna għaġeb. Nemmen li għandi karattru li nħobb inżomm xi ftit għalija dak li nkun għaddej minnu.”
Antoine Zahra twieled fil-5 ta’ Marzu 1977. Huwa iben George u Doris u ddebutta fil-kampjonat Premier fl-1994 f’rebħa ta’ 2-0 kontra l-Imqabba. Jitkellem fuq l-ewwel żminijiet tiegħu ma’ Birkirkara.
“Fiż-żmien in-nursery ma kinitx għadha tal-klabb. Dak iż-żmien meta dħalt jien kienet Birkirkara St. Joseph. Minn hemm bqajt tiela sakemm wasalt sa l-ogħla livell mat-tim fil-kampjonat Premier.
“Jien noqgħod Ħal Lija imma trabbejt Birkirkara. Ir-raħal minn dejjem kien ġo fija. F’dan iż-żmien kollu kemm ili barra bqajt sorpriż ħafna bil-Karkariżi. Baqgħu jċempluli u jistaqsu għalija ma’ kulħadd b’mod konsistenti. Għamluli kuraġġ kbir biex nerġa’ nipprova nibda nilgħab il-futbol. Għalija ma kinitx daqshekk faċli biex illum il-ġurnata erġajt dħalt. Jien bis-sagrifiċċji li għamilt kont inkun kuntent ukoll kieku nitħarreġ biss u ma nilgħabx. Aħseb u ara bħalissa, li s’issa erġajt qiegħed fit-tim. Li tawni l-go ahead li qiegħed fil-pjani tal-kowċ u jixtiequ jerġgħu jarawni nilgħab kien ta’ sodisafazzjoni kbir għalija.”
Nitkellem ma’ Antoine fuq Birkirkara tal-preżent. Jidher li mhux daqshekk kuntent bis-sitwazzjoni imma fiduċjuż li bit-tim li hemm jistgħu jispiċċaw fl-ogħla postijiet tal-klassifika jekk kulħadd jagħti l-impenn massimu tiegħu.
“Fil-preżent qed inġeddu l-memorji ta’ meta ma konniex dik il-forza fil-futbol Malti. Jiena nemmen li b’daqsxejn aktar attenzjoni nistgħu nkunu ħafna aħjar milli qegħdin illum. Hemm plejers li m’humiex daqshekk fil-forma. Nemmen li huma kapaċissimi u fiduċjuż li ’l quddiem se nkunu fiċ-Championship Pool, possibilment b’ċans li nispiċċaw fit-tielet post. Kollox jiddependi mil-logħba li jmiss kontra Ħamrun Spartans. Hija waħda kruċjali għat-tnejn.”
Miegħu nitkellem fuq iż-żmien diffiċli li għadda minnu. Jirrakkuntali sa mill-ewwel darba li beda jsofri mill-uġigħ.
“L-ewwel injury serja li kelli kienet fis-sena 2000. Kienet daħla ta’ Digger Okonkwo li litteralment qalagħli l-għaksa minn postha. Kont għamilt xi tmien xhur biex irkuprajt imma baqgħet tittantani.
“Erġajt ikkrollajt f’logħba kontra l-Belt b’kumbinazzjoni kontra l-kowċ tagħna llum, John Buttigieg. Mill-ewwel indunajt li kien hemm xi ħaġa li marret ħażin fit-terapija ta’ qabel. Saqajja mtliet bid-demm u bdiet taħraqni ħafna. Kont mort għat-testijiet u qaluli li kollox huwa kif suppost u seta’ kien hemm xi ftit infjammazzjoni. Meta ġejt għas-si u n-no bdejt inħossha ftit laxka. Kelli nerġa’ nagħmel operazzjoni u erġajt dħalt sakemm l-istess ligament reġa’ ċċarrat.”
Quddiem dan kollu nistaqsih jekk qattx xi darba ħaseb jiqafx darba għal dejjem mill-karriera tal-futbol.
“Kienet qed itellifni wisq u ma stajtx inkompli. Hemmhekk daħalli d-dubju ndendilx iż-żarbun jew le. Ġieni ħafna dan il-ħsieb u meta bdejt nara l-affarijiet ġejjin mhux kif xtaqthom, ħsibtha kemm-il darba x’kien l-aħjar li nagħmel. Hawn Malta kulħadd jaf li l-klabbs m’humiex f’sitwazzjoni finanzjarja mill-aqwa u sibt ħafna bibien magħluqa. Għamilt ħafna sagrifiċċji u sibt ukoll nies li ppruvaw jgħinuni u kien bis-saħħa tagħhom li ma qtajt qalbi qatt u llum erġajt irritornajt. Xi żmien ilu erġajt għamilt it-testijiet u qaluli li kollox kien sew u li saqajja tinsab f’kundizzjoni perfetta. Ħadt ċans u erġajt ippruvajt. S’issa mhux tagħtini fastidju. Nistennew u naraw.”
Ngħidlu jekk dan kienx l-aħħar ċans li se jagħti lil saqajh jekk kemm-il darba jerġa’ jħoss l-uġigħ.
“Jien ma ngħid xejn għax il-futur mistur u ħadd ma jista’ jbassru. Inutli ngħid li jekk terġa’ tittantani se nieqaf. Naf li l-kilba għal-logħba tal-futbol terġa’ tegħleb lili nnifsi. Pero’ minix naħseb fuq dak. Qed nitlob biss biex l-uġigħ li kelli ma nerġax inħossu. S’issa ninsab kuntent ħafna.”
Antoine huwa oriġinarjament il-captain tat-tim Karkariż. Kemm ilu nieqes il-faxxa fuq l-id ix-xellugija għaddiet għand Michael Galea. Imma Antoine għadu jħoss lilu nnifsu l-mexxej ta’ din l-iskwadra?
“Jien ftit li xejn jimpurtani mill-faxxa tal-captain. Jien kont il-captain għax kif jaf kulħadd bdejt fin-nursery ta’ Birkirkara minn ta’ età żgħira u allura kont l-aktar wieħed veteran fit-tim. Però dak mhux l-aktar importanti. Għalija jista’ jibqa’ jżomm il-faxxa Michael Galea għax jekk saqajja ma tinkwetanix nerġa’ nsir l-aktar raġel kuntent fid-dinja.”
Antoine kien parti importanti ħafna mit-tim nazzjonali. Jgħidli li għadu jaħseb f’dan it-tim sal-ġurnata ta’ llum filwaqt li m’eskludiex ir-ritorn tiegħu jekk terġa’ tiġih l-opportunità.
“It-tim nazzjonali Malti nimmisjah ħafna. Kien mument mill-isbaħ f’ħajti li kull plejer tal-futbol joħlom li jkun fih. Li tilgħab għal pajjiżek hija l-quċċata ta’ kull plejer. Mat-tim nazzjonali komplejt nitgħallem aktar u ħadt esperjenza internazzjonali.
“It-tim nazzjonali għamel affarijiet kbar taħt Heese u Fitzel. Irnexxielhom jagħmlu skwadra żagħżugħa li biha reġgħu ġibdu l-folol il-kbar tal-passat lejn l-istadium. Kont inħossni parti minnhom. Iż-żmien tiegħi fit-tim nazzjonali nibqa’ ngħożżu ħajti kollha.
“Inutli naħseb fuq il-futur meta l-ikbar priorità tiegħi huwa l-preżent. Bħalissa qed naħseb biss li l-uġigħ li ħakimni dawn l-aħħar snin ma nerġax inħossu u nkun nista’ nilgħab komdu. Jekk ’il quddiem terġa’ tiġi l-okkażjoni naħsibha sew qabel. Probabbli li naċċetta.”
Ambizzjoni kbira meta tqis minn xiex għadda dan il-plejer. Biss, li Antoine irritorna għall-futbol kompetittiv, hija diġà xi ħaġa kbira wara dak kollu li għadda minnu. Ċert li għalih it-tim nazzjonali mhux se tkun mira impossibbli.
Sakemm nimxu flimkien sa barra jġedded il-memorji fuq l-isbaħ gowls li għamel. Jgħidli li jiġġudika l-freekick li skorja kontra Dinamo Tbilisi fit-Tazza Uefa bħala l-isbaħ wieħed tal-karriera u l-aktar wieħed li jibqa’ jiftakar f’ħajtu. Kien gowl li sewa mitqlu deheb ghal Birkirkara għax bih għaddew għat-tieni round.
“Ma nistax ma nirringrazzjax lil missieri George u ommi Doris li dejjem sibthom warajja. Lit-tabib David Attard, lill-physio Joseph St. John, lil Charles Pace, id-Direttur ta’ Mosta Auto Dealer u lit-tfal tiegħu Christopher u Karl. Ma nistax ninsa lill-Malta Freeport ta’ l-appoġġ li dejjem sibt u lill-partitarji Karkariżi li dejjem baqgħu warajja. Fl-aħħarnett ma nistax ma nirringrazzjax lil Alla li tagħni possibiltà oħra li nerġa’ nilgħab l-aktar logħba li nħobb.” |
|
Julia Farrugia tintervista lil Clyde Puli, Kandidat tal-PN
Editorijal
Il Punt
Leo Brincat
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
Kien ssemma għalih il-cruise liner li nħataf fl-1985 fl-ibħra viċin l-Eġittu. L-Achille Lauro kien inħataf mit-terrorista Palestinjan Abu Abbas li spiċċa fiċ-ċentru ta' taqtigħa bejn Ronald Reagan u Bettino Craxi meta l-Amerikani sfurzaw l-inżul fil-bażi tagħhom f'Sigonella, Sqallija l-ajruplan li kien se jieħu lil Abbas lejn it-Tuneżija wara li kien inħeles mill-Eġittu. Dakinhar kienet għaddiet ta' Bettino Craxi li minkejja dak kollu li għadda minnu f'Tangentopoli ftit tas-snin wara, xorta waħda baqa' jitfaħħar għall-pożizzjoni soda li kien ħa fil-każ ta' l-Achille Lauro meta ma kienx ħalla l-prepotenza Amerikana tagħmel bih.
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|